Kellem lil Uliedek Dwar is-Sess
Fatturi Essenzjali għall-Hena fil-Familja
Alicia, a tfajla adoloxxenti, tgħid: “Kultant sempliċement ikolli kurżità dwar xi ħaġa relatata mas-sess, imma nħoss li jekk nistaqsi lill-ġenituri tiegħi jaħsbu li qed nistaqsihom għax inkun qed nagħmel xi ħaġa ħażina.”
Inez, omm Alicia, tgħid: “Inkun nixtieq noqgħod bilqiegħda u nitkellem maʼ binti dwar is-sess, imma dejjem ikollha ħafna x’tagħmel. Diffiċli nsib ħin konvenjenti għaliha biex inkellimha.”
ILLUM, kulħadd jippromwovi s-sess—fuq it-televixin, fil-films, u fir-reklami. Milli jidher huwa biss fil-konversazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied li dan is-suġġett jitqies bħala tabù. Michael, adoloxxenti mill-Kanada, jgħid: “Nixtieq li l-ġenituri jkunu jafu kemm hu stressanti u imbarazzanti li nkellmuhom dwar is-sess. Huwa iktar faċli titkellem maʼ ħabib.”
Spiss, il-ġenituri sempliċement iħossuha bi tqila daqs uliedhom biex iqajmu s-suġġett. Fil-ktieb tagħha Beyond the Big Talk, Debra W. Haffner, edukatriċi tas-saħħa, tgħid: “Ħafna ġenituri qaluli li xtraw ktieb lil uliedhom dwar is-sesswalità jew il-pubertà, ħallewh fil-kamra taʼ wliedhom li kienu għadhom mhumiex adoloxxenti, u qatt ma reġgħu ddiskutew is-suġġett.” Haffner tgħid li l-messaġġ lit-tfal huwa ċar: “Irridukom tkunu tafu dwar is-sess u dwar kif jaħdem ġisimkom; imma sempliċement ma rridux inkellmukom fuq hekk.”
Jekk int ġenitur, jeħtieġ li jkollok attitudni differenti. Huwa tabilħaqq kruċjali li titkellem maʼ wliedek personalment dwar is-sess. Ikkunsidra tliet raġunijiet:
1. Il-ħarsa tad-dinja lejn is-sess inbidlet. “In-nies m’għadhomx iħarsu lejn is-sess bħala r-relazzjoni sesswali bejn raġel u mara miżżewġin,” jgħid James, li għandu 20 sena. “Issa hemm is-sess orali, is-sess anali, is-cybersex, jiġifieri sess permezz tal-internet, u saħansitra s-‘sexting’—messaġġi, ritratti, jew vidjos immorali li jintbagħtu permezz tal-mobile.”
2. X’aktarx li wliedek se jingħataw informazzjoni żbaljata sa minn ċkunithom. “Huma se jisimgħu bis-sess malli jibdew imorru l-iskola,” tgħid omm jisimha Sheila, “u mhux se jkollhom l-istess ħarsa lejn is-sess li trid li jkollhom int.”
3. Uliedek jixtiequ jistaqsu dwar is-sess imma probabbilment mhux se jkunu huma li jibdew il-konversazzjoni. “Sinċerament, m’għandi l-ebda idea kif nibda konversazzjoni mal-ġenituri tiegħi dwar is-sess,” tgħid Ana mill-Brażil, li għandha 15-il sena.
Tabilħaqq, li tkellem lil uliedek dwar is-sess hija parti mir-responsabbiltà li Alla tak bħala ġenitur. (Efesin 6:4) Veru, forsi jkun imbarazzanti, kemm għalik u kemm għalihom. Iżda, xi ħaġa pożittiva hi li ħafna żgħażagħ jaqblu maʼ Danielle, li għandha 14-il sena. Din tgħid: “Aħna rridu nsiru nafu dwar is-sess mingħand il-ġenituri tagħna—mhux mingħand xi għalliema jew permezz taʼ xi programm fuq it-televixin.” Għalhekk, kif tistaʼ tkellem lil uliedek dwar dan is-suġġett importanti, imma li rridu nammettu li hu wkoll imbarazzanti? b
Qis l-Età Tagħhom
Sakemm ma jkunux jgħixu f’xi post iżolat għalkollox, it-tfal jibdew jisimgħu dwar is-sess sa minn età żgħira. Saħansitra iktar inkwetanti hu l-fatt li f’dawn “l-aħħar jiem,” nies mill-agħar sejrin “mill-ħażin għall-agħar.” (2 Timotju 3:1, 13) B’dispjaċir, ħafna tfal jiġu abbużati sesswalment mill-adulti.
Għalhekk, huwa importanti li int tibda tgħallem lil uliedek waqt li jkunu għadhom pjuttost żgħar. Omm mill-Ġermanja jisimha Renate tgħid: “Jekk tistenna sakemm ikunu qorbu lejn l-adoloxxenza jistgħu ma jkunux iridu jitkellmu bil-miftuħ minħabba l-biżaʼ u l-mistħija li jġib miegħu dan iż-żmien tal-pubertà.” L-importanti hu li tagħti lil uliedek informazzjoni skont l-età tagħhom.
Għat-tfal żgħar li għadhom ma bdewx imorru l-iskola: Kun ċert li tgħallimhom l-isem proprju tal-organi sesswali, u enfasizza li ħadd m’għandu jmiss dawn l-organi. Omm mill-Messiku jisimha Julia tgħid: “Bdejt ngħallem lil ibni meta kellu tliet snin. Il-fatt li kont naf li xi għalliema, babysitters, u tfal akbar minnu setgħu jagħmlulu l-ħsara kien ikiddni ferm. Hu kellu bżonn ikun jaf kif jipproteġi lilu nnifsu minn nies li ma jafhomx.”
IPPROVA DAN: Ħarreġ lit-tfal tiegħek biex iwieġbu b’mod sod jekk xi ħadd jipprova jilgħab bl-organi sesswali tagħhom. Pereżempju, tistaʼ forsi tgħallimhom ħalli jgħidu: “Ieqaf! Se nugżak!” Aċċerta lil uliedek li dejjem ikun xieraq li tikxef lil xi ħadd li jipprova jagħmel ħaġa bħal din—avolja l-persuna twegħedhom li tagħtihom xi rigal jew inkella theddidhom. c
Għat-tfal tal-primarja: Uża dawn is-snin bħala opportunità biex tkompli żżid l-għarfien taʼ wliedek bil-mod il-mod. Missier jismu Peter jagħti dan il-parir: “Qabel tkellimhom ara xi jkunu jafu diġà u jekk ikunux iridu jsiru jafu iktar dwar is-suġġett. Tipprovax iġġegħelhom jitkellmu miegħek bilfors. X’aktarx li jekk tqattaʼ ħin maʼ wliedek regolarment se tagħmilhielhom iktar faċli li jitkellmu miegħek.”
IPPROVA DAN: Iddiskuti fil-qosor u taʼ spiss minflok ma tiddiskuti darba u fit-tul. (Dewteronomju 6:6-9) B’dan il-mod, ma tgħabbix lil uliedek b’ħafna informazzjoni. Barra minn hekk, huma u jikbru se jkollhom l-informazzjoni li jeħtieġu skont il-livell taʼ maturità tagħhom.
Għall-adoloxxenti: Issa hu l-waqt li taċċerta ruħek li wliedek ikollhom biżżejjed għarfien dwar l-aspetti fiżiċi, emozzjonali, u morali tas-sess. “Kemm is-subien u kemm il-bniet fl-iskola tiegħi diġà qed jagħmlu s-sess,” tgħid Ana, it-tfajla taʼ 15-il sena li ġiet kwotata qabel. “Jien naħseb li bħala Kristjana għandi bżonn biżżejjed għarfien dwar is-suġġett. Hu kemm hu imbarazzanti li tiddiskuti dwaru, is-sess hu xi ħaġa li għandi nkun naf dwaru.” d
Attenzjoni: L-adoloxxenti jistgħu jżommu lura milli jistaqsu mistoqsijiet għax jibżgħu li l-ġenituri tagħhom se jissuspettaw li l-kondotta tagħhom mhijiex xierqa. Missier jismu Steven jgħid: “It-tifel tagħna kien joqgħod lura milli jiddiskuti dwar is-sess, imma iktar tard skoprejna li kien iħoss li aħna konna naħsbu ħażin dwar l-imġiba tiegħu. Għamilnieha ċara li ma konniex qed niddiskutu dawn is-suġġetti għax ħsibna ħażin fih; ridna biss naċċertaw ruħna li hu kien imħejji biex jikkumbatti l-influwenzi ħżiena taʼ madwaru.”
IPPROVA DAN: Minflok ma tistaqsi mistoqsijiet diretti lill-adoloxxenti dwar kwistjoni partikulari rigward is-sess, staqsihom kif jaħsbuha sħabhom tal-iskola dwar din il-kwistjoni. Pereżempju, forsi tistaʼ tgħid: “Illum ħafna nies iħossu li s-sess orali mhuwiex proprju sess. Hekk jaħsbuha sħabek tal-iskola?” Mistoqsijiet indiretti bħal dawn x’aktarx li jġiegħlu lill-adoloxxenti jesprimu ruħhom u jgħidu kif jaħsbuha dwar is-suġġett.
Għeleb il-Mistħija
M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun li waħda mill-iktar affarijiet diffiċli li trid tagħmel bħala ġenitur hi li tkellem lil uliedek dwar is-sess. Imma l-isforz ċertament ma jkunx għalxejn. Omm jisimha Diane tgħid: “Biż-żmien ma tibqax tħossok imbarazzat li titkellem maʼ wliedek dwar is-sess, anzi fil-fatt dan jistaʼ jsir opportunità biex issaħħu r-relazzjoni tagħkom maʼ xulxin.” Steven, li ġie kwotat iktar kmieni, jaqbel maʼ dan. Hu jgħid: “Jekk tiħodha drawwa li titkellem bil-miftuħ dwar kwalunkwe suġġett li jistaʼ jitqajjem fil-familja, se jsir iktar faċli li tiddiskuti suġġetti imbarazzanti bħalma huwa s-sess.” Hu jżid jgħid: “Xorta se jkun xi ftit jew wisq imbarazzanti, imma l-komunikazzjoni bil-miftuħ hija essenzjali biex familja Kristjana tkun b’saħħitha.”
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
b Dan l-artiklu se jiddiskuti l-bżonn li titkellem maʼ wliedek dwar is-sess. Fil-futur se joħroġ artiklu f’din is-serje li se jiddiskuti kif tnaqqax valuri morali f’diskussjonijiet bħal dawn.
c Meħud minn paġna 171 tal-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
d Għal diskussjonijiet dwar is-sess mal-adoloxxenti tiegħek, uża kapitli 1-5, 28, 29, u 33 tal-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, it-2 Volum, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 14]
STAQSI LILEK INNIFSEK . . .
Aqra l-kummenti li ġejjin mingħand żgħażagħ madwar id-dinja, u mbagħad staqsi lilek innifsek il-mistoqsijiet li hemm wara kull kumment.
• “Il-ġenituri tiegħi jgħiduli biex naqra artikli dwar is-sess, u mbagħad jekk ikolli xi mistoqsijiet immur niddiskutihom magħhom. Imma nixtieq li jkellmuni iktar dwar dan is-suġġett.”—Ana, il-Brażil.
Għala taħseb li hu importanti li tagħmel iktar milli sempliċement tagħti xi ktieb dwar is-sess lil uliedek biex jaqrawh?
• “Jien smajt ħafna affarijiet dwar atti sesswali perversi—affarijiet li naħseb missieri qatt ma semaʼ bihom. Min jaf kif iġib għajnejh wara widnejh jekk nistaqsih dwarhom!”—Ken, il-Kanada.
Liema biżaʼ jistaʼ jkollhom uliedek biex ikellmuk dwar dak li jkun qed jinkwetahom?
• “Meta sa fl-aħħar rabbejt il-kuraġġ biex nagħmel mistoqsija lill-ġenituri tiegħi dwar is-sess, donnhom riedu jakkużawni bil-mod kif wiġbuni għax staqsewni, ‘Għala qed tistaqsi? Jaqaw ġara xi ħaġa?ʼ”—Masami, il-Ġappun.
Meta wliedek jagħmlulek xi mistoqsija dwar is-sess, ir-reazzjoni tiegħek kif tistaʼ tagħmilha faċli jew diffiċli li jkollok diskussjonijiet fil-futur?
• “Ikun t’għajnuna kieku l-ġenituri tiegħi jserrħuli rasi u jgħiduli li meta kienu tampari kienu jistaqsu l-istess mistoqsijiet u li huwa normali li anki jien nistaqsi mistoqsijiet bħal dawn.”—Lisette, Franza.
X’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil uliedek iħossuhom iktar komdi jitkellmu miegħek dwar is-sess?
• “Ommi kienet tistaqsini mistoqsijiet dwar is-sess, imma b’ton ħelu. Inħoss li dan hu importanti sabiex it-tfal ma jħossux li qed jiġu ġudikati.”—Gerald, Franza.
X’ton tuża meta tkellem lil uliedek dwar is-sess? Hemm bżonn taʼ xi aġġustament?