Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom?

Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom?

Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom?

“M’iniex nimmira d-​daqqiet tiegħi b’tali mod li nkun qed nagħti fl-​arja.”—1 KOR. 9:26.

1, 2. Sabiex ikollok suċċess hekk kif tikber u ssir adult, x’għandek bżonn?

 JEKK tkun se tivvjaġġa minn post li ma tafx, għandek mnejn tkun trid tieħu miegħek mappa u boxxla. Il-​mappa tgħinek tkun taf fejn qiegħed u tgħinek tippjana minn fejn għandek tgħaddi. Il-​boxxla tgħinek tibqaʼ fit-​triq it-​tajba. Madankollu, kemm il-​mappa kif ukoll il-​boxxla ma tantx se jkunu t’għajnuna jekk ma tafx ’il fejn sejjer. Biex tevita li toqgħod iddur bla bżonn, jeħtieġ li tkun taf eżattament x’inhi d-​destinazzjoni tiegħek.

2 Int tiffaċċja sitwazzjoni simili hekk kif tikber u ssir adult. Għandek disponibbli kemm mappa taʼ min joqgħod fuqha kif ukoll boxxla. Il-​Bibbja hija mappa li tistaʼ tgħinek tkun taf liema triq għandek tieħu. (Prov. 3:5, 6) Jekk tkun imħarrġa sew, il-​kuxjenza tiegħek tistaʼ tkun għajnuna kbira f’li tgħinek tibqaʼ fit-​triq it-​tajba. (Rum. 2:15) Isservi taʼ boxxla. Imma, biex ħajtek tkun taʼ suċċess, għandek bżonn tkun taf ukoll ’il fejn sejjer. Għandek bżonn tkun taf eżattament x’inhuma l-​miri tiegħek.

3. Fl-​1 Korintin 9:26, Pawlu jirreferi għal liema benefiċċji li jiġu milli tagħmel miri?

3 L-​appostlu Pawlu qal fil-​qosor x’kienu l-​benefiċċji li jiġu milli tagħmel miri u tistinka biex tilħaqhom meta kiteb: “M’iniex niġri b’mod inċert; m’iniex nimmira d-​daqqiet tiegħi b’tali mod li nkun qed nagħti fl-​arja.” (1 Kor. 9:26) Jekk għandek miri, tistaʼ tiġri b’mod ċert. Dalwaqt se jkollok tieħu deċiżjonijiet importanti dwar il-​qima, l-​impjieg, iż-​żwieġ, u l-​familja, biex insemmu xi ftit. Xi kultant, tistaʼ tħossok li qed tiffaċċja ħafna għażliet li jħawduk. Imma jekk tippjana minn qabel it-​triq li se tieħu, u tibbaża d-​deċiżjonijiet tiegħek fuq il-​veritajiet u l-​prinċipji li nsibu fil-​Kelma t’Alla, int mhux se tiġi mħajjar taqbad it-​triq il-​ħażina.—2 Tim. 4:4, 5.

4, 5. (a) X’jistaʼ jiġri jekk ma tagħmilx miri għalik innifsek? (b) L-​għażliet tiegħek għala għandhom ikunu gwidati minn xewqa li togħġob lil Alla?

4 Jekk ma tagħmilx miri għalik innifsek, sħabek u l-​għalliema tiegħek x’aktarx se jinfluwenzawk biex tagħmel dak li huma jaħsbu li hu tajjeb għalik. M’għandniex xi ngħidu, anki jekk għandek miri speċifiċi, xi wħud xorta forsi joffru l-​opinjonijiet tagħhom. Meta tismaʼ s-​suġġerimenti tagħhom staqsi, ‘Il-​miri li qed isemmu kieku jgħinuni niftakar fil-​Ħallieq tiegħi waqt li għadni żagħżugħ jew itellfuni milli nagħmel dan?’—Aqra Ekkleżjasti 12:1.

5 L-​għażliet li tagħmel fil-​ħajja, għala għandhom ikunu gwidati minn xewqa li togħġob lil Alla? Raġuni waħda hi li Ġeħova tana kull ħaġa tajba li għandna. (Ġak. 1:17) Verament, kulħadd għandu jkun grat lejn Ġeħova. (Riv. 4:11) Liema mod aħjar jistaʼ jkun hemm biex turi l-​apprezzament tiegħek milli żżomm lil Ġeħova f’moħħok meta tagħmel il-​miri? Ejja nikkunsidraw liema miri huma taʼ min jagħmilhom u x’għandek tagħmel biex tilħaqhom.

Liema Miri Tistaʼ Tagħmel?

6. Liema mira bażika importanti tistaʼ tagħmel, u għala?

6 Bħalma ssemma fl-​artiklu taʼ qabel dan, mira bażika importanti li tistaʼ tagħmel hi li tagħti prova lilek innifsek li dak li jintqal fil-​Bibbja hu minnu. (Rum. 12:2; 2 Kor. 13:5) Dawk tamparek forsi jemmnu fl-​evoluzzjoni jew fi twemmin reliġjuż falz ieħor għax oħrajn qalulhom li hekk għandhom jemmnu. Imma, m’għandekx għalfejn temmen f’xi ħaġa sempliċement għax ħaddieħor hekk iridek temmen. Tinsiex, Ġeħova jridek taqdih b’moħħok kollu. (Aqra Mattew 22:36, 37.) Missierna tas-​sema jridek tibni l-​fidi tiegħek fuq l-​evidenza.—Ebr. 11:1.

7, 8. (a) Liema miri li jintlaħqu malajr jistgħu jgħinuk issaħħaħ il-​fidi tiegħek? (b) X’se tesperjenza hekk kif tilħaq xi ftit mill-​miri li jintlaħqu malajr?

7 Biex tiġi megħjun issaħħaħ il-​fidi tiegħek, għala ma tagħmilx xi miri li jintlaħqu malajr? Mira waħda tistaʼ tkun li titlob kuljum. Biex it-​talb tiegħek ma jkunx ripetittiv imma speċifiku, jistaʼ jkun t’għajnuna li tiftakar jew tieħu nota t’affarijiet speċifiċi li ġraw matul il-​ġurnata u li tixtieq issemmi fit-​talb. Kun ċert li ma ssemmix biss l-​isfidi li tiffaċċja imma wkoll l-​affarijiet li ħadt gost bihom. (Flp. 4:6) Mira oħra hi li taqra l-​Bibbja kuljum. Kont taf li jekk taqra xi erbaʼ paġni kuljum, se taqra l-​Bibbja kollha kemm hi f’sena biss? a Salm 1:1, 2 jgħid: “Hieni l-​bniedem . . . li l-​għaxqa tiegħu hi fil-​liġi taʼ Ġeħova, u lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-​liġi tiegħu.”

8 Mira oħra li tintlaħaq malajr u li tistaʼ tagħmel hi li tipprepara tweġiba għal kull laqgħa tal-​kongregazzjoni. Għall-​ewwel għandek mnejn tkun trid taqra t-​tweġiba jew skrittura. Maż-​żmien, tistaʼ tagħmel il-​mira li twieġeb fi kliemek. Fir-​realtà, kull darba li twieġeb tkun qed toffri għotja lil Ġeħova. (Ebr. 13:15) Ladarba tkun ilħaqt xi ftit minn dawn il-​miri, il-​fiduċja tiegħek se tikber flimkien mal-​apprezzament lejn Ġeħova, u se tkun lest biex tagħmel miri li jdumu iktar biex jintlaħqu.

9. Jekk għadek m’intix pubblikatur tas-​Saltna, liema miri li jdumu iktar biex jintlaħqu tistaʼ tagħmel għalik innifsek?

9 Liema miri li jdumu iktar biex jintlaħqu tistaʼ tagħmel għalik innifsek? Jekk għadek ma bdejtx tieħu sehem fix-​xandir tal-​aħbar tajba fil-​pubbliku, il-​mira tiegħek tistaʼ tkun li ssir pubblikatur tas-​Saltna. La tilħaq din il-​mira nobbli, se tkun trid toħroġ regolarment u tkun effettiv, billi ma tħallix xahar jgħaddi mingħajr ma toħroġ fil-​ministeru. Ukoll, se tkun trid titgħallem tuża l-​Bibbja fil-​ministeru. Hekk kif tagħmel dan, x’aktarx se ssib li qed tieħu iktar gost fix-​xogħol tal-​ippritkar. Imbagħad, tkun tistaʼ żżid l-​ammont taʼ ħin li tqattaʼ fix-​xogħol minn dar għal dar jew saħansitra tistinka biex tikkonduċi studju tal-​Bibbja. Bħala pubblikatur mhux mgħammed, liema mira aħjar jistaʼ jkollok milli tikkwalifika għall-​magħmudija u ssir Xhud t’Alla Ġeħova dedikat u mgħammed?

10, 11. Iż-​żgħażagħ mgħammdin liema miri li jdumu iktar biex jintlaħqu jistgħu jagħmlu għalihom infushom?

10 Jekk int diġà qaddej mgħammed taʼ Ġeħova hawn se ssib xi miri li jdumu iktar biex jintlaħqu u li tistaʼ tirsisti għalihom. Kull tant żmien tistaʼ tgħin lil xi kongregazzjonijiet biex jaħdmu t-​territorji li ma jinħadmux spiss. Ukoll, forsi tagħżel li tuża s-​saħħa u l-​enerġija tiegħek fix-​xogħol taʼ pijunier awżiljarju jew regulari. Għaxriet t’eluf taʼ pijunieri ferħanin jgħidulek li s-​servizz full-​time hu mod premjanti kif tiftakar fil-​Ħallieq tiegħek f’żgħożitek. Dawn huma miri li tistaʼ tilħaq waqt li tkun għadek tgħix id-​dar. Il-​kongregazzjoni lokali tiegħek ukoll se tibbenefika jekk tilħaqhom.

11 Miri oħrajn li jdumu biex jintlaħqu jistgħu jwassluk biex tkun t’għajnuna għal kongregazzjonijiet oħrajn. Pereżempju, tistaʼ tippjana li taqdi fi nħawi jew pajjiż ieħor fejn hemm bżonn akbar. Forsi trid tgħin fil-​bini tas-​Swali tas-​Saltna jew tal-​faċilitajiet tal-​fergħa f’pajjiżi barranin. Forsi tistaʼ saħansitra taqdi f’Betel jew issir missjunarju. Ovvjament, l-​ewwel mira importanti li se jkollok bżonn tilħaq qabel ma tistaʼ tibda tirsisti għal ħafna mill-​miri msemmijin hawn hi li titgħammed. Jekk għadek ma tgħammidtx, ikkunsidra x’hemm involut biex tilħaq din il-​mira importanti f’ħajtek.

Ilħaq il-​Mira tal-​Magħmudija

12. Għal liema raġunijiet jitgħammdu xi wħud u dawn għala mhumiex raġunijiet validi?

12 Kieku kif tiddeskrivi l-​iskop tal-​magħmudija? Xi wħud forsi jaħsbu li hu biex jiġu protetti milli jċedu għad-​dnub. Oħrajn iħossu li għandhom jitgħammdu għax sħabhom hekk qed jagħmlu. Żgħażagħ oħrajn forsi jridu jogħġbu lill-​ġenituri tagħhom. Madankollu, il-​magħmudija mhijiex xi kuntratt li jagħmillek sikkatura ħalli ma tagħmilx l-​affarijiet li f’qalbek tixtieq tagħmel; lanqas m’għandek titgħammed minħabba l-​pressjoni minn oħrajn. Għandek titgħammed meta tifhem bis-​sħiħ x’inhu involut f’li tkun wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u meta tkun ċert li int lest taċċetta minn jeddek din ir-​responsabbiltà.—Ekk. 5:4, 5.

13. Għala għandek titgħammed?

13 Raġuni waħda għala għandek titgħammed hi li Ġesù inkariga lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli u jgħammduhom.’ Ukoll, hu ta l-​eżempju billi tgħammed. (Aqra Mattew 28:19, 20; Marku 1:9.) Iktar minn hekk, il-​magħmudija hija pass importanti għal dawk li jridu jsalvaw. Wara li semma l-​bini tal-​arka li fiha Noè u familtu nżammu ħajjin matul id-​Dilluvju, l-​appostlu Pietru qal: “Dik li hi ekwivalenti għal dan issa qed issalva lilkom ukoll, jiġifieri, il-​magħmudija, . . . permezz taʼ l-​irxoxt taʼ Ġesù Kristu.” (1 Pt. 3:20, 21) Imma dan ma jfissirx li titgħammed sempliċement ħalli jkollok mezz taʼ salvazzjoni għal li jistaʼ jkun ikollok bżonnu. Minflok, titgħammed għax tħobb lil Ġeħova u trid taqdih b’qalbek, b’ruħek, b’moħħok, u b’saħħtek kollha.—Mk. 12:29, 30.

14. Xi wħud għala jżommu lura milli jitgħammdu, imma minn xiex tistaʼ tkun ċert?

14 Xi wħud iżommu lura milli jitgħammdu għax jibżgħu li forsi jiġu maqtugħin mis-​sħubija fil-​futur. Tħossok hekk? Jekk iva, biżaʼ bħal dan fih innifsu mhuwiex ħażin. Jistaʼ jfisser li int tifhem ir-​responsabbiltà serja li tiġi milli tkun wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Jistaʼ jkun hemm xi raġuni oħra? Forsi għadek m’intix konvint li l-​aħjar mod taʼ ħajja hu li tgħix fi qbil mal-​livelli t’Alla. F’dan il-​każ, li taħseb dwar il-​konsegwenzi li jkollhom dawk li jinjoraw il-​livelli tal-​Bibbja jistaʼ jgħinek tieħu deċiżjoni. Min-​naħa l-​oħra, forsi tħobb il-​livelli t’Alla imma ma tafdax fik innifsek li int kapaċi twettaqhom. Fir-​realtà, dan jistaʼ jkun sinjal tajjeb, għax juri li int umli. Wara kollox, il-​Bibbja tgħid li l-​qalb imperfetta tal-​bnedmin kollha hija qarrieqa. (Ġer. 17:9) Imma tistaʼ tirnexxi jekk b’mod kontinwu ‘toqgħod għassa fi qbil mal-​kelma t’Alla.’ (Aqra Salm 119:9.) Huma x’inhuma r-​raġunijiet għala qed iżżomm lura milli titgħammed, għandek bżonn issolvi dawn il-​kwistjonijiet u t-​tħassib. b

15, 16. Kif tistaʼ tkun taf jekk intix lest għall-​magħmudija?

15 Madankollu, kif tistaʼ tkun taf jekk intix lest għall-​magħmudija? Mod wieħed hu billi tistaqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal: ‘Nistaʼ nispjega tagħlim bażiku minn fuq il-​Bibbja lil oħrajn? Nieħu sehem fil-​ministeru anki meta l-​ġenituri tiegħi ma joħorġux? Nistinka biex nattendi l-​laqgħat Kristjani kollha? Nistaʼ niftakar fi drabi speċifiċi meta rreżistejt pressjoni minn tampari? Kieku jien, inkompli naqdi lil Ġeħova anki jekk jieqfu l-​ġenituri u sħabi? Tlabt dwar ir-​relazzjoni tiegħi m’Alla? U għamilt dedikazzjoni sħiħa lil Ġeħova permezz tat-​talb?’

16 Il-​magħmudija hija pass li jbiddel il-​ħajjiet u li m’għandux jittieħed ħafif ħafif. Matur biżżejjed int biex tikkunsidra bis-​serjetà dan il-​pass? Il-​maturità tfisser iktar minn kemm taf tagħti taħditiet tajbin jew tweġibiet impressjonanti matul laqgħa. Tirrikjedi li tkun kapaċi tieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq fehma ċara tal-​prinċipji Bibliċi. (Aqra Ebrej 5:14.) Jekk qiegħed f’punt f’ħajtek meta tistaʼ tagħmel dan, imbagħad dak li hemm quddiemek hu l-​akbar privileġġ li qatt jistaʼ jkollok—li taqdi lil Ġeħova b’qalbek kollha u tgħix b’tali mod li juri li int tassew dedikat lilu.

17. X’se jgħinek tkampa maʼ provi li jistgħu jinqalgħu wara li titgħammed?

17 Eżatt wara li titgħammed tistaʼ tħossok tfur bl-​entużjażmu biex taqdi lil Alla. Imma, malajr forsi se tiffaċċja provi li jġarrbu l-​fidi u s-​saħħa spiritwali tiegħek. (2 Tim. 3:12) Tħossokx li trid tittratta maʼ dawn il-​provi waħdek. Fittex l-​għajnuna tal-​ġenituri. Staqsi lil uħud maturi fil-​kongregazzjoni għall-​għajnuna tagħhom. Żomm ħbiberiji maʼ dawk li se jappoġġawk. Qatt tinsa li Ġeħova jimpurtah minnek, u hu se jagħtik is-​saħħa meħtieġa biex tiffaċċja kwalunkwe ċirkustanza li taf tinqalaʼ.—1 Pt. 5:6, 7.

Kif Tistaʼ Tilħaq il-​Miri Tiegħek?

18, 19. Kif tistaʼ tibbenefika jekk teżamina l-​prijoritajiet tiegħek?

18 Minkejja l-​intenzjonijiet mill-​aħjar tiegħek, tħossok int li qisu qatt m’għandek ħin biżżejjed biex tagħmel dak li trid u li għandek bżonn tagħmel? Jekk iva, għandek bżonn teżamina l-​prijoritajiet tiegħek. Biex nagħtu eżempju: Ħu barmil tal-​plastik u poġġi fih xi ġebel kbir. Imbagħad imla l-​barmil bir-​ramel. Issa għandek barmil mimli ġebel u ramel. Battal il-​barmil imma żomm ir-​ramel u l-​ġebel. Din id-​darba imla l-​barmil bir-​ramel l-​ewwel, u mbagħad ipprova daħħal il-​ġebel fil-​barmil. M’hemmx wisaʼ? Dan għax poġġejt ir-​ramel fil-​barmil l-​ewwel.

19 Għandek sfida simili meta tiġi biex tqassam il-​ħin tiegħek. Jekk tpoġġi affarijiet bħar-​rikreazzjoni fl-​ewwel post, se jkun qisu qatt ma jkollok biżżejjed wisaʼ f’ħajtek għall-​affarijiet importanti—l-​attivitajiet spiritwali. Imma jekk issegwi l-​parir tal-​Bibbja biex ‘taċċerta ruħek minn dak li hu iktar importanti,’ se ssib li għandek post kemm għall-​interessi tas-​Saltna kif ukoll għal xi ftit rikreazzjoni.—Flp. 1:10.

20. Jekk tħossok ansjuż u dubjuż int u tistinka biex tilħaq il-​miri tiegħek, x’għandek tagħmel?

20 Int u tistinka biex tilħaq il-​miri tiegħek, inkluż il-​magħmudija, forsi kultant tħossok ansjuż u dubjuż. Meta tħossok hekk, “ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik.” (Salm 55:22) Bħalissa, għandek l-​opportunità li tieħu sehem fl-​iktar xogħol eċċitanti u importanti fl-​istorja umana, kampanja globali taʼ ppritkar u tagħlim. (Atti 1:8) Tistaʼ tagħżel li tkun osservatur u tara lil ħaddieħor jagħmel dan ix-​xogħol. Jew inkella tistaʼ tieħu sehem attiv f’dan ix-​xogħol eċċitanti. Iżżommx lura milli tuża l-​abbiltajiet tiegħek biex taqdi lil Alla u tappoġġa s-​Saltna tiegħu. Qatt mhu se jiddispjaċik jekk taqdi ‘lill-​Ħallieq tiegħek f’jiem żgħożitek.’—Ekk. 12:1.

[Noti taʼ taħt]

a Ara It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Awwissu, 2009, paġni 15-​18.

b Għall-​għajnuna f’dan, ara l-​ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2 (Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, it-​2 Volum), kapitlu 34.

Int Kif Twieġeb?

• Għala għandek tagħmel miri?

• Liema huma xi miri taʼ min jilħaqhom?

• X’hemm involut f’li tilħaq il-​mira tal-​magħmudija?

• Kif tistaʼ tiġi megħjun tilħaq il-​miri tiegħek jekk teżamina l-​prijoritajiet tiegħek?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Għandek il-​mira li taqra l-​Bibbja kuljum?

[Stampa f’paġna 15]

X’se jgħinek tilħaq il-​mira tal-​magħmudija?

[Stampa f’paġna 16]

X’lezzjoni tistaʼ titgħallem minn din it-​tixbiha?