Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Hu l-Mulej Sovran Tagħna!

Ġeħova Hu l-Mulej Sovran Tagħna!

Ġeħova Hu l-​Mulej Sovran Tagħna!

“Fil-​Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.”—SALM 73:28.

1. B’mod evidenti, għal xiex kien qed jirreferi Pawlu bil-​kliem tiegħu dokumentat fl-​1 Korintin 7:31?

 “IX-​XENA taʼ din id-​dinja qed tinbidel.” Hekk qal l-​appostlu Pawlu. (1 Kor. 7:31) B’mod evidenti, kien qed iqabbel id-​dinja maʼ palk, b’atturi fi dramm li jirreċtaw bħala karattri tajbin jew ħżiena, sakemm tinbidel ix-​xena.

2, 3. (a) Ma’ xiex tistaʼ tiġi mqabbla l-​isfida lejn is-​sovranità taʼ Ġeħova? (b) X’mistoqsijiet se nikkunsidraw?

2 Illum għaddej dramm tal-​akbar importanza—u jinvolvi lilek! Dan għandu x’jaqsam speċjalment mal-​vindikazzjoni tas-​sovranità t’Alla Ġeħova. Dan id-​dramm nistgħu nqabbluh maʼ sitwazzjoni li għandha mnejn teżisti f’ċertu pajjiż. Minn naħa waħda, hemm gvern bi drittijiet leġittimi biex iżomm l-​ordni. Min-​naħa l-​oħra, hemm organizzazzjoni kriminali li tmexxi b’qerq, vjolenza, u qtil. L-​organizzazzjoni illegali hi taʼ sfida għat-​tmexxija sovrana u ġġarrab il-​lealtà taċ-​ċittadini kollha lejn il-​gvern tagħhom.

3 Sitwazzjoni bħal din teżisti fuq skala universali. Hemm il-​gvern tal-​“Mulej Sovran Ġeħova” bi drittijiet leġittimi. (Salm 71:5) Iżda l-​bnedmin huma issa mheddin minn organizzazzjoni kriminali li l-​mexxej tagħha hu “l-​Ħażin.” (1 Ġw. 5:19) Din tisfida lill-​gvern bi drittijiet leġittimi t’Alla u ġġarrab il-​lealtà tan-​nies kollha lejn it-​tmexxija sovrana tiegħu. Kif inqalgħet din is-​sitwazzjoni? Alla għala jippermettiha? X’nistgħu nagħmlu dwarha bħala individwi?

Il-​Kwistjonijiet Involuti fid-​Dramm

4. Id-​dramm universali li qed jiżvolġi jinvolvi liema żewġ kwistjonijiet relatati maʼ xulxin?

4 Dan id-​dramm universali li qed jiżvolġi jinvolvi żewġ kwistjonijiet relatati maʼ xulxin: Is-​sovranità taʼ Ġeħova u l-​integrità tal-​bniedem. Fl-​Iskrittura, Ġeħova spiss jissejjaħ “il-​Mulej Sovran.” Pereżempju, b’fiduċja sħiħa fih, is-​salmista kanta: “Fil-​Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.” (Salm 73:28) “Is-​sovranità” hi l-​ogħla awtorità fil-​qawwa jew it-​tmexxija. Wieħed li hu sovran imexxi b’awtorità suprema. Hemm raġunijiet tajbin għala nqisu lil Alla Ġeħova bħala s-​Suprem.—Dan. 7:22.

5. Għala għandna nitqanqlu biex nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova?

5 Bħala l-​Ħallieq, Alla Ġeħova hu s-​Sovran fuq id-​dinja u l-​univers kollu. (Aqra Rivelazzjoni 4:11.) Ġeħova hu wkoll l-​Imħallef tagħna, Dak li jagħtina l-​istatuti, u s-​Sultan għaliex hu stess jieħu ħsieb l-​oqsma ġudizzjarji, leġislattivi, u esekuttivi taʼ gvern universali. (Is. 33:22) Ladarba nafu l-​istess eżistenza tagħna lil Alla u niddependu minnu, aħna għandna nqisuh bħala l-​Mulej Sovran tagħna. Jekk dejjem niftakru li “Ġeħova stabbilixxa fis-​sod it-​tron tiegħu fis-​smewwiet; u saltnatu tiddomina fuq kollox,” se nitqanqlu biex nappoġġaw il-​pożizzjoni għolja tiegħu.—Salm 103:19; Atti 4:24.

6. X’inhi l-​integrità?

6 Sabiex nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova, aħna għandna nżommu l-​integrità tagħna lejh. “L-​integrità” hi sodizza morali jew kompletezza. Wieħed li jżomm l-​integrità hu bla ħtija u rett. Il-​patrijarka Ġob kien raġel bħal dan.—Ġob 1:1.

Kif Beda d-​Dramm

7, 8. Satana kif sfida d-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova?

7 Xi 6,000 sena ilu, ħliqa spirtu sfida d-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova. Xewqa egoistika biex ikun meqjum kienet l-​għerq tal-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ dan ir-​ribell. Hu pperswada lill-​ewwel koppja umana, Adam u Eva, biex isiru żleali lejn is-​sovranità divina u pprova jtebba’ l-​isem taʼ Ġeħova billi sostna li Hu kien gideb. (Aqra Ġenesi 3:1-​5.) Ir-​ribell sar l-​Avversarju l-​kbir, Satana (Wieħed li jopponi), Xitan (Kalunnjatur), serp (qarrieq), u dragun (wieħed li jiblaʼ).—Riv. 12:9.

8 Satana stabbilixxa lilu nnifsu bħala mexxej rivali. X’kien se jagħmel il-​Mulej Sovran Ġeħova ladarba ġie ffaċċjat b’din l-​isfida? Kien se jeqred mill-​ewwel lit-​tliet ribelli—Satana, Adam, u Eva? Żgur li kellu l-​qawwa li jagħmel dan, u azzjoni bħal din kienet tissetilja l-​kwistjoni taʼ min kellu l-​qawwa suprema. Ukoll, kienet se turi li Ġeħova kien qal il-​verità dwar il-​kastig jekk jiksru l-​liġi tiegħu. Alla għala ma ħax azzjoni bħal din?

9. Dwar xiex qajjem dubju Satana?

9 Billi gideb u żvija lil Adam u Eva minn Alla, Satana qajjem dubju dwar id-​dritt taʼ Ġeħova li jirrikjedi ubbidjenza mill-​bnedmin. Iżjed minn hekk, billi ħajjar lill-​ewwel koppja umana biex ma jobdux lil Alla, Satana qajjem dubju wkoll dwar il-​lealtà tal-​ħlejjaq ubbidjenti kollha. Bħalma ntwera fil-​każ taʼ Ġob, li kien leali lejn is-​sovranità taʼ Ġeħova, Satana sostna li setaʼ jiżvija lill-​bnedmin kollha minn Alla.—Ġob 2:1-​5.

10. Billi ħalla ż-​żmien jgħaddi qabel ma juri biċ-​ċar id-​dritt tas-​sovranità tiegħu, Alla xi ppermetta?

10 Billi ħalla ż-​żmien jgħaddi qabel ma juri biċ-​ċar id-​dritt tas-​sovranità tiegħu, Ġeħova ppermetta ż-​żmien biex Satana jagħti prova taʼ dak li sostna. Alla wkoll ta l-​opportunità lill-​bnedmin biex juru l-​lealtà tagħhom lejn is-​sovranità tiegħu. X’ġara mal-​medda taż-​żmien? Satana bena organizzazzjoni kriminali b’saħħitha. Fl-​aħħar mill-​aħħar, Ġeħova se jeqred kemm lilha u kemm lix-​Xitan, u b’hekk jagħti prova abbundanti tas-​sovranità bi dritt t’Alla. Alla Ġeħova kien tant ċert li l-​kwistjoni kienet se tispiċċa tajjeb li hu bassar dan meta seħħet ir-​ribelljoni fl-​Għeden.—Ġen. 3:15.

11. X’għamlu ħafna bnedmin dwar is-​sovranità taʼ Ġeħova?

11 Ħafna bnedmin urew il-​fidi u żammew l-​integrità tagħhom lejn is-​sovranità taʼ Ġeħova u lejn it-​taqdis t’ismu. Fosthom hemm Abel, Enok, Noè, Abraham, Sara, Mosè, Rut, David, Ġesù, l-​ewwel dixxipli taʼ Kristu, u miljuni taʼ wħud li jżommu l-​integrità llum. Uħud bħal dawn li jappoġġaw is-​sovranità divina jieħdu sehem f’li joħorġu lil Satana taʼ giddieb u f’li jneħħu t-​tmaqdir li ġab ix-​Xitan fuq l-​isem t’Alla, meta ftaħar li setaʼ jiżvija lill-​bnedmin kollha minn Alla.—Prov. 27:11.

Nafu Kif Se Jispiċċa d-​Dramm

12. Kif nistgħu nkunu ċerti li Alla mhux se jittollera l-​ħażen għal dejjem?

12 Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova dalwaqt se juri li għandu d-​dritt tas-​sovranità. Hu mhux se jittollera l-​ħażen għal dejjem u nafu li qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem. Ġeħova aġixxa kontra n-​nies mill-​agħar fid-​Dilluvju. Qered lil Sodoma u Gomorra u lill-​Fargħun u l-​armati tiegħu. Sisera u l-​armata tiegħu, kif ukoll Sennakerib u t-​truppi Assirjani tiegħu m’għamlu xejn mal-​Iktar Għoli. (Ġen. 7:1, 23; 19:24, 25; Eżo. 14:30, 31; Mħ. 4:15, 16; 2 Slat. 19:35, 36) Għalhekk, nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla Ġeħova mhux se jittollera għal dejjem id-​diżrispett lejn ismu u l-​mod ħażin li bih ġew trattati x-​Xhieda tiegħu. Iżjed minn hekk, aħna issa naraw evidenza tas-​sinjal tal-​preżenza taʼ Ġesù u tal-​konklużjoni taʼ din is-​sistema mill-​agħar.—Mt. 24:3.

13. Kif nistgħu nevitaw li ninqerdu flimkien mal-​għedewwa taʼ Ġeħova?

13 Sabiex nevitaw li ninqerdu flimkien mal-​għedewwa t’Alla, aħna rridu nuru l-​lealtà tagħna lejn is-​sovranità taʼ Ġeħova. Kif nistgħu nagħmlu dan? Billi nżommu separati mill-​ħakma kriminali taʼ Satana u nirrifjutaw li niġu mbeżżgħin mir-​rappreżentanti tiegħu. (Is. 52:11; Ġw. 17:16; Atti 5:29) Huwa biss f’dawn iċ-​ċirkustanzi li nistgħu nappoġġaw is-​sovranità taʼ Missierna tas-​sema u jkollna t-​tama li niġu salvati meta Ġeħova jnaddaf ismu mit-​tmaqdir u juri li hu s-​Sovran Universali.

14. X’jintwera f’siltiet differenti tal-​Bibbja?

14 Fil-​Bibbja kollha nsibu dettalji dwar il-​bniedem u s-​sovranità taʼ Ġeħova. L-​ewwel tliet kapitli jgħidulna dwar il-​ħolqien u l-​waqgħa tal-​bniedem fil-​jasar tad-​dnub, filwaqt li l-​aħħar tlieta jittrattaw dwar il-​ħelsien tiegħu. Il-​paġni li jiġu bejniethom jipprovdu dettalji dwar il-​passi li ttieħdu mill-​Mulej Sovran Ġeħova biex iwettaq l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin, l-​art, u l-​univers. Il-​ktieb tal-​Ġenesi juri kif Satana u l-​ħażen daħlu fid-​dinja, u l-​aħħar parti tal-​ktieb tar-​Rivelazzjoni turi kif il-​ħażen se jispiċċa, kif ix-​Xitan se jinqered, u kif ir-​rieda t’Alla se ssir fuq l-​art bħalma hi fis-​sema. Tabilħaqq, il-​Bibbja turi l-​kaġun tad-​dnub u l-​mewt, kif ukoll kif se jitneħħew mix-​xena tad-​dinja, u minflokhom ikun hemm ferħ li ma jitkejjilx u ħajja eterna għal dawk li jżommu l-​integrità.

15. X’għandna nagħmlu biex nibbenefikaw personalment meta d-​dramm li jinvolvi s-​sovranità jispiċċa?

15 Dalwaqt, ix-​xena taʼ din id-​dinja se tinbidel kompletament. Il-​purtiera se tinżel fuq dan id-​dramm li ilu għaddej mijiet taʼ snin u li jinvolvi s-​sovranità. Satana se jitneħħa minn fuq il-​palk, u eventwalment se jiġi meqrud, u r-​rieda t’Alla żgur li se toħroġ rebbieħa. Iżda biex nibbenefikaw minn dan u ngawdu l-​ħafna barkiet imbassrin fil-​Kelma t’Alla, għandna nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova issa. Ma nistgħux inzappu fuq żewġ opinjonijiet differenti. Sabiex inkunu nistgħu ngħidu: “Ġeħova qiegħed fuq in-​naħa tiegħi,” għandna nibqgħu fuq in-​naħa tiegħu.—Salm 118:6, 7.

Nistgħu Nżommu l-​Integrità

16. Għala nistgħu nkunu ċerti li huwa possibbli għall-​bnedmin li jżommu l-​integrità lejn Alla?

16 Aħna nistgħu nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova u nżommu l-​integrità tagħna għaliex l-​appostlu Pawlu kiteb: “Ebda tentazzjoni ma ġiet fuqkom ħlief dik li tiġi fuq il-​bnedmin kollha. Imma Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-​tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-​triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” (1 Kor. 10:13) X’inhu s-​sors tat-​tentazzjoni msemmija minn Pawlu, u Ġeħova kif jiftħilna t-​triq?

17-19. (a) Għal liema tentazzjoni ċedew l-​Iżraelin fix-​xagħri? (b) Għala hu possibbli li nżommu l-​integrità tagħna lejn Ġeħova?

17 Kif inhu muri mill-​esperjenzi t’Iżrael fix-​xagħri, “it-​tentazzjoni” tiġi permezz taʼ ċirkustanzi li jħajruna niksru l-​liġi t’Alla. (Aqra l-1 Korintin 10:6-​10.) L-​Iżraelin setgħu rreżistew it-​tentazzjoni, imma huma xxennqu għal “affarijiet taʼ ħsara” meta b’mod mirakoluż Ġeħova pprovdielhom summien għal xahar sħiħ. Għalkemm in-​nies ma kellhomx laħam x’jieklu għal xi żmien, Alla kien tahom biżżejjed manna x’jieklu. Madankollu, ċedew għat-​tentazzjoni u kellhom regħba sfrenata meta ġabru s-​summien.—Num. 11:19, 20, 31-​35.

18 Iktar kmieni, waqt li Mosè kien qed jingħata l-​Liġi fuq il-​Muntanja Sinaj, l-​Iżraelin saru idolatri minħabba li ħadu sehem f’qima tal-​għoġol u pjaċiri senswali. Il-​fatt li l-​mexxej viżibbli tagħhom ma kienx preżenti kien ifisser li t-​tentazzjoni ma kinitx kontrollata. (Eżo. 32:1, 6) Hekk kif kienu se jidħlu fl-​Art Imwiegħda, eluf t’Iżraelin ġew imħajrin minn nisa Mowabin biex jikkommettu ż-​żína magħhom. F’din l-​okkażjoni, eluf t’Iżraelin mietu għad-​dnub tagħhom. (Num. 25:1, 9) Kultant, in-​nies t’Iżrael ċedew għat-​tentazzjoni li jgergru b’mod ribelluż, f’okkażjoni waħda billi gergru kontra Mosè kif ukoll kontra Alla nnifsu! (Num. 21:5) L-​Iżraelin gergru saħansitra wara l-​qerda taʼ Koraħ, Datan, Abiram, u sħabhom li lkoll kienu mill-​agħar. L-​Iżraelin żbaljaw fl-​irraġunar tagħhom li l-​mewt taʼ dawn ir-​ribelli kienet inġusta. Il-​kwistjoni spiċċat b’14,700 Iżraeli meqrudin permezz taʼ flaġell minn Alla.—Num. 16:41, 49.

19 L-​ebda waħda mit-​tentazzjonijiet li għadna kif semmejna ma kienet xi ħaġa li l-​Iżraelin ma setgħux jirreżistuha. In-​nies ċedew għat-​tentazzjoni għaliex tilfu l-​fidi u nsew lil Ġeħova, kif hu ħa ħsiebhom bl-​imħabba, u l-​mod rett taʼ triqatu. Bħal fil-​każ tal-​Iżraelin, it-​tentazzjonijiet li aħna nġarrbu kulħadd jgħaddi minnhom. Jekk nagħmlu l-​isforz li hemm bżonn biex nirreżistuhom u nistrieħu fuq Alla ħalli jsostnina, aħna nistgħu nżommu l-​integrità tagħna. Nistgħu nkunu fiduċjużi f’dan għaliex “Alla hu leali” u ma jħalliniex ‘niġu ttantati iktar milli nifilħu.’ Ġeħova qatt ma jabbandunana sal-​punt li jħallina niġu f’sitwazzjonijiet li jkun impossibbli min-​naħa tagħna li nagħmlu r-​rieda tiegħu.—Salm 94:14.

20, 21. Alla kif ‘jiftħilna t-​triq’ meta niġu ttantati?

20 Ġeħova jiftħilna “t-​triq” billi jsaħħaħna biex nirreżistu t-​tentazzjoni. Pereżempju, in-​nies li jippersegwitawna għandhom mnejn jabbużawna fiżikament bi sforz biex iġegħluna niċħdu l-​fidi tagħna. Jekk niġu trattati b’dan il-​mod għandna mnejn nitħajru nagħmlu kompromess sabiex niskansaw iżjed swat, tortura, jew anki forsi l-​mewt. Madankollu, skont dak li jaċċertana Pawlu fil-​kliem ispirat li hemm imniżżel fl-​1 Korintin 10:13, aħna nafu li s-​sitwazzjoni li twassal biex tkun taʼ tentazzjoni għalina hi biss temporanja. Ġeħova mhux se jħalliha tikber sal-​punt li aħna ma nkunux nistgħu nibqgħu leali lejh. Alla jistaʼ jissoda l-​fidi tagħna u jagħtina s-​saħħa spiritwali li għandna bżonn biex inżommu l-​integrità.

21 Ġeħova jsostnina permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu. Ukoll, dan l-​ispirtu jfakkarna fi ħsibijiet Skritturali li għandna bżonn biex nirreżistu t-​tentazzjoni. (Ġw. 14:26) Għaldaqstant, ma niġux imqarrqin f’li nsegwu triq ħażina. Biex nagħtu eżempju, aħna nifhmu r-​rabta li hemm bejn il-​kwistjonijiet tas-​sovranità taʼ Ġeħova u tal-​integrità tal-​bniedem. B’dan l-​għarfien, ħafna wħud ġew sostnuti minn Alla biex jibqgħu leali sal-​mewt. Iżda ma kinitx il-​mewt li fetħitilhom it-​triq; kienet l-​għajnuna taʼ Ġeħova li għamlithielhom possibbli biex jissaportu sat-​tmiem mingħajr ma jċedu għat-​tentazzjoni. Hu jistaʼ jagħmel l-​istess għalina. Fil-​fatt, juża wkoll lill-​anġli leali tiegħu għan-​nom tagħna bħala qaddejja pubbliċi “mibgħutin biex jaqdu lil dawk li se jirtu s-​salvazzjoni.” (Ebr. 1:14) Bħalma juri l-​artiklu li jmiss, huma biss l-​uħud li jżommu l-​integrità li jistgħu jittamaw li jkollhom il-​privileġġ sabiħ taʼ li jappoġġaw is-​sovranità t’Alla għal dejjem. Nistgħu nkunu fosthom jekk inżommu sod maʼ Ġeħova bħala l-​Mulej Sovran tagħna.

Int Kif Twieġeb

• Għaliex għandna nirrikonoxxu lil Ġeħova bħala l-​Mulej Sovran tagħna?

• Xi jfisser li nżommu l-​integrità tagħna lejn Alla?

• Kif nafu li Ġeħova dalwaqt se juri biċ-​ċar id-​dritt tas-​sovranità tiegħu?

• Fid-​dawl tal-​1 Korintin 10:13, għala hu possibbli għalina li nżommu l-​integrità?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 24]

Satana pperswada lil Adam u Eva biex isiru żleali lejn Ġeħova

[Stampa f’paġna 26]

Kun determinat li tappoġġa s-​sovranità taʼ Ġeħova