Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kun Żeluż għall-Qima Vera

Kun Żeluż għall-Qima Vera

Kun Żeluż għall-​Qima Vera

“Il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema huma ftit.”—MT. 9:37.

1. Kif tiddeskriviha l-​urġenza?

 GĦANDEK dokument li jeħtieġ jgħaddi minn taħt idejn persuna partikulari dakinhar stess. X’tagħmel? Tikteb fuqu “URĠENTI!” Tinsab fi triqtek għal appuntament importanti, iżda qiegħed tard. X’tagħmel? Tgħid lix-​xufier, “Jekk jogħġbok għaġġel ftit għax URĠENTI!” Tabilħaqq, meta jkollok xi biċċa xogħol li trid issir u l-​ħin ikun qed jagħfas, tibda tħossok stressat u ansjuż. L-​adrenalina tiegħek tiżdied, u tibda tħaffef u taħdem iebes kemm tiflaħ biex tlesti x-​xogħol. Din hi l-​urġenza!

2. X’inhu l-​iktar xogħol urġenti li għandhom il-​Kristjani veri llum?

2 Għall-​Kristjani veri llum, xejn mhu iktar urġenti mill-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna u mix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Id-​dixxiplu Marku kkwota lil Ġesù u kiteb li dan ix-​xogħol kellu jsir “l-​ewwel,” jiġifieri, qabel jiġi t-​tmiem. (Mk. 13:10) M’għandniex xi ngħidu, hekk għandu jkun. Ġesù qal: “Il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema huma ftit.” Ħsad ma jistax jistenna; irid jinġabar qabel ma jgħaddi l-​istaġun.—Mt. 9:37.

3. Ħafna wħud x’għamlu minħabba l-​bżonn urġenti li jippritkaw?

3 Peress li x-​xogħol tal-​ippritkar hu taʼ importanza kbira għalina, jistħoqqlu li nagħtuh kemm nistgħu mill-​ħin, l-​enerġija, u l-​attenzjoni tagħna. Ħafna aħwa qed jagħmlu proprju hekk, u dawn huma taʼ min ifaħħarhom. Xi wħud issimplifikaw ħajjithom sabiex jibdew jaqdu fil-​ministeru full-​time bħala pijunieri jew missjunarji, jew biex jaqdu f’waħda mid-​djar taʼ Betel madwar id-​dinja. Ħajjithom hi mimlija daqs bajda. X’aktarx, huma għamlu bosta sagrifiċċji u qed jiffaċċjaw ħafna sfidi. Madankollu, dawn jiġu mberkin bil-​kbir minn Ġeħova. Aħna ferħanin għalihom. (Aqra Luqa 18:28-​30.) Oħrajn, għalkemm ma jistgħux jingħaqdu mal-​proklamaturi full-​time, jiddedikaw kemm jistgħu ħin għal dan ix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet. Dan jinkludi li ngħinu lil uliedna jsalvaw.—Dt. 6:6, 7.

4. Xi wħud għala għandhom mnejn jitilfu s-​sens taʼ urġenza?

4 Bħalma rajna, is-​sens taʼ urġenza normalment hu marbut maʼ ħin limitat, żmien stipulat, tmiem. Aħna qed ngħixu fiż-​żmien tat-​tmiem, u hemm bosta evidenza li tagħti prova taʼ dan—kemm Skritturali u kemm storika. (Mt. 24:3, 33; 2 Tim. 3:1-​5) Xorta waħda, ħadd ma jaf il-​ħin eżatt meta se jiġi t-​tmiem. Meta ta d-​dettalji dwar “is-​sinjal” li jimmarka l-​“konklużjoni tas-​sistema,” Ġesù qal speċifikament: “Dak il-​jum u s-​siegħa ma jafhom ħadd, la l-​anġli tas-​smewwiet u lanqas l-​Iben, ħlief il-​Missier.” (Mt. 24:36) Minħabba f’hekk, xi wħud għandhom mnejn isibuha diffiċli li jibqgħu jżommu s-​sens taʼ urġenza, sena wara l-​oħra, speċjalment jekk ilhom jagħmlu dan għal żmien twil. (Prov. 13:12) Ġieli tħossok hekk? X’jistaʼ jgħinna niżviluppaw jew inżommu s-​sens taʼ urġenza għax-​xogħol li Alla Ġeħova u Ġesù Kristu jriduna nagħmlu llum?

Ikkunsidra lix-​Xempju Tagħna, Ġesù

5. Ġesù b’liema modi wera s-​sens taʼ urġenza fejn jidħol il-​ministeru?

5 Minn dawk kollha li wrew urġenza fis-​servizz tagħhom lil Alla, żgur li Ġesù Kristu huwa l-​aqwa eżempju. Raġuni waħda għala hu żamm l-​urġenza kienet li kellu ħafna x’jagħmel fi żmien tliet snin u nofs biss. Madankollu, fejn tidħol il-​qima vera, Ġesù wettaq iktar milli qatt wettaq kwalunkwe individwu ieħor. Hu għamel l-​isem u l-​iskop taʼ Missieru magħrufin, ipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna, kixef l-​ipokrisija u t-​tagħlim falz tal-​mexxejja reliġjużi, u appoġġa s-​sovranità taʼ Ġeħova saħansitra sal-​mewt. Kull fejn mar, hu għamel kull sforz possibbli biex jgħallem, jgħin, u jfejjaq lin-​nies. (Mt. 9:35) Ħadd qatt ma wettaq iktar minnu f’daqshekk qasir żmien. Ġesù ħadem iebes kemm felaħ.—Ġw. 18:37.

6. Ġesù fuqiex iffoka f’ħajtu?

6 X’kien li qanqal lil Ġesù biex jaħdem bla heda matul il-​ministeru tiegħu? Mill-​profezija taʼ Danjel, Ġesù setaʼ jkun jaf kemm kien fadallu żmien biex iwettaq ix-​xogħol skont l-​iskeda taʼ Ġeħova. (Dan. 9:27) Għalhekk, bħalma diġà ssemma, il-​ministeru tiegħu fuq l-​art kellu jintemm “f’nofs din il-​ġimgħa,” jew wara tliet snin u nofs. Ftit wara d-​dħul trijonfanti tiegħu f’Ġerusalemm fir-​Rebbiegħa tas-​sena 33 E.K., Ġesù qal: “Waslet is-​siegħa biex Bin il-​bniedem jiġi glorifikat.” (Ġw. 12:23) Ġesù kien jaf li l-​mewt tiegħu kienet fil-​qrib, iżda hu ma ffokax fuq din f’ħajtu, u lanqas ma ħallieha tkun ir-​raġuni ewlenija għala ħadem iebes. Minflok, hu ffoka fuq li juża kull opportunità biex jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru u juri mħabba lejn ħutu l-​bnedmin. Din l-​imħabba qanqlitu biex jiġbor u jħarreġ lid-​dixxipli, u bagħathom jippritkaw. Dan sar sabiex huma jkomplu x-​xogħol li kien beda hu u li huma kellhom iwettqu xogħlijiet jerġaʼ akbar minn dawk li wettaq hu.—Aqra Ġwanni 14:12.

7, 8. Id-​dixxipli kif irreaġixxew meta Ġesù naddaf it-​tempju, u Ġesù għala aġixxa b’dan il-​mod?

7 Ġrajja waħda fil-​ħajja taʼ Ġesù tat evidenza konvinċenti taż-​żelu li kellu. Kien kmieni fil-​ministeru tiegħu fl-​istaġun tal-​Qbiż tas-​sena 30 E.K. meta Ġesù u d-​dixxipli tiegħu marru Ġerusalemm u fit-​tempju raw “nies ibigħu l-​baqar u n-​nagħaġ u l-​ħamiem u oħrajn bil-​qiegħda jsarrfu l-​flus.” X’kienet ir-​reazzjoni taʼ Ġesù, u liema effett ħalliet fuq id-​dixxipli tiegħu?—Aqra Ġwanni 2:13-​17.

8 Dak li għamel u dak li qal Ġesù dakinhar bix-​xieraq fakkar lid-​dixxipli fil-​kliem profetiku taʼ wieħed mis-​salmi taʼ David: “Iż-​żelu għal darek kielni.” (Salm 69:9) Għala? Għax dak li għamel Ġesù kien jinvolvi sogru u periklu kbir. Wara kollox, l-​awtoritajiet tat-​tempju—il-​qassisin, l-​iskribi, u oħrajn—kienu involuti fin-​negozju bi qligħ skandaluż li kien qed isir hemmhekk. Sabiex jikxef u jfixkel il-​pjan tagħhom, Ġesù kien qed jagħmel lilu nnifsu għadu tal-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu. Id-​dixxipli fehmu s-​sitwazzjoni b’mod korrett—‘iż-​żelu għad-​dar t’Alla,’ jew iż-​żelu għall-​qima vera, kien evidenti b’mod ċar. Iżda, x’inhu ż-​żelu? Huwa differenti mill-​urġenza?

Id-​Differenza Bejn l-​Urġenza u ż-​Żelu

9. Iż-​żelu kif jistaʼ jiġi deskritt?

9 Dizzjunarju jiddefinixxi l-​kelma “żelu” bħala “ħerqa u interess akkanit biex tikseb xi ħaġa,” u bħala sinonimi jagħti kliem bħal passjoni, fervur, ħrara, u entużjażmu. Bla dubju, il-​ministeru taʼ Ġesù jistaʼ jiġi karatterizzat minn dawn l-​espressjonijiet kollha. Għalhekk, il-​vers taʼ Salm 69:9 fit-​traduzzjoni tal-​Bibbja Today’s English Version jgħid: “Id-​devozzjoni tiegħi għal darek, O Alla, taħraq bħan-​nar ġewwa fija.” Taʼ interess, f’xi lingwi orjentali, il-​kelma għal “żelu” hi magħmula minn żewġ kelmiet li letteralment ifissru “qalb taħraq,” bħallikieku l-​qalb kienet qed taqbad. Mhux taʼ b’xejn li d-​dixxipli ftakru fil-​kliem taʼ David meta raw x’għamel Ġesù fit-​tempju. Iżda x’ġiegħel lil qalb Ġesù taqbad bħallikieku bin-​nar u tqanqlu, jew iġġiegħlu jaġixxi b’dan il-​mod?

10. Xi tfisser il-​kelma “żelu” kif tintuża fil-​Bibbja?

10 Il-​kelma “żelu” fis-​salm taʼ David ġejja minn kelma bl-​Ebrajk li spiss tiġi tradotta “għajjur” jew “għira” f’partijiet oħrajn tal-​Bibbja. Fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida kultant tinsab bħala li “jesiġi devozzjoni esklużiva.” (Aqra Eżodu 20:5; 34:14; Ġożwè 24:19.) Dizzjunarju tal-​Bibbja jgħid hekk dwar din il-​kelma: “Din spiss tintuża f’konnessjoni mar-​relazzjoni bejn il-​miżżewġin . . . Sewwasew bħalma raġel jew mara miżżewġin għandhom id-​dritt li jkollhom ċerta għira [pożittiva] għal xulxin u jesiġu li jirċievu dak li hu tagħhom biss, hekk ukoll Alla għandu d-​dritt esklużiv li jesiġi d-​devozzjoni taʼ dawk li jappartjenu lilu biss, u Hu jiddefendi dan id-​dritt.” B’hekk, il-​kelma żelu kif użata fil-​Bibbja hija iktar minn fervur jew entużjażmu biex tikseb xi ħaġa, bħalma ħafna akkaniti juru għall-​isport favorit tagħhom. Iż-​żelu taʼ David kien għira f’sens pożittiv, jiġifieri, hu ma kienx jittollera rivalità jew tmaqdir—kellu ħeġġa qawwija li jipproteġi r-​reputazzjoni tajba jew li jirranġa xi ħsara.

11. X’qanqal lil Ġesù jistinka kemm jiflaħ b’mod żeluż?

11 Id-​dixxipli taʼ Ġesù kellhom raġun jassoċjaw kliem David maʼ dak li raw lil Ġesù jagħmel fit-​tempju. Ġesù ma stinkax kemm felaħ sempliċement minħabba li kellu żmien stipulat iżda għax kien żeluż, jew għajjur, għal isem Missieru u għall-​qima pura. Meta ra b’liema modi isem Alla kien ġie mmaqdar u mkażbar, hu bix-​xieraq kien żeluż, jew għajjur, u ħa azzjoni biex jirranġa s-​sitwazzjoni. Meta Ġesù ra n-​nies umli jiġu mgħakksin u sfruttati mill-​mexxejja reliġjużi, iż-​żelu tiegħu qanqlu biex iġib serħan lin-​nies, kif ukoll biex jistqarr denunzji qawwijin kontra l-​mexxejja reliġjużi li kienu jgħakksuhom.—Mt. 9:36; 23:2, 4, 27, 28, 33.

Kun Żeluż għall-​Qima Vera

12, 13. Il-​mexxejja reliġjużi tal-​Kristjaneżmu llum x’għamlu rigward (a) l-​isem t’Alla? (b) is-​Saltna t’Alla?

12 Illum, l-​attitudnijiet u l-​azzjonijiet tan-​nies li jistqarru li qed jaqdu lil Alla huma simili—jekk mhux agħar—milli kienu fi żmien Ġesù. Pereżempju, ftakar li l-​ewwel ħaġa li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu dwarha kienet l-​isem t’Alla: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mt. 6:9) Qegħdin aħna naraw lill-​mexxejja reliġjużi, speċjalment il-​kleru tal-​Kristjaneżmu, jgħallmu lin-​nies ikunu jafu lil Alla b’ismu u jqaddsu jew jonoraw dan l-​isem? Għall-​kuntrarju, dawn irrappreżentaw ħażin lil Alla permezz tat-​tagħlim falz bħalma huma t-​Trinità, l-​immortalità tar-​ruħ tal-​bniedem, u n-​nar tal-​infern, u jagħmlu lil Alla jidher misterjuż, diffiċli biex wieħed jifhmu, kattiv, u saħansitra sadistiku. Huma ġabu wkoll tmaqdir fuq Alla minħabba l-​iskandli u l-​ipokrisija tagħhom. (Aqra Rumani 2:21-​24.) Iktar minn hekk, dawn għamlu minn kollox biex jaħbu l-​isem persunali t’Alla, u saħansitra neħħewh mit-​traduzzjonijiet tagħhom tal-​Bibbja. B’hekk, huma jżommu lin-​nies lura milli jersqu qrib lejn Alla u milli jikkultivaw relazzjoni persunali miegħu.—Ġak. 4:7, 8.

13 Ġesù għallem ukoll lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu għas-​Saltna t’Alla: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mt. 6:10) Għalkemm il-​mexxejja reliġjużi tal-​Kristjaneżmu spiss jirripetu din it-​talba, huma ħeġġew lin-​nies biex jappoġġaw xi istituzzjonijiet politiċi u istituzzjonijiet oħrajn tal-​bniedem. Iktar minn hekk, dawn jiddisprezzaw lil dawk li jistinkaw biex jippritkaw u jagħtu xhieda dwar is-​Saltna. Dan wassal biex is-​Saltna t’Alla m’għadhiex tissemma fost il-​ħafna nies li jistqarru li huma Kristjani, aħseb u ara kemm għandhom fidi fiha.

14. Il-​membri tal-​kleru tal-​Kristjaneżmu kif ċekknu l-​importanza tal-​Kelma t’Alla?

14 F’talba lil Alla, Ġesù stqarr b’mod ċar: “Kelmtek hi l-​verità.” (Ġw. 17:17) U qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù indika li hu kien se jaħtar lill-​“ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-​ikel spiritwali għan-​nies tiegħu. (Mt. 24:45) Il-​membri tal-​kleru tal-​Kristjaneżmu huma ħfief biex jistqarru li jgħallmu l-​Kelma t’Alla. Imma qegħdin huma jagħmluh b’lealtà x-​xogħol li s-​Sid fdalhom f’idejhom? Le. Huma għandhom ħabta jgħidu li dak li hemm fil-​Bibbja hu ħrafa. Minflok ma jitimgħu lill-​merħla tagħhom b’ikel spiritwali, u b’hekk joffrulhom faraġ u tidwil, il-​membri tal-​kleru jgħarrxu widnejn il-​kredenti billi jgħallmu l-​filosofija tal-​bnedmin. Iktar minn hekk, huma ċekknu l-​importanza tal-​livelli morali t’Alla sabiex jagħmlu l-​wisaʼ għall-​hekk imsejħa moralità ġdida.—2 Tim. 4:3, 4.

15. Kif tħossok dwar kulma għamlu l-​membri tal-​kleru f’isem Alla?

15 Minħabba dak kollu li sar—li mingħalihom sar f’isem l-​Alla tal-​Bibbja—ħafna wħud sinċieri ddiżappuntaw ruħhom jew tilfu l-​fidi tagħhom għalkollox f’Alla u fil-​Bibbja. Huma sfaw vittmi taʼ Satana u tas-​sistema mill-​agħar tiegħu. Kif tħossok meta tara u tismaʼ affarijiet bħal dawn jiġru jum wara l-​ieħor? Bħala qaddej taʼ Ġeħova, meta tara t-​tmaqdir u t-​tkażbir li ġie mitfugħ fuq isem Alla, ma tħossokx imqanqal biex tagħmel l-​almu tiegħek ħalli tirranġa din il-​ħsara? Meta tara nies sinċieri u taʼ qalb onesta jiġu mqarrqin u sfruttati, tħossok imqanqal biex tfarraġ lill-​uħud mgħakksin? Meta Ġesù ra lin-​nies taʼ żmienu jiġu “maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj,” hu mhux biss tħassarhom imma “beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Mt. 9:36; Mk. 6:34) Aħna għandna għal xiex inkunu żelużi għall-​qima vera, bħalma kien Ġesù.

16, 17. (a) X’għandu jqanqalna nistinkaw kemm nifilħu fil-​ministeru? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

16 Meta nkunu żelużi fil-​ministeru tagħna, il-​kliem tal-​appostlu Pawlu li nsibu fl-​1 Timotju 2:3, 4 jkollu tifsir speċjali. (Aqra.) Aħna naħdmu iebes fil-​ministeru mhux biss għaliex nafu li qed ngħixu fl-​aħħar jiem iżda wkoll għax nirrealizzaw li hija r-​rieda t’Alla. Hu jrid li n-​nies jiksbu għarfien tal-​verità sabiex anki huma jkunu jistgħu jitgħallmu jqimuh u jaqduh u jkunu mberkin. Primarjament, aħna niġu mqanqlin biex nistinkaw kemm nifilħu fil-​ministeru, mhux għax iż-​żmien qed jagħfas, iżda għax irridu nonoraw l-​isem t’Alla u ngħinu lin-​nies isiru jafu x’inhi r-​rieda tiegħu. Aħna żelużi għall-​qima vera.—1 Tim. 4:16.

17 Bħala l-​poplu taʼ Ġeħova, aħna ġejna mberkin bl-​għarfien tal-​verità dwar l-​iskop t’Alla għall-​bnedmin u għall-​art. Aħna għandna l-​mezzi biex ngħinu lin-​nies jiksbu l-​ferħ u tama ċerta għall-​futur. Nistgħu nuruhom kif ikunu protetti meta tiġi l-​qerda fuq is-​sistema taʼ Satana. (2 Tess. 1:7-​9) Minflok ma nħossuna frustrati jew skuraġġiti għax il-​jum taʼ Ġeħova jkun donnu qed idum ma jiġi, għandna nkunu kuntenti li għad hemm iċ-​ċans li nkunu żelużi għall-​qima vera. (Mik. 7:7; Ħab. 2:3) Kif jistaʼ jkollna żelu bħal dan? Dan se nikkunsidrawh fl-​artiklu li jmiss.

Tistaʼ Tispjega?

• X’qanqal lil Ġesù biex jaħdem bla heda matul il-​ministeru tiegħu?

• Xi tfisser il-​kelma “żelu” kif użata fil-​Bibbja?

• X’naraw illum li għandu jqanqalna nkunu żelużi għall-​qima vera?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 8]

Ġesù ffoka fuq li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru u juri mħabba lejn ħutu l-​bnedmin

[Stampa f’paġna 10]

Aħna għandna għal xiex inkunu żelużi għall-​qima vera