Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Issa Speċjalment Hu ż-Żmien Aċċettabbli”

“Issa Speċjalment Hu ż-Żmien Aċċettabbli”

“Issa Speċjalment Hu ż-​Żmien Aċċettabbli”

“Ara! Issa speċjalment hu ż-​żmien aċċettabbli. Ara! Issa hu jum is-​salvazzjoni.” —2 KOR. 6:2.

1. Għala jeħtieġ nagħrfu x’inhi l-​iktar ħaġa importanti li għandna nagħmlu f’ħin speċifiku?

 “GĦAL kollox hemm żmien stabbilit; iva, kull ħaġa taħt is-​smewwiet għandha waqtha.” (Ekk. 3:1) Salamun kien qed jikteb dwar l-​importanza li wieħed jagħraf l-​iktar żmien favorevoli għal kwalunkwe biċċa xogħol taʼ siwi—sew jekk għandha x’taqsam mal-​biedja, mal-​ivvjaġġar, man-​negozju, jew mal-​komunikazzjoni m’oħrajn. Madankollu, jeħtieġ nagħrfu wkoll x’inhu l-​iktar xogħol importanti li għandna nagħmlu f’ħin speċifiku. Fi kliem ieħor, irid ikollna ċar f’moħħna x’inhuma l-​prijoritajiet tagħna.

2. Kif nafu li meta Ġesù kien qed jipprietka, hu kien konxju ferm taż-​żmien li kien qed jgħix fih?

2 Meta kien fuq l-​art, Ġesù kien konxju ferm taż-​żmien li kien qed jgħix fih u taʼ x’kien jeħtieġ jagħmel. Minħabba li kellu ċar f’moħħu x’kienu l-​prijoritajiet tiegħu, hu kien jaf li ż-​żmien tant mistenni għat-​twettiq taʼ ħafna profeziji Messjaniċi kien wasal. (1 Pt. 1:11; Riv. 19:10) Sabiex jiċċara l-​identità tiegħu bħala l-​Messija mwiegħed, hu kellu xogħol x’jagħmel. Hu kellu jagħti xhieda bir-​reqqa tal-​verità tas-​Saltna u jiġbor lil dawk li fil-​futur kellhom ikunu werrieta tas-​Saltna bi sħab miegħu. Ukoll, hu kellu jħejji l-​pedament għall-​kongregazzjoni Kristjana li l-​membri tagħha kellhom iwettqu l-​ippritkar u x-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli sa truf l-​art.—Mk. 1:15.

3. Il-​fatt li Ġesù kien konxju taż-​żmien, kif effettwa l-​azzjonijiet tiegħu?

3 Minħabba li kien konxju taż-​żmien, Ġesù ħassu tassew imqanqal biex ikun żeluż fit-​twettiq tar-​rieda taʼ Missieru. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Tassew, il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema ftit. Għalhekk, itolbu bil-​ħrara lil Sid il-​ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-​ħsad tiegħu.” (Lq. 10:2; Mal. 4:5, 6) Ġesù l-​ewwel għażel 12 u mbagħad 70 minn fost id-​dixxipli tiegħu, tahom istruzzjonijiet speċifiċi, u bagħathom jippritkaw dan il-​messaġġ li jqanqal: “Qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.” U dwar Ġesù nnifsu naqraw: “Meta temm jagħti l-​istruzzjonijiet lit-​tnax-​il dixxiplu tiegħu, Ġesù telaq minn hemmhekk biex jgħallem u jippriedka fil-​bliet tagħhom.”—Mt. 10:5-​7; 11:1; Lq. 10:1.

4. Pawlu b’liema mod imita lil Ġesù Kristu?

4 Ġesù kien eżempju perfett taʼ żelu u devozzjoni għas-​segwaċi kollha tiegħu. Għal dan irrefera l-​appostlu Pawlu meta ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin: “Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.” (1 Kor. 11:1) Pawlu b’liema mod imita lil Kristu? Primarjament billi għamel l-​almu tiegħu fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba. Fl-​ittri li Pawlu kiteb lill-​kongregazzjonijiet, insibu espressjonijiet bħal “titnikkrux f’xogħolkom,” “tjassru għal Ġeħova,” “dejjem ikollkom ħafna x’tagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej,” u “kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom kollha qisu għal Ġeħova.” (Rum. 12:11; 1 Kor. 15:58; Kol. 3:23) Pawlu qatt ma nesa meta fi triqtu lejn Damasku ltaqaʼ mal-​Mulej Ġesù Kristu, u lanqas ma nesa l-​kliem taʼ Ġesù li żgur kien qallu d-​dixxiplu Ananija: “Dan ir-​raġel hu strument magħżul biex iwassal ismi quddiem il-​ġnus kif ukoll quddiem slaten u wlied Israel.”—Atti 9:15; Rum. 1:1, 5; Gal. 1:16.

Iż-​Żmien Speċjalment Aċċettabbli

5. X’qanqal lil Pawlu jwettaq il-​ministeru tiegħu biż-​żelu?

5 Meta naqraw il-​ktieb tal-​Atti, ma nistgħux ma ninnotawx il-​kuraġġ u ż-​żelu li wera Pawlu meta wettaq il-​ministeru tiegħu. (Atti 13:9, 10; 17:16, 17; 18:5) Pawlu għaraf l-​importanza taż-​żmien li kien jgħix fih. Hu qal: “Ara! Issa speċjalment hu ż-​żmien aċċettabbli. Ara! Issa hu jum is-​salvazzjoni.” (2 Kor. 6:2) Lura fis-​sena 537 Q.E.K., kien iż-​żmien aċċettabbli biex l-​eżiljati f’Babilonja jmorru lura lejn art twelidhom. (Is. 49:8, 9) Imma Pawlu għal xiex kien qed jirreferi hawnhekk? Il-​kuntest jgħinna naraw x’kellu f’moħħu.

6, 7. Liema unur kbir ngħata lill-​Kristjani midlukin fi żmienna, u min qed jaħdem spalla maʼ spalla mal-​midlukin?

6 Iktar kmieni fl-​ittra tiegħu, Pawlu tkellem dwar unur kbir li ngħata lilu u lil sħabu l-​Kristjani midlukin. (Aqra t-2 Korintin 5:18-​20.) Hu spjega li ġew imsejħin minn Alla għal skop speċifiku, sabiex iwettqu “l-​ministeru tar-​rikonċiljazzjoni,” biex jitolbu bil-​ħniena lin-​nies ħalli ‘jerġgħu jitħabbu m’Alla.’ Dan kien ifisser li jerġgħu jiksbu l-​ħbiberija jew l-​armonija m’Alla.

7 Mindu seħħet ir-​ribelljoni fl-​Għeden, l-​umanità kollha tbiegħdet minn Ġeħova. (Rum. 3:10, 23) Dan tefaʼ lill-​umanità inġenerali fi dlam spiritwali u wassal għal tbatija u mewt. Pawlu kiteb: “Aħna nafu li s’issa l-​ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-​uġigħ flimkien.” (Rum. 8:22) Iżda Alla ħa passi biex iħeġġeġ, fil-​fatt “jitlob bil-​ħrara,” lin-​nies ħalli jerġgħu lura, jew jerġgħu jitħabbu miegħu. Dan kien il-​ministeru fdat f’idejn Pawlu u sħabu l-​Kristjani midlukin lura f’dak iż-​żmien. Dan “iż-​żmien aċċettabbli” jistaʼ jkun “jum is-​salvazzjoni” għal dawk li jpoġġu fidi f’Ġesù. Il-​Kristjani midlukin kollha u sħabhom, in-​“nagħaġ oħrajn,” li qed jaħdmu spalla maʼ spalla magħhom, ikomplu jistiednu lin-​nies biex jibbenefikaw miż-​“żmien aċċettabbli.”—Ġw. 10:16.

8. X’inhu li jagħmel l-​istedina għar-​rikonċiljazzjoni notevoli?

8 Dak li jagħmel l-​istedina għar-​rikonċiljazzjoni iktar u iktar notevoli hu li għalkemm it-​tort kien biss min-​naħa tal-​bnedmin—kaġunat mir-​ribelljoni tal-​bniedem fl-​Għeden—Alla nnifsu ħa l-​inizjattiva biex jirranġa s-​sitwazzjoni. (1 Ġw. 4:10, 19) Hu x’għamel? Pawlu wieġeb: “Permezz taʼ Kristu, Alla kien qed jerġaʼ jħabbeb lid-​dinja miegħu, billi m’għaddilhomx nuqqasijiethom, u fada f’idejna l-​kelma tar-​rikonċiljazzjoni.”—2 Kor. 5:19; Is. 55:6.

9. Pawlu x’għamel biex juri l-​apprezzament tiegħu għall-​ħniena t’Alla?

9 Peress li pprovda s-​sagrifiċċju tal-​fidwa, Ġeħova għamilha possibbli għal dawk li jeżerċitaw il-​fidi biex jinħafrulhom dnubiethom u jerġgħu jiksbu ħbiberija jew armonija miegħu. Iktar minn hekk, hu bagħat lir-​rappreżentanti tiegħu biex iħeġġu lin-​nies kullimkien ħalli jerġgħu jitħabbu miegħu waqt li għad għandhom iċ-​ċans. (Aqra l-1 Timotju 2:3-​6.) Minħabba li kien fehem x’inhi r-​rieda t’Alla u minħabba li għaraf iż-​żmien li kien qed jgħix fih, Pawlu ntefaʼ b’ruħu u b’ġismu fil-​“ministeru tar-​rikonċiljazzjoni.” Ir-​rieda taʼ Ġeħova ma nbidlitx. Hu għadu qed jistenna lil dawk in-​nies li tbiegħdu minnu biex jerġgħu jitħabbu miegħu. Kliem Pawlu, “issa speċjalment hu ż-​żmien aċċettabbli” u “issa hu jum is-​salvazzjoni” għadu japplika sal-​ġurnata tal-​lum. Alla Ġeħova tassew hu ħanin u jagħder!—Eżo. 34:6, 7.

Titlifx “l-​Iskop Tagħha”

10. “Jum is-​salvazzjoni” xi jfisser għall-​Kristjani midlukin fil-​passat u fil-​preżent?

10 L-​ewwel uħud li bbenefikaw minn din l-​espressjoni taʼ qalb tajba mhix mistħoqqa kienu dawk “f’unjoni maʼ Kristu.” (2 Kor. 5:17, 18) Għalihom, “jum is-​salvazzjoni” beda f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Minn dakinhar ’l hawn, dawn l-​uħud ġew fdati bl-​inkarigu li jipproklamaw “il-​kelma tar-​rikonċiljazzjoni.” Illum, il-​fdal tal-​Kristjani midlukin għadhom qed iwettqu “l-​ministeru tar-​rikonċiljazzjoni.” Huma jirrikonoxxu li l-​erbaʼ anġli li ra l-​appostlu Ġwanni f’viżjoni profetika qed “iżommu sew l-​erbat irjieħ taʼ l-​art, biex l-​ebda riħ ma jonfoħ fuq l-​art.” B’hekk, għadu “jum is-​salvazzjoni” u ż-​żmien speċjalment aċċettabbli. (Riv. 7:1-​3) Huwa għalhekk li l-​fdal tal-​midlukin ilhom mill-​bidu tas-​seklu 20 iwettqu biż-​żelu l-​inkarigu tal-​“ministeru tar-​rikonċiljazzjoni” sa truf l-​art.

11, 12. Il-​Kristjani midlukin fil-​bidu tas-​seklu 20 kif urew li kienu konxji taż-​żmien li qed jgħixu fih? (Ara l-​istampa f’paġna 15.)

11 Pereżempju, bħalma nsibu fil-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, fil-​bidu tas-​seklu 20, “C. T. Russell u sħabu kienu konvinti ferm li kienu qed jgħixu fi żmien taʼ ħsad u li n-​nies kellhom bżonn jisimgħu l-​verità li ġġib ħelsien.” X’għamlu dwar dan? Peress li rrealizzaw li kienu qed jgħixu fi żmien taʼ ħsad, żmien speċjalment aċċettabbli, dawn l-​aħwa ma kinux kuntenti li sempliċement jistiednu lin-​nies jattendu xi laqgħa reliġjuża. Il-​membri tal-​kleru tal-​Kristjaneżmu kienu ilhom jagħmlu proprju dan għal ħafna żmien. Minflok, dawn il-​Kristjani midlukin bdew jiskopru modi prattiċi oħrajn kif ixerrdu l-​aħbar tajba. Fost affarijiet oħrajn, huma għamlu użu għaqli mit-​teknoloġija avanzata taʼ dak iż-​żmien biex imexxu ’l quddiem ix-​xogħol tagħhom.

12 Sabiex ixerrdu l-​aħbar tajba tas-​Saltna, il-​membri taʼ dan il-​grupp żgħir taʼ ministri żelużi kienu jużaw fuljetti, rivisti, u kotba. Kitbu wkoll prietki u artikli u qassmuhom biex jiġu stampati f’eluf taʼ gazzetti. Huma xandru programmi Skritturali fuq stazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tar-​radju. Ipproduċew u użaw stampi jiċċaqalqu b’sawnd rekordjat sinkronizzat, saħansitra qabel ma l-​industrija tal-​films ħarġet għall-​pubbliku stampi jiċċaqalqu u bis-​sawnd. X’kien ir-​riżultat taʼ dan iż-​żelu b’persistenza? Illum, hemm madwar sebaʼ miljun ruħ li wieġbu għall-​messaġġ: “Erġgħu tħabbu m’Alla” u li ngħaqdu fl-​ipproklamar taʼ dan il-​messaġġ. Tabilħaqq, dawn il-​qaddejja bikrin taʼ Ġeħova kienu eżempji eċċellenti taʼ żelu minkejja ċ-​ċirkustanzi tagħhom li jillimitawhom.

13. Liema skop t’Alla għandna nieħdu bis-​serjetà?

13 L-​istqarrija taʼ Pawlu “issa speċjalment hu ż-​żmien aċċettabbli” għadha tgħodd. Aħna li esperjenzajna l-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova nħossuna grati li ngħatajna l-​opportunità li nisimgħu u naċċettaw il-​messaġġ taʼ rikonċiljazzjoni. Minflok ma nħossuna kuntenti kif aħna, aħna nieħdu bis-​serjetà l-​kliem li qal Pawlu: “Nitolbukom bil-​ħrara wkoll biex ma taċċettawx il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla u titilfu l-​iskop tagħha.” (2 Kor. 6:1) L-​iskop tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla hu li “jerġaʼ jħabbeb lid-​dinja miegħu” permezz taʼ Kristu.—2 Kor. 5:19.

14. Liema opportunitajiet qed ikun hemm f’ħafna pajjiżi?

14 Il-​biċċa l-​kbira tal-​bnedmin, mogħmijin minn Satana, għadhom imbegħdin minn Alla u ma jafux x’inhu l-​iskop tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. (2 Kor. 4:3, 4; 1 Ġw. 5:19) Madankollu, il-​kundizzjonijiet tad-​dinja li sejrin mill-​ħażin għall-​agħar wasslu lil ħafna nies biex iwieġbu b’mod favorevoli. Dan seħħ meta ntwerew li l-​fatt li wieħed ikun imbiegħed minn Alla hu l-​għerq tal-​ħażen u tat-​tbatija umana. Anki f’pajjiżi fejn il-​biċċa l-​kbira tan-​nies ilhom juru apatija lejn ix-​xogħol tal-​ippritkar tagħna, ħafna wħud issa qed jaċċettaw l-​aħbar tajba u qed jieħdu azzjoni biex jerġgħu jitħabbu m’Alla. Għalhekk, qegħdin aħna nifhmu li dan hu ż-​żmien għalina biex nistinkaw saħansitra b’iktar żelu ħa nsemmgħu l-​istedina: ‘Erġgħu tħabbu m’Alla’?

15. Minflok ma nippritkaw messaġġ biex sempliċement in-​nies iħossuhom tajjeb, xi rridu lin-​nies kullimkien isiru jafu?

15 Xogħolna mhuwiex li sempliċement ngħidu lin-​nies li jekk iduru lejn Alla, hu se jgħinhom fil-​problemi kollha tagħhom u se jħossuhom aħjar. Ħafna nies ifittxu sempliċement dan meta jmorru l-​knisja, u l-​knejjes huma ħerqanin li jissodisfaw din ix-​xewqa. (2 Tim. 4:3, 4) Dan mhuwiex l-​iskop tal-​ministeru tagħna. L-​aħbar tajba li nippritkaw hi li Ġeħova, sforz l-​imħabba li għandu, hu lest li jaħfer id-​dnubiet permezz taʼ Kristu. B’hekk, individwi jistgħu ma jibqgħux iktar imbegħdin minn Alla u jerġgħu jitħabbu miegħu. (Rum. 5:10; 8:32) Iżda ż-​żmien speċjalment aċċettabbli qed joqrob b’ħeffa kbira lejn tmiemu.

“Kunu Mħeġġin bl-​Ispirtu”

16. X’għen lil Pawlu juri kuraġġ u żelu?

16 Mela, kif nistgħu niżviluppaw iż-​żelu u nibqgħu żelużi għall-​qima vera? Xi wħud għandhom mnejn ikunu mistħijin jew taʼ ftit kliem u forsi jsibuha diffiċli li jesprimu ruħhom jew ikunu soċjevoli. Madankollu, tajjeb li niftakru li ż-​żelu mhuwiex sempliċement turija minn barra taʼ emozzjonijiet jew eċċitament; u lanqas ma jiddependi fuq il-​personalità taʼ dak li jkun. Pawlu wera kif wieħed jistaʼ jiżviluppa ż-​żelu u jibqaʼ żeluż meta ħeġġeġ lil sħabu l-​Kristjani: “Kunu mħeġġin bl-​ispirtu.” (Rum. 12:11) L-​ispirtu taʼ Ġeħova kellu rwol importanti fil-​kuraġġ u fl-​istamina li kellu l-​appostlu fix-​xogħol tal-​ippritkar. Mindu ġie msejjaħ minn Ġesù sakemm ġie mitfugħ il-​ħabs għall-​aħħar darba u nqatel bħala martri f’Ruma—perijodu taʼ iktar minn 30 sena—iż-​żelu taʼ Pawlu ma battiex. Hu dejjem kien idur lejn Alla li permezz tal-​ispirtu tiegħu kien jagħti lil Pawlu s-​saħħa li kien jeħtieġ. Hu qal: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.” (Flp. 4:13) Kemm nistgħu nibbenefikaw jekk nitgħallmu mill-​eżempju tiegħu!

17. Kif nistgħu nkunu “mħeġġin bl-​ispirtu”?

17 Skont il-​Kingdom Interlinear, il-​kelma tradotta “mħeġġin” letteralment tfisser “inbaqbqu.” Sabiex l-​ilma f’kitla jibqaʼ jbaqbaq hemm bżonn sors taʼ sħana kostanti. B’mod simili, biex inkunu “mħeġġin bl-​ispirtu,” għandna bżonn l-​ispirtu t’Alla b’mod kostanti. Mod kif nagħmlu dan hu billi nagħmlu użu mill-​provvedimenti kollha li Ġeħova jagħtina biex isaħħaħna spiritwalment. Dan ifisser li nieħdu l-​qima tal-​familja u tal-​kongregazzjoni bis-​serjetà—inkunu regulari fl-​istudju persunali u tal-​familja, fit-​talb, u fis-​sħubija maʼ sħabna l-​Kristjani. Dan se jgħinna biex ikollna “n-​nar” ħalli nibqgħu “nbaqbqu,” u b’hekk inkunu “mħeġġin bl-​ispirtu.”—Aqra Atti 4:20; 18:25.

18. Bħala Kristjani dedikati, fuq liema mira għandna nkunu ffokati?

18 Individwu dedikat ikun iffokat għalkollox fuq mira u ma jaljenax ruħu malajr jew jaqtaʼ qalbu faċilment milli jilħaq din il-​mira. Bħala Kristjani dedikati, il-​mira tagħna hi li nagħmlu kulma Ġeħova jridna nagħmlu, bħalma għamel Ġesù. (Ebr. 10:7) Illum, ir-​rieda taʼ Ġeħova hi li kemm jistaʼ jkun nies jerġgħu jitħabbu miegħu. Għalhekk, ejja nistinkaw b’mod żeluż—billi nimitaw lil Ġesù u lil Pawlu—fl-​iktar xogħol importanti, u tabilħaqq urġenti, li jrid isir illum.

Tiftakar Int?

• X’kien “il-​ministeru tar-​rikonċiljazzjoni” fdat f’idejn Pawlu u Kristjani midlukin oħrajn?

• Il-​membri tal-​fdal tal-​midlukin kif għamlu użu tajjeb miż-​żmien speċjalment aċċettabbli?

• Il-​ministri Kristjani kif jistgħu jkunu “mħeġġin bl-​ispirtu”?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 12]

Pawlu qatt ma nesa meta ltaqaʼ mal-​Mulej Ġesù Kristu