Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għannu Lil Ġeħova!

Għannu Lil Ġeħova!

Għannu lil Ġeħova!

“Se ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.”—SALM 146:2.

1. X’qanqal liż-​żagħżugħ David biex jikkomponi xi ftit mis-​salmi tiegħu?

 F’ŻOGĦŻITU, David qattaʼ ħafna sigħat jirgħa l-​imrieħel taʼ missieru fl-​għelieqi qrib Betlehem. Hu u jirgħa n-​nagħaġ, David setaʼ josserva l-​għemejjel manjifiċi tal-​ħolqien taʼ Ġeħova: is-​smewwiet mimlijin kwiekeb, “il-​bhejjem tar-​rabaʼ,” u “l-​għasafar tas-​sema.” Hu tant kien effettwat b’dak li ra, li lill-​wieħed li għamel dawn l-​affarijiet meraviljużi tqanqal jikkomponilu għanijiet taʼ tifħir li jmissu l-​qalb. Ħafna mill-​kompożizzjonijiet taʼ David jistgħu jinstabu fil-​ktieb tas-​Salmi. aAqra Salm 8:3, 4, 7-​9.

2. (a) Liema effett jistaʼ jkollha l-​mużika fuq individwu? Agħti eżempju. (b) X’nistgħu nitgħallmu dwar ir-​relazzjoni li kellu David maʼ Ġeħova minn Salm 34:7, 8 u Salm 139:2-​8?

2 X’aktarx li kien matul dan il-​perijodu f’ħajtu li David ipperfezzjona l-​abbiltajiet tiegħu bħala mużiċist. Fil-​fatt, tant sar tas-​sengħa li kien ġie mistieden biex idoqq l-​arpa għas-​Sultan Sawl. (Prov. 22:29) Il-​mużika taʼ David kienet tikkalma lill-​monarka inkwetat. L-​istess illum, biċċa mużika tajba spiss ikollha l-​istess effett fuq in-​nies. Kull meta David kien idoqq l-​arpa, “Sawl kien jistrieħ u jħossu aħjar.” (1 Sam. 16:23) L-​għanjiet li kkompona dan il-​mużiċist u kompożitur li kien jibżaʼ minn Alla baqaʼ jkollhom l-​istess effett wara dan iż-​żmien kollu. Aħseb ftit dwar dan! Illum, iktar minn 3,000 sena wara t-​twelid taʼ David, miljuni taʼ nies b’ċirkustanzi differenti fil-​ħajja u nies minn kull parti tad-​dinja, spiss jaqraw is-​salmi taʼ David biex jiksbu faraġ u tama.—2 Kron. 7:6; aqra Salm 34:7, 8; 139:2-​8; Għam. 6:5.

L-​Irwol Onorabbli tal-​Mużika fil-​Qima Vera

3, 4. Fi żmien David, liema arranġamenti saru biex tindaqq mużika sagra?

3 David kellu talent, u użah bl-​aqwa mod possibbli—biex jigglorifika lil Ġeħova. Wara li sar sultan taʼ Iżrael, David għamel arranġamenti biex is-​servizzi fit-​tabernaklu jkunu jinkludu mużika mill-​isbaħ. Iktar minn wieħed minn kull għaxra mil-​Leviti kollha li kienu jieħdu sehem fis-​servizz tat-​tempju—madwar 4,000 minnhom—ġew assenjati bħala wħud li “jfaħħru,” u 288 minnhom kienu “mħarrġin fil-​kant lil Ġeħova, ilkoll esperti.”—1 Kron. 23:3, 5; 25:7.

4 David innifsu kkompona ħafna mill-​għanjiet li l-​Leviti daqqew u kantaw. Min jaf kemm kienu mqanqlin profondament b’dak li semgħu l-​Iżraelin kollha li kellhom il-​privileġġ li jkunu preżenti fl-​okkażjonijiet meta kienu jitkantaw is-​salmi taʼ David. Iktar tard, meta l-​arka tal-​patt ittieħdet Ġerusalemm, “David . . . qal lill-​kapijiet tal-​Leviti biex lil ħuthom l-​għannejja jqegħduhom bl-​istrumenti li jakkumpanjaw il-​kant, strumenti tal-​korda u arpi u ċimbali, sabiex idoqqu b’ħoss qawwi ħalli jinstemaʼ ħoss taʼ hena.”—1 Kron. 15:16.

5, 6. (a) Fi żmien David għala kienet tingħata daqshekk importanza lill-​mużika? (b) Kif nafu li l-​mużika kienet titqies bħala li għandha rwol importanti fil-​qima f’Iżrael tal-​qedem?

5 Għala ngħatat daqshekk importanza lill-​mużika fi żmien David? Kien sempliċement għax is-​sultan kien mużiċist? Le, kien hemm raġuni oħra. Din ir-​raġuni ġiet rivelata sekli wara, meta s-​Sultan Ħeżekija, li kien sultan ġust, reġaʼ stabbilixxa s-​servizzi fit-​tempju. Fit-​2 Kronaki 29:25 naqraw: “Hu [jiġifieri, Ħeżekija] ġiegħel lil-​Leviti jieħdu posthom fid-​dar taʼ Ġeħova, biċ-​ċimbali, bl-​istrumenti tal-​korda, u bl-​arpi, skond il-​kmand taʼ David u taʼ Gad, il-​viżjonarju tas-​sultan, u taʼ Natan, il-​profeta, għax kien b’id Ġeħova li l-​kmand ngħata permezz tal-​profeti tiegħu.”

6 Permezz tal-​profeti tiegħu, Ġeħova kkmanda lill-​aduraturi tiegħu biex ifaħħruh permezz tal-​għanjiet. Sabiex setaʼ jkollhom biżżejjed ħin ħalli jikkomponu, u x’aktarx biex jipprattikaw l-​għanjiet, l-​għannejja mit-​tribù saċerdotali kienu saħansitra eżentati minn xogħlijiet li Leviti oħrajn kellhom id-​dmir li jwettqu.—1 Kron. 9:33.

7, 8. Meta nkantaw l-​għanjiet tas-​Saltna, x’inhu iktar importanti milli nkantaw bis-​sengħa?

7 Forsi għandek mnejn tgħid, “Imma jien ma nafx inkanta u żgur li qatt ma kont se nintgħażel biex inkanta fost l-​esperti fit-​tabernaklu!” Imma mhux il-​Leviti kollha li kienu mużiċisti kienu esperti. Skont l-​1 Kronaki 25:8 kien hemm anki min kien għadu ‘qed jitgħallem.’ Taʼ min jinnota wkoll li għalkemm setaʼ kien hemm xi mużiċisti u għannejja esperti fost it-​tribujiet l-​oħrajn taʼ Iżrael, Ġeħova inkariga lil-​Leviti biex jieħdu ħsieb il-​mużika. Nistgħu nibqgħu ċerti li l-​Leviti leali, sew jekk kienu ‘esperti’ u sew jekk kienu għadhom ‘qed jitgħallmu,’ kollha kemm huma għamlu l-​almu tagħhom sabiex iwettqu l-​inkarigu li kellhom.

8 David kien iħobb il-​mużika, u kien tas-​sengħa fiha. Imma huwa t-​talent l-​unika ħaġa li jikkunsidra Alla? F’Salm 33:3 David kiteb: “Doqqu l-​istrumenti tal-​korda bl-​aħjar mod li tistgħu u għajtu bil-​ferħ.” Il-​messaġġ hu wieħed ċar: Dak li jgħodd hu li nagħmlu ‘l-​aħjar li nistgħu’ biex infaħħru lil Ġeħova.

L-​Irwol tal-​Mużika Wara Żmien David

9. Iddeskrivi x’kont x’aktarx tara u tismaʼ kieku attendejt l-​inawgurazzjoni tat-​tempju matul ir-​renju taʼ Salamun.

9 Matul ir-​renju taʼ Salamun, il-​mużika kellha rwol importanti fil-​qima pura. Fl-​inawgurazzjoni tat-​tempju, kien hemm orkestra sħiħa b’sezzjoni tal-​istrumenti tar-​ram li kienet tikkonsisti minn 120 trumbetta. (Aqra t-2 Kronaki 5:12.) Il-​Bibbja tgħidilna li “t-​trumbettieri [li kienu kollha qassisin] u l-​għannejja bħala ħaġa waħda bdew isemmgħu ħoss wieħed biex ifaħħru u jirringrazzjaw lil Ġeħova, . . . ‘għax hu tajjeb, għax għal dejjem hi l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu.’” Malli dak il-​ħoss ferrieħi telaʼ ’l fuq lejn is-​sema, “id-​dar imtliet bi sħaba,” u dan ta indikazzjoni tal-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. Min jaf kemm kien eċċitanti u tal-​għaġeb li tismaʼ l-​ħoss taʼ dawk it-​trumbetti kollha b’eluf taʼ għannejja jkantaw għalenija!—2 Kron. 5:13.

10, 11. X’juri li l-​Kristjani tal-​bidu kienu jużaw il-​mużika fil-​qima tagħhom?

10 Il-​Kristjani tal-​bidu wkoll kienu jużaw il-​mużika fil-​qima tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, l-​aduraturi tal-​ewwel seklu ma kinux jiltaqgħu f’tabernakli jew f’tempji, imma fi djar privati. Minħabba l-​persekuzzjoni u fatturi oħrajn, spiss il-​kundizzjonijiet li fihom kienu jiltaqgħu ma kinux ikunu favorevoli. Xorta waħda, dawn il-​Kristjani kienu jfaħħru lil Alla permezz tal-​għanjiet.

11 L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil ħutu Kristjani f’Kolossi u qalilhom: “Komplu . . . widdbu lil xulxin b’salmi, tifħir lil Alla, għanjiet spiritwali b’radd il-​ħajr.” (Kol. 3:16) Wara li Pawlu u Sila ġew mitfugħin il-​ħabs, huma bdew “jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-​kant,” avolja ma kellhom l-​ebda ktieb tal-​għanjiet li setgħu jsegwu minn fuqu. (Atti 16:25) Kieku kellhom jitfgħuk il-​ħabs, kemm-​il waħda mill-​għanjiet tas-​Saltna tkun taf bl-​amment?

12. Kif nistgħu nuru apprezzament għall-​għanjiet tas-​Saltna?

12 Peress li l-​mużika għandha rwol onorabbli fil-​qima tagħna, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Nuri jien apprezzament xieraq lejha? Fil-​laqgħat, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet, nagħmel dak kollu li nistaʼ biex nasal fil-​ħin ħalli nkanta l-​għanja tal-​ftuħ flimkien maʼ ħuti? Inkanta jien minn qalbi? Ninkuraġġihom jien lil uliedi biex l-​għanja taʼ bejn l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u l-​Laqgħa tas-​Servizz, jew l-​għanja taʼ bejn it-​taħdita pubblika u l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa ma jqisuhiex bħala intervall, jew bħala opportunità biex iqumu minn posthom għalxejn b’xejn, forsi biex jippassiġġaw ftit?’ L-​għanjiet huma parti mill-​qima tagħna. Iva, sew jekk aħna ‘esperti’ u sew jekk għadna ‘qed nitgħallmu,’ ilkoll kemm aħna nistgħu—u għandna—inkantaw għalenija biex infaħħru lil Ġeħova.—Qabbel it-​2 Korintin 8:12.

Il-​Bżonnijiet Tagħna Jinbidlu mal-​Medda taż-​Żmien

13, 14. X’benefiċċju hemm meta nkantaw mill-​qalb waqt il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni? Agħti eżempju.

13 Iktar minn 100 sena ilu, ir-​rivista Zion’s Watch Tower spjegat waħda mir-​raġunijiet għala l-​għanjiet tas-​Saltna huma daqshekk importanti. Din ir-​rivista qalet: “L-​għanjiet huma mod tajjeb kif tistaʼ ddaħħal il-​verità f’moħħ u f’qalb in-​nies t’Alla.” Ħafna mil-​lirika tal-​għanjiet tagħna hija bbażata fuq xi siltiet mill-​Iskrittura. Għalhekk, mod eċċellenti kif indaħħlu l-​verità f’qalbna hu billi nitgħallmu l-​kliem taʼ minn tal-​inqas ftit mill-​għanjiet. Ħafna drabi, uħud li attendew il-​laqgħat tagħna għall-​ewwel darba ġew imqanqlin ferm mill-​għanjiet li tkantaw mill-​qalb fil-​kongregazzjoni.

14 Lejla waħda fl-​1869, C. T. Russell kien sejjer lura lejn id-​dar wara x-​xogħol meta semaʼ l-​kant ġej minn sala li kienet taħt l-​art. Matul dak il-​perijodu f’ħajtu, hu kien konvint li qatt mhu se jsib il-​verità dwar Alla. Għalhekk, kien iddeċieda li jintefaʼ b’ruħu u b’ġismu għat-​tkabbir tan-​negozju tiegħu. Hu rraġuna li jekk jagħmel il-​flus, għall-​inqas, setaʼ jieħu ħsieb il-​bżonnijiet fiżiċi tan-​nies, la ma setax jgħinhom spiritwalment. Ħuna Russell daħal f’din is-​sala, li kienet mimlija trab u mudlama, u sab li hemmhekk kienu qed isiru xi funzjonijiet reliġjużi. Hu poġġa bilqiegħda u qagħad jismaʼ. Iktar tard, hu kiteb li dak li semaʼ matul dik il-​lejla “kien biżżejjed, bl-​għajnuna t’Alla, biex terġaʼ tissaħħaħ il-​fidi dgħajfa [li kellu] fl-​ispirazzjoni divina tal-​Bibbja.” Innota li kien il-​kant li primarjament ħajjar lil Ħuna Russell jattendi l-​laqgħa.

15. Minħabba liema rfinar fil-​fehma tagħna tal-​Iskrittura kien għaqli li ssir reviżjoni tal-​ktieb tal-​għanjiet?

15 Mal-​medda taż-​żmien, isir xi rfinar fil-​fehma tagħna tal-​Iskrittura. Proverbji 4:18 jgħid: “Il-​mogħdija tan-​nies sewwa hi bħal dawl qawwi li qed jiżdied iktar u iktar sal-​milja tal-​jum.” Id-​dawl li dejjem jiżdied żgur se jwassalna biex nagħmlu aġġustamenti. Dawn l-​aġġustamenti se jeffettwaw il-​lirika tal-​għanjiet tagħna. Għal dawn l-​aħħar 25 sena, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova f’ħafna pajjiżi bbenefikaw mill-​użu tal-​ktieb tal-​għanjiet li jismu Għannu Tifħir lil Ġeħova. b Mindu ġie pubblikat dan il-​ktieb, id-​dawl baqaʼ jiżdied fuq diversi suġġetti, u xi espressjonijiet li ntużaw f’dan il-​ktieb tal-​għanjiet m’għadhomx jintużaw. Pereżempju, m’għadniex nużaw il-​frażi “l-​ordni l-​ġdida,” imma “d-​dinja l-​ġdida.” U issa ngħidu li isem Ġeħova se jiġi “mqaddes,” u mhux “vindikat.” B’mod ċar, peress li d-​dawl dejjem jiżdied, kien hemm bżonn li l-​ktieb tal-​għanjiet jiġi aġġornat.

16. Il-​ktieb tal-​għanjiet il-​ġdid tagħna kif se jgħinna nsegwu l-​parir taʼ Pawlu li nsibu f’Efesin 5:19?

16 Għal din ir-​raġuni u għal diversi raġunijiet oħrajn, il-​Ġemgħa li Tiggverna approvat l-​ippubblikar taʼ ktieb tal-​għanjiet ġdid intitolat Għannu lil Ġeħova. In-​numru taʼ għanjiet fil-​ktieb il-​ġdid tagħna tnaqqas għal 135. Minħabba li hemm inqas għanjiet x’nitgħallmu, għandu jkun iktar possibbli għalina li nitgħallmu bl-​amment il-​lirika taʼ minn tal-​inqas ftit mill-​għanjiet il-​ġodda. Dan hu fi qbil mal-​parir taʼ Pawlu f’Efesin 5:19.—Aqra.

Int Tistaʼ Tesprimi l-​Apprezzament Tiegħek

17. Liema ħsibijiet jistgħu jgħinuna negħlbu l-​biżaʼ li naqgħu għaċ-​ċajt meta nkantaw fil-​kongregazzjoni?

17 Għandu l-​biżaʼ li naqgħu għaċ-​ċajt iżommna lura milli nkantaw fil-​laqgħat Kristjani? Ħares lejha b’dan il-​mod: Mhuwiex minnu li lkoll “nitfixklu ħafna drabi” meta nitkellmu? (Ġak. 3:2) Madankollu, aħna ma nħallux il-​kliem imperfett tagħna jżommna lura milli nfaħħru lil Ġeħova minn dar għal dar. Mela, għaliex għandu l-​kant imperfett tagħna jżommna lura milli nfaħħru lil Ġeħova bl-​għanjiet? Ġeħova, li “għamel fomm il-​bniedem,” jieħu gost jismagħna hekk kif nużaw il-​vuċijiet tagħna biex infaħħruh permezz tal-​kant.—Eżo. 4:11.

18. X’għen lil ħafna aħwa jitgħallmu l-​għanjiet il-​ġodda?

18 Is-​CDs intitolati Sing to Jehovah—Piano Accompaniment għenu lil ħafna aħwa jitgħallmu l-​għanjiet il-​ġodda. Żgur li se tieħu pjaċir tismaʼ dawn l-​arranġamenti mużikali. Jekk tismagħhom regolarment u ssegwi minn fuq il-​ktieb tal-​għanjiet, se tiġi megħjun titgħallem il-​lirika u tħossok iktar kunfidenti meta tkantahom fis-​Sala tas-​Saltna.

19. Liema passi huma involuti biex tiġi preparata l-​mużika orkestrali tal-​għanjiet tagħna tas-​Saltna?

19 Huwa faċli li ma napprezzawx biżżejjed l-​akkumpanjament mużikali li ngawdu fil-​jiem t’assemblea speċjali, l-​assembleat tas-​circuit, u l-​konvenzjonijiet distrettwali. Hemm ħafna xogħol involut fil-​preparazzjoni. Wara li tkun intgħażlet il-​mużika, jinkitbu bir-​reqqa l-​arranġamenti orkestrali għal kull wieħed mill-​64 membru tal-​orkestra tal-​Watchtower. Imbagħad, il-​mużiċisti jqattgħu sigħat sħaħ jirrivedu l-​materjal li jkunu se jirriħersjaw flimkien, u fl-​aħħar jirrekordjaw fl-​istudjos tagħna f’Patterson, New York. Għaxra minn dawn l-​aħwa rġiel u nisa ma jgħixux l-​Amerika. Ilkoll kemm huma jqisuh bħala privileġġ li jkollhom sehem f’li jipprovdu mużika sabiħa għall-​avvenimenti teokratiċi tagħna. Nistgħu nesprimu l-​apprezzament tagħna għall-​isforzi li jagħmlu bi mħabba. Għalhekk, meta fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet tagħna ċ-​chairman jistidinna biex nieħdu postna, ejja nagħmlu dan fil-​pront u noqogħdu nisimgħu bil-​kwiet il-​mużika li ġiet preparata għalina b’tant imħabba.

20. X’int determinat li tagħmel?

20 Ġeħova jagħti kas l-​għanjiet taʼ tifħir tagħna. Huma importanti għalih. Aħna nistgħu nferrħulu qalbu billi nkantaw b’qalbna kollha kull meta niltaqgħu biex nagħtu qima. Iva, sew jekk aħna esperti u sew jekk għadna qed nitgħallmu, ejja ‘nkantaw lil Ġeħova’!—Salm 104:33.

[Noti taʼ taħt]

a Taʼ interess, għaxar sekli wara l-​mewt taʼ David, kotra taʼ anġli ħabbru t-​twelid tal-​Messija lir-​rgħajja li kienu qed jirgħu l-​imrieħel tagħhom fl-​għelieqi qrib Betlehem.—Lq. 2:4, 8, 13, 14.

b Il-​ġabra kollha taʼ 225 għanja kienet disponibbli f’iktar minn 100 lingwa.

Int X’Taħseb?

• Liema eżempji minn żminijiet Bibliċi juru li l-​mużika għandha rwol importanti fil-​qima tagħna?

• X’konnessjoni tara bejn li nobdu l-​kmand taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 22:37 u li nieħdu sehem b’qalbna kollha meta nkantaw l-​għanjiet tas-​Saltna?

• Liema huma xi modi li bihom nistgħu nuru apprezzament xieraq għall-​għanjiet tagħna tas-​Saltna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 23]

Tinkuraġġihom int lil uliedek biex waqt l-​għanja ma jqumux minn posthom għalxejn b’xejn?

[Stampa f’paġna 24]

Qiegħed int titgħallem il-​lirika tal-​għanjiet il-​ġodda meta tkun id-​dar?