Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Rajt X’Qawwa Għandha l-Verità tal-Bibbja

Rajt X’Qawwa Għandha l-Verità tal-Bibbja

Rajt X’Qawwa Għandha l-​Verità tal-​Bibbja

Kif rakkontata minn VITO FRAESE

X’AKTARX, l-​isem Trentinara ma jfisser xejn għalik. Trentinara huwa raħal żgħir fin-​Nofsinhar taʼ Napli, l-​Italja. Il-​ġenituri tiegħi u ħija Angelo, li hu akbar minni, twieldu hawnhekk. Wara t-​twelid taʼ Angelo, il-​ġenituri tiegħi emigraw lejn l-​Istati Uniti u marru joqogħdu f’Rochester, New York. Kien proprju hawnhekk li twilidt jien fl-​1926. Fl-​1922, missieri kellu l-​ewwel kuntatt mal-​Istudenti tal-​Bibbja, bħalma kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien. Ommi u missieri ma damux ma saru Studenti tal-​Bibbja.

Missieri kien raġel kalm u kellu bixra taʼ wieħed ħosbien, iżda kien jinkedd meta jara l-​inġustizzja. Ma kienx jiflaħ jara l-​mod kif il-​membri tal-​kleru kienu jżommu lin-​nies fl-​injoranza, u għalhekk kien jaħtaf kull opportunità biex jaqsam il-​veritajiet tal-​Bibbja m’oħrajn. Meta rtira mix-​xogħol, hu beda jaqdi fil-​ministeru full-​time u baqaʼ jaqdi sakemm saħħtu battiet u sakemm ix-​xtiewi kefrin ġegħluh jieqaf meta kellu 74 sena. Saħansitra taʼ din l-​età, hu kompla jipprietka bejn 40 u 60 siegħa fix-​xahar sa ma kellu ’l fuq minn 90 sena. L-​eżempju taʼ missieri kellu effett profond fuqi. Għalkemm kien ċajtier, hu kien raġel tal-​affari tiegħu. Hu kien jgħid, “Il-​verità għandha tittieħed bis-​serjetà.”

Missieri u ommi stinkaw biex jgħallmu l-​Kelma t’Alla lili u lill-​erbaʼ ħuti l-​oħra. Jien tgħammidt fit-​23 t’Awwissu, 1943, u f’Ġunju tal-​1944 bdejt naqdi bħala pijunier. Oħti Carmela kienet pijuniera f’Geneva, New York, flimkien maʼ seħbitha Fern, li kienet tfajla fuq tagħha. Ma domtx ma ntbaħt li Fern kienet it-​tfajla li magħha ridt inqattaʼ l-​kumplament taʼ ħajti. Għalhekk, f’Awwissu tal-​1946 iżżewwiġna.

Xogħol Missjunarju

L-​ewwel żewġ inkarigi tagħna flimkien kienu bħala pijunieri speċjali f’Geneva u f’Norwich, New York. F’Awwissu tal-​1948, kellna l-​privileġġ li nattendu t-​12-​il klassi taʼ Gilegħad. Imbagħad intbgħatna Napli, l-​Italja, maʼ koppja missjunarja oħra, Carl u Joanne Ridgeway. Dak iż-​żmien, Napli kienet qed tissielet biex tirkupra mit-​tifrik tal-​gwerra. Kien diffiċli biex insibu dar fejn noqogħdu. Għalhekk, għamilna ftit xhur ngħixu f’appartament b’żewġ gabubi.

Trabbejt nismaʼ lill-​ġenituri tiegħi jitkellmu bid-​djalett Naplitan, u b’hekk, minkejja l-​aċċent Amerikan, kont inġaħġaħha bit-​Taljan. Fern sabitha diffiċli biex taqbad il-​lingwa. Iżda jkolli ngħid li hi tgħallmitha wkoll, u saħansitra saret aħjar minni.

Għall-​ewwel, l-​uniċi nies interessati li sibna f’Napli kienu familja taʼ erbgħa min-​nies. Dawn kienu jbigħu s-​sigaretti bil-​kuntrabandu. Kull ġurnata tax-​xogħol, membru wieħed minn din il-​familja, Teresa, kienet tittrasforma ruħha b’mod tal-​għaġeb. Filgħodu, minħabba li kienet iddeffes is-​sigaretti fil-​bosta bwiet tad-​dublett tagħha, kienet tidher ħoxna. Sa filgħaxija kienet tidher niexfa għuda. Il-​verità biddlet għalkollox lil din il-​familja. Maż-​żmien, 16-​il membru minn din il-​familja saru Xhieda. Issa fil-​belt taʼ Napli hemm kważi 3,700 Xhud.

Oppożizzjoni għax-​Xogħol Tagħna tal-​Ippritkar

Wara li konna ilna biss disaʼ xhur Napli, l-​awtoritajiet ġiegħlu lill-​erbgħa li aħna nitilqu mill-​belt. Morna l-​Isvizzera għal madwar xahar, u rġajna lura l-​Italja b’viża bħala turisti. Jien u Fern intbgħatna Turin. Għall-​ewwel, waħda mara kienet tikrilna kamra u konna nużaw il-​kamra tal-​banju u l-​kċina tagħha. Meta l-​koppja Ridgeway waslu Turin, krejna appartament flimkien. Maż-​żmien, konna ħames koppji missjunarji ngħixu fl-​istess dar.

Fl-​1955, l-​awtoritajiet ġegħluna nitilqu minn Turin. Sa dak iż-​żmien kien tqiegħed pedament għal erbaʼ kongregazzjonijiet ġodda, u b’hekk, kien hemm aħwa lokali li kienu kapaċi jieħdu ħsieb dawn il-​kongregazzjonijiet. L-​awtoritajiet qalulna, “Ninsabu ċerti li la titilqu intom l-​Amerikani, dak kollu li tkunu bnejtu se jisfa fix-​xejn.” Iżda ż-​żieda li kien hemm wara t-​tluq tagħna wriet li s-​suċċess tax-​xogħol jiddependi minn Alla. Illum, f’Turin hemm iktar minn 4,600 Xhud u 56 kongregazzjoni.

Firenze—Belt Meraviljuża

L-​inkarigu li kien imissna kien Firenze. Spiss konna nisimgħu b’din il-​belt minħabba li kien proprju hawnhekk li oħti Carmela u żewġha Merlin Hartzler kienu ġew assenjati biex jaqdu bħala missjunarji. Madankollu, immaġinak tgħix hemm. Postijiet bħal Piazza della Signoria, Ponte Vecchio, Piazzale Michelangelo, u Palazzo Pitti għamlu lil din il-​belt waħda meraviljuża! Konna nitgħaxxqu naraw ir-​reazzjoni għall-​aħbar tajba taʼ xi wħud min-​nies taʼ Firenze.

Konna nistudjaw maʼ familja, u l-​ġenituri tgħammdu. Iżda l-​missier kien ipejjep. Fl-​1973, ir-​rivista It-​Torri tal-​Għassa wriet li t-​tipjip huwa drawwa mhix nadifa u kienet ħeġġet lill-​qarrejja biex jieqfu jpejpu. It-​tfal il-​kbar talbu bil-​ħniena lil missierhom biex jaqtaʼ t-​tipjip. Hu wiegħed li hekk se jagħmel, iżda xorta ma waqafx. Lejla fost l-​oħrajn, martu bagħtet lit-​tewmin taʼ disaʼ snin jorqdu bla ma qaltilhom it-​talba taʼ filgħaxija. Iktar tard niggżitha l-​kuxjenza u marret f’kamrithom. Huma kienu diġà qalu t-​talba tagħhom. “Dwar xiex tlabtu?” staqsiethom. “Ġeħova, jekk jogħġbok għin lill-​papà jieqaf ipejjep.” Il-​mara sejħet lil żewġha, “Ejja u ismaʼ t-​talba taʼ wliedek.” Meta semaʼ t-​talba, infexx jibki u qal, “Qatt iktar mhu se nerġaʼ npejjep!” Hu żamm kelmtu, u issa iktar minn 15-​il ruħ minn din il-​familja huma Xhieda.

Naqdu fl-​Afrika

Fl-​1959, intbgħatna Mogadishu, is-​Somalja, flimkien maʼ żewġ missjunarji oħrajn, Arturo Leveris, u ħija Angelo. Meta wasalna, is-​sitwazzjoni politika kienet waħda instabbli. Il-​gvern Taljan suppost kellu jwassal lis-​Somalja lejn l-​indipendenza taħt mandat mill-​Ġnus Magħquda, iżda s-​sitwazzjoni donnha kienet sejra mill-​ħażin għall-​agħar. Xi Taljani li konna studjajna magħhom ħallew il-​pajjiż u ma stajniex nistabbilixxu kongregazzjoni hemmhekk.

Matul dan il-​perijodu, l-​indokratur taż-​żona ssuġġerixxa li jien naqdi bħala l-​assistent tiegħu. Għalhekk, bdejna nżuru l-​pajjiżi tal-​madwar. Xi wħud li studjajna magħhom għamlu progress, iżda kellhom jitilqu minn art twelidhom minħabba l-​oppożizzjoni. Oħrajn baqgħu hemm minkejja li kellhom jissaportu ħafna tbatija. a Meta naħsbu dwar l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova u dwar dak li ssaportew sabiex jibqgħu leali, għajnejna jimtlew bid-​dmugħ.

Is-​sħana u l-​umdità fis-​Somalja u fl-​Eritrea spiss kienu jkunu estremi. Xi ikel tipiku kien iġegħelna nħossu saħansitra iktar sħana. L-​ewwel darba li kilna waħda minn dawn l-​ikliet tipiċi kienet fid-​dar taʼ studenta tal-​Bibbja. Biex tiċċajta, marti qalet li widnejha xegħlu bħall-​bozza l-​ħamra tat-​traffiku!

Meta Angelo u Arturo rċivew inkarigu ieħor, aħna spiċċajna waħedna. Ma kellna lil ħadd min jinkuraġġina, u dan ma kienx faċli. Iżda din is-​sitwazzjoni għenitna nersqu eqreb lejn Ġeħova u nafdaw fih iktar bis-​sħiħ. Iż-​żjajjar li għamilna f’pajjiżi fejn ix-​xogħol kien projbit kienu fil-​fatt sors taʼ inkuraġġiment għalina.

Fis-​Somalja ffaċċjajna diversi diffikultajiet. Peress li ma kellniex friġġ konna nixtru biss l-​ammont taʼ ikel li nkunu se nieklu f’ġurnata, sew jekk dan kien laħam tal-​kelb il-​baħar u sew jekk frott tal-​lokal, bħal mango, papaya, grapefruit, coconut, jew banana. Spiss kien ikollna nissaportu l-​insetti li jtiru. Kultant kienu jiġu fuq għonqna waqt li nkunu qed nikkonduċu xi studju tal-​Bibbja fid-​djar. Għall-​inqas kellna lambretta, u b’hekk ma kienx ikollna għalfejn nimxu sigħat twal fix-​xemx tisreġ.

Lura Lejn l-​Italja

Grazzi għall-​ġenerożità tal-​ħbieb, irkibna fuq vapur li jġorr il-​banana sabiex immorru lura lejn l-​Italja biex nattendu l-​konvenzjoni internazzjonali f’Turin fl-​1961. Sirna nafu li konna se ningħataw inkarigu ieħor. F’Settembru tal-​1962 morna lura lejn l-​Italja, u hemmhekk bdejt naqdi bħala indokratur tas-​circuit. Xtrajna karozza żgħira li użajna għal ħames snin biex nivvjaġġaw matul iż-​żjajjar kollha li għamilna liż-​żewġ circuits.

Wara li kellna nissaportu s-​sħana tal-​Afrika, issa kellna nbatu l-​kesħa. L-​ewwel xitwa, waqt li konna qed inżuru kongregazzjoni biswit l-​Alpi, irqadna f’kamra li ma kinitx imsaħħna u li kienet tiġi fuq kamra fejn kien jinħażen it-​tiben. Tant kienet kiesħa li morna norqdu bil-​kowtijiet b’kollox. Dak il-​lejl mietu erbaʼ tiġiġiet u żewġt iklieb f’dawk l-​inħawi minħabba l-​kesħa!

Iktar tard, qdejt ukoll bħala indokratur tad-​distrett. Matul dawk is-​snin koprejna l-​Italja kollha kemm hi. Żorna postijiet bħall-​Calabria u Sqallija diversi drabi. Konna nħeġġu liż-​żgħażagħ biex jagħmlu progress spiritwalment u biex jirsistu ħalli jaqdu bħala indokraturi fil-​kongregazzjoni, bħala ministri li jivvjaġġaw, jew bħala Beteliti.

Tgħallimna ħafna minn ħbieb leali li qdew lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Sirna ngħożżu l-​kwalitajiet tagħhom, bħalma huma l-​lealtà assoluta lejn Ġeħova, il-​ġenerożità, l-​imħabba għal ħuthom, u l-​attitudni li lesti li jadattaw ruħhom u jagħmlu s-​sagrifiċċji. Attendejna xi ċerimonji taż-​żwieġ fis-​Swali tas-​Saltna. Dawn ġew ċelebrati minn Xhieda li kienu rikonoxxuti legalment bħala ministri reliġjużi. Snin ilu, din kienet titqies bħala xi ħaġa impossibbli li ssir f’dan il-​pajjiż. Il-​kongregazzjonijiet m’għadhomx jagħmlu l-​laqgħat fil-​kċejjen tad-​djar tal-​aħwa jew ipoġġu bilqiegħda fuq twavel, kif kienu jagħmlu qabel f’Turin. Minflok, ħafna mill-​kongregazzjonijiet igawdu Swali tas-​Saltna mill-​isbaħ li jġibu unur lil Ġeħova. M’għadniex nagħmlu l-​assembleat f’teatri taʼ livell baxx, iżda minflok, fi Swali tal-​Assembleat spazjużi. Meta wasalna l-​Italja kien hemm biss 490 pubblikatur. Kemm inħossuna ferħanin li n-​numru taʼ pubblikaturi issa qabeż il-​243,000.

Għamilna l-​Aħjar Għażliet

Aħna għaddejna minn xi tbatijiet, inkluż in-​nostalġija għal pajjiżna u l-​mard. Fern kienet tħossha nostalġika kull darba li tara l-​baħar. Ukoll, hi kellha tagħmel tliet operazzjonijiet serji. Darba minnhom, waqt li kienet fi triqitha biex tikkonduċi studju tal-​Bibbja, individwu li kien jopponi attakkaha b’furkettun. Minħabba dan l-​inċident spiċċat l-​isptar.

Għalkemm kultant konna nissieltu mal-​iskuraġġiment, dejjem ‘stennejna’ lil Ġeħova, fi qbil maʼ dak li jgħid Lamentazzjonijiet 3:24. Hu l-​Alla taʼ kull faraġ. Darba minnhom, meta konna qed inħossuna skuraġġiti, Fern irċiviet ittra sabiħa mingħand Ħuna Nathan Knorr. Hu kiteb li peress li kien imwieled f’Betlehem, Pennsylvania, fejn Fern kienet bdiet taqdi bħala pijuniera, kien jaf tajjeb li dawk in-​nisa taʼ Pennsylvania li għandhom oriġini Ġermaniża huma nisa b’saħħithom u determinati bħalha. U kellu raġun. Matul is-​snin irċivejna inkuraġġiment b’diversi modi u mingħand ħafna nies.

Minkejja d-​diffikultajiet, aħna pprovajna nibqgħu żelużi fil-​ministeru. Meta qabblet spirtu żeluż mal-​Lambrusco, inbid frizzanti skwiżit mill-​Italja, biex tiċċajta Fern qalet, “Irridu nħallu l-​ispirtu tagħna jibqaʼ frizzanti.” Wara li konna ilna iktar minn 40 sena nivvjaġġaw fix-​xogħol tas-​circuit u tad-​distrett, irċivejna privileġġ ġdid li nżuru u norganizzaw gruppi u kongregazzjonijiet tal-​lingwi barranin. Dawn il-​gruppi jippritkaw lin-​nies mill-​Bangladexx, miċ-​Ċina, mill-​Eritrea, mill-​Etjopja, mill-​Filippini, mill-​Gana, mill-​Indja, min-​Niġerja, mis-​Sri Lanka, u minn pajjiżi oħrajn. Kieku kellna nirrakkontaw dwar il-​modi meraviljużi li rajna kif il-​qawwa tal-​Kelma t’Alla biddlet il-​ħajjiet taʼ dawk li esperjenzaw il-​ħniena taʼ Ġeħova, ktieb wieħed ma kienx ikun biżżejjed.—Mik. 7:18, 19.

Kuljum nitolbu lil Ġeħova biex ikompli jagħtina s-​saħħa emozzjonali u fiżika li neħtieġu ħalli nwettqu l-​ministeru tagħna. Il-​ferħ tal-​Mulej isaħħaħna. Hekk kif naqsmu l-​verità tal-​Bibbja m’oħrajn, għajnejna jixegħlu u nikkonvinċu ruħna li għamilna l-​aħjar għażliet fil-​ħajja.—Efes. 3:7; Kol. 1:29.

[Nota taʼ taħt]

a Ara n-​1992 Yearbook of Jehovahʼs Witnesses, paġni 95-​184.

[Tabella/Stampi f’paġni 27-29]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Il-​ġenituri tiegħi fʼRochester, NY

1948

F’South Lansing għat-​12-​il klassi taʼ Gilegħad

1949

Maʼ Fern qabel tlaqna lejn l-​Italja

Capri, l-​Italja

1952

F’Turin u f’Napli maʼ xi missjunarji oħrajn

1963

Fern maʼ xi studenti li kienu jistudjaw il-​Bibbja magħha

“Irridu nħallu l-​ispirtu tagħna jibqaʼ frizzanti”