Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

F’Ġenesi 6:3 naqraw: “L-​ispirtu tiegħi mhux se jaġixxi bil-​paċenzja mal-​bniedem għal żmien indefinit għax hu laħam ukoll. Għaldaqstant, jiemu se jkunu mija u għoxrin sena.” Kien Ġeħova qed jillimita l-​għomor tal-​bniedem għal 120 sena, u Noè dam daqshekk jipprietka dwar id-​Dilluvju li kien ġej?

It-​tweġiba għaż-​żewġ partijiet tal-​mistoqsija hija le.

Qabel id-​Dilluvju, ħafna bnedmin kienu jgħixu sekli sħaħ. Noè kellu 600 sena meta ġie d-​Dilluvju, u għex sakemm kellu 950 sena. (Ġen. 7:6; 9:29) Xi wħud li twieldu wara d-​Dilluvju wkoll għexu ħafna iktar minn 120 sena. Arfaksad miet taʼ 438 sena u Selaħ miet taʼ 433 sena. (Ġen. 11:10-​15) Iżda, sa żmien Mosè, bniedem kien mistenni jgħix bejn 70 u 80 sena. (Salm 90:10) Għalhekk, Ġenesi 6:3 ma kienx qed jistabbilixxi 120 sena bħala l-​għomor massimu jew normali taʼ bniedem.

Allura, huwa l-​kliem tal-​vers kumment minn Alla lil Noè biex javża lil oħrajn dwar il-​qerda li kellha tiġi fi żmien 120 sena? Le. Alla kellem lil Noè diversi drabi. Għaxar versi ’l isfel fir-​rakkont naqraw: “Alla qal lil Noè: ‘Wasal quddiemi t-​tmiem tal-​bnedmin kollha, għaliex minħabba fihom l-​art imtliet bil-​vjolenza.’” Fis-​snin taʼ wara, Noè temm il-​biċċa xogħol enormi tal-​bini tal-​arka, u f’dak il-​punt “Ġeħova qal lil Noè: ‘Idħlu fl-​arka, int u n-​nies kollha taʼ darek.’” (Ġen. 6:13; 7:1) U hemm drabi oħrajn meta Ġeħova informa lil Noè dwar ċerti fatti.—Ġen. 8:15; 9:1, 8, 17.

Madankollu, dak li naqraw f’Ġenesi 6:3 huwa differenti; la jsemmi lil Noè u lanqas jgħid li Alla kien qed jindirizza lilu. Dan jistaʼ jiġi mifhum bħala sempliċi espressjoni tal-​iskop jew id-​determinazzjoni t’Alla. (Qabbel Ġenesi 8:21.) Huwa importanti li wieħed jinnota li fir-​rakkont storiku dwar il-​ġrajjiet li seħħew ħafna qabel żmien Adam, insibu espressjonijiet bħal: “Alla ssokta jgħid.” (Ġen. 1:6, 9, 14, 20, 24) Ovvjament, Ġeħova ma kienx qed ikellem lil xi bniedem fuq l-​art għax il-​bniedem kien għadu ma ġiex maħluq.

Għalhekk, huwa loġiku li wieħed jikkonkludi li Ġenesi 6:3 jesprimi d-​determinazzjoni t’Alla li jtemm is-​sistema korrotta fuq l-​art. Ġeħova ħareġ digriet ġudizzjarju biex jagħmel dan fi żmien 120 sena, avolja Noè kien għadu mhux konxju taʼ dan. Iżda għala tpoġġa limitu taʼ żmien? Għala din l-​istennija?

L-​appostlu Pietru jagħti xi raġunijiet: “Alla qagħad jistenna bil-​paċenzja fi żmien Noè, waqt li kienet qed tinbena l-​arka, li fiha ftit nies, jiġifieri, tmien erwieħ, inġarrew mill-​ilma u ġew salvati.” (1 Pt. 3:20) Tabilħaqq, meta Alla ħa deċiżjoni rigward il-​120 sena, kien għad fadal xi affarijiet x’jitwettqu. Madwar 20 sena wara, Noè u martu bdew ikollhom it-​tfal. (Ġen. 5:32; 7:6) It-​tliet ulied subien tagħhom kibru u żżewġu, u b’hekk saru familja taʼ “tmien erwieħ.” Imbagħad kellhom jibnu l-​arka, li kienet biċċa xogħol li tieħu ż-​żmien biex titlesta meta tqis kemm kienet kbira l-​arka u kemm kienu ftit il-​membri tal-​familja taʼ Noè. Tabilħaqq, il-​paċenzja li Alla wera għal 120 sena ppermettiet li jitwettqu dawn l-​affarijiet u għamlet possibbli li tiġi preservata l-​ħajja, u b’hekk ippermettiet li tmien bnedmin leali ‘jinġarru mill-​ilma u jiġu salvati.’

Il-​Bibbja ma tispeċifikax f’liema sena Ġeħova informa lil Noè li kien se jseħħ id-​Dilluvju. Peress li wliedu subien kienu twieldu, kibru, u żżewġu, jistaʼ jkun li kien għad fadal xi 40 jew 50 sena biex jiġi d-​Dilluvju. Imbagħad Ġeħova qal lil Noè: “Wasal quddiemi t-​tmiem tal-​bnedmin kollha.” Hu żied jgħid li Noè kellu jibni arka enormi u jidħol fiha hu u l-​familja tiegħu. (Ġen. 6:13-​18) Matul l-​għaxriet taʼ snin li kien fadal, Noè ma pprovdiex biss eżempju taʼ ġustizzja permezz tal-​ħajja li għex. Hu qeda bħala “predikatur tal-​ġustizzja” li kellu messaġġ ċar taʼ twissija x’jiddikjara—id-​determinazzjoni li kellu Alla li jġib qerda fuq dawk li f’dak iż-​żmien ma kinux jgħixu skont il-​livelli tiegħu. Noè ma kienx jaf minn ħafna qabel f’liema sena dan kellu jiġi, imma kien jaf li żgur kellu jiġi. U int taf li hekk ġara.—2 Pt. 2:5.