Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tgħallem mill-​Kelma t’Alla

Għala Għandna Nitgħallmu Minn Alla?

Għala Għandna Nitgħallmu Minn Alla?

Dan l-​artiklu jqajjem mistoqsijiet li forsi ġieli ħsibt dwarhom u juri fejn tistaʼ ssib it-​tweġibiet fil-​Bibbja tiegħek. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-​tweġibiet miegħek.

1. Għala għandna nitgħallmu minn Alla?

Alla għandu aħbar tajba dwar xi ħaġa aħjar għall-​bnedmin. Hu jgħidilna dwarha fil-​Bibbja. Il-​Bibbja hi bħal ittra indirizzata lilna mingħand Missierna tas-​sema kollu mħabba.—Aqra Ġeremija 29:11.

2. X’inhi l-​aħbar tajba?

Il-​bnedmin jeħtieġu gvern tajjeb. L-​ebda ħakkiem uman ma qatt ħeles lill-​umanità mill-​vjolenza, mill-​inġustizzja, mill-​mard, jew mill-​mewt. Iżda hemm aħbar tajba. Alla se jagħti gvern tajjeb lill-​bnedmin li se jġib ħelsien minn dak kollu li jikkaġuna t-​tbatija.—Aqra Danjel 2:44.

3. Għala hu vitali li nitgħallmu minn Alla?

Alla dalwaqt se jneħħi minn fuq wiċċ l-​art lin-​nies li jikkaġunaw it-​tbatija. Sadanittant, hu qed jgħallem lil miljuni taʼ nies ġwejdin kif igawdu ħajja aħjar, ibbażata fuq l-​imħabba. Permezz tal-​Kelma t’Alla, in-​nies qed jitgħallmu kif ikampaw mal-​problemi tal-​ħajja, kif isibu l-​hena veru, u kif jogħġbu lil Alla.—Aqra Sofonija 2:3.

4. Min hu l-​Awtur tal-​Bibbja?

Il-​Bibbja hi magħmula minn 66 ktieb żgħir. Dawn inkitbu minn 40 raġel. L-​ewwel ħames kotba nkitbu minn Mosè madwar 3,500 sena ilu. L-​aħħar wieħed inkiteb mill-​appostlu Ġwanni iktar minn 1,900 sena ilu. Iżda l-​kittieba tal-​Bibbja kitbu l-​ħsibijiet t’Alla u mhux tagħhom stess. Għalhekk, Alla huwa l-​Awtur tal-​Bibbja.—Aqra t-​2 Timotju 3:16; it-​2 Pietru 1:21.

Aħna nafu li l-​Bibbja ġejja minn Alla għax tbassar bl-​eżatt il-​futur fid-​dettall. L-​ebda bniedem ma jistaʼ jagħmel dan. (Isaija 46:9, 10) Ukoll, il-​Bibbja tirrivelalna l-​kwalitajiet t’Alla. Din għandha l-​qawwa li tbiddel il-​ħajjiet tan-​nies għall-​aħjar. Dawn il-​fatti jikkonvinċu lil miljuni taʼ nies li l-​Bibbja hi l-​Kelma t’Alla.—Aqra Ġożwè 23:14; l-​1 Tessalonikin 2:13.

5. Kif tistaʼ tifhem il-​Bibbja?

Ġesù sar magħruf bħala għalliem tal-​Kelma t’Alla. Għalkemm ħafna min-​nies li kien ikellem kienu midħla tal-​Bibbja, huma kellhom bżonn xi ħadd li jgħinhom jifhmuha. Sabiex jgħinhom, Ġesù kien jirreferi għal vers wara l-​ieħor mill-​Bibbja u kien jispjegalhom “biex jifhmu l-​Iskrittura.” Din is-​serje t’artikli, “Tgħallem mill-​Kelma t’Alla,” se tuża l-​istess metodu biex tgħin lilek.—Aqra Luqa 24:27, 45.

X’hemm isbaħ milli titgħallem minn Alla dwar l-​iskop tal-​ħajja? Iżda forsi xi nies ma jiħdux pjaċir li tkun qed taqra l-​Bibbja. Taqtax qalbek. It-​tama tiegħek li tgawdi ħajja taʼ dejjem tiddependi milli ssir taf lil Alla.—Aqra Mattew 5:10-​12; Ġwanni 17:3.

Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 2 taʼ dan il-​ktieb, Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.