Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kien l-Għeden il-Post Fejn Għexu l-Ewwel Bnedmin?

Kien l-Għeden il-Post Fejn Għexu l-Ewwel Bnedmin?

IMMAĠINA li qiegħed fi ġnien. M’hemm xejn xi jtellfek, ebda ħsejjes tal-​ħajja mgħaġġla taʼ xi belt li jinstemgħu fl-​isfond minn wara xi ħajt fil-​viċin. Dan il-​ġnien kbir ġmielu; m’hemm xejn xi jfixkel il-​paċi li tirrenja. Jerġaʼ aħjar minn hekk, moħħok hu ħieles minn ħsibijiet li jinkwetawk, u f’ġismek m’hemm ebda traċċa taʼ mard, allerġiji, jew uġigħ. Int tistaʼ tgawdi l-​ambjent taʼ madwarek permezz tas-​sensi tiegħek.

Għajnejk jitpaxxew jaraw l-​ilwien vivaċi tal-​fjuri, l-​ilma ġieri jlellex f’nixxiegħa tal-​ilma, u l-​għadd kbir taʼ ħdura tal-​pjanti u tal-​ħaxix fix-​xemx u fid-​dell. Tħoss iż-​żiffa ħelwa maʼ wiċċek u xxomm l-​irwejjaħ ifuħu li din iġġorr magħha. Tismaʼ t-​tħaxwix tal-​weraq, iċ-​ċafċif tal-​ilma jgelgel mal-​blat, it-​tisfir u l-​għana tal-​għasafar, u ż-​żanżin tal-​insetti li għaddejjin beżlin b’xogħolhom. Int u ġġib ix-​xena quddiem għajnejk, ma tixxennaqx li tkun f’post bħal dan?

In-​nies mad-​dinja kollha jemmnu li l-​bidu tal-​umanità kien f’post bħal dan. Għal sekli sħaħ, il-​membri tal-​Ġudaiżmu, tal-​Kristjaneżmu, u tal-​Iżlam, ġew mgħallmin dwar il-​ġnien tal-​Għeden, il-​post fejn Alla ried li jgħixu Adam u Eva. Skont il-​Bibbja, dawn kellhom ħajja mimlija paċi u ferħ. Huma kienu f’paċi maʼ xulxin, mal-​annimali, u m’Alla, li b’qalb tajba tahom it-​tama li jgħixu għal dejjem f’dan l-​ambjent mill-​isbaħ.—Ġenesi 2:15-​24.

Anke l-​Ħindu għandhom konċetti differenti dwar ġenna fi żminijiet tal-​qedem. Il-​Buddisti jemmnu li mexxejja reliġjużi importanti, jew Budda, jidhru fi żminijiet tad-​deheb meta d-​dinja tkun bħal ġenna. U għadd kbir taʼ reliġjonijiet tal-​Afrika jgħallmu stejjer li għandhom xebh sinifikanti maʼ dik taʼ Adam u Eva.

Fil-​fatt, il-​ħsieb taʼ ġenna kmieni fl-​istorja jistaʼ jinstab f’ħafna mir-​reliġjonijiet u mit-​tradizzjonijiet tal-​bniedem. Ċertu awtur kiteb: “Ħafna ċivilizzazzjonijiet kienu jemmnu li kmieni fl-​istorja kienet teżisti ġenna karatterizzata minn perfezzjoni, ħelsien, paċi, ferħ, abbundanza, ġenna li fiha ma kienx hemm pressjonijiet, tensjonijiet, u konflitti. . . . Dan it-​twemmin ġiegħel lis-​soċjetà inġenerali tkun ferm xewqana għall-​ġenna li ntilfet, imma li ma ntesietx, u tipprova ssib mezz kif terġaʼ ssibha.”

Huwa possibbli li dawn l-​istejjer u t-​tradizzjonijiet kollha ġejjin minn sors wieħed? Jistaʼ jkun li “s-​soċjetà inġenerali” hi influwenzata mit-​tifkiriet taʼ xi ħaġa taʼ veru? Il-​ġnien tal-​Għeden tassew kien jeżisti żmien twil ilu, u Adam u Eva veru kienu jeżistu?

Ix-​xettiċi jwaqqgħu din l-​idea għaċ-​ċajt. F’dan iż-​żmien li fih ix-​xjenza għamlet avanz kbir, ħafna nies jassumu li dawn ir-​rakkonti huma sempliċi leġġendi u ħrejjef. Ħaġa tal-​iskantament, mhux ix-​xettiċi kollha huma nies sekulari. Ħafna mexxejja reliġjużi jgħallmu li ma kien hemm l-​ebda ġnien tal-​Għeden. Dawn jgħidu li dan il-​post qatt ma eżista. Jgħidu wkoll li r-​rakkont huwa sempliċi metafora, ħrafa, storja, jew parabbola.

M’għandniex xi ngħidu, fil-​Bibbja nsibu parabboli. Ġesù nnifsu rrakkonta l-​iktar parabboli magħrufin. Madankollu, il-​Bibbja ma titkellimx dwar ir-​rakkont tal-​Għeden bħala parabbola, iżda bħala parti mill-​istorja tal-​umanità, u dan tgħidu ċar u tond. Madankollu, jekk il-​ġrajjiet deskritti qatt ma seħħew, kif nistgħu nafdaw fil-​kumplament tal-​Bibbja? Ejja neżaminaw għala xi wħud huma xettiċi dwar il-​ġnien tal-​Għeden u naraw jekk ir-​raġunijiet tagħhom humiex validi. Imbagħad se nikkunsidraw għala r-​rakkont għandu jinteressa lil kull wieħed u waħda minna.