Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .

Satana Għala Uża Serp Biex Ikellem lil Eva?

Satana Għala Uża Serp Biex Ikellem lil Eva?

▪ Għandek mnejn taqbel li bħalma ġie diskuss f’paġna 8, Satana kien il-​forza wara s-​serp li kellem lil Eva. Bla dubju, il-​Bibbja hekk tgħallem. Madankollu, forsi tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Spirtu qawwi għala kellu jimmanipula serp bl-​istess mod li ventrilokwista juża pupazz?’

Il-​Bibbja tiddeskrivi t-​tattiki taʼ Satana bħala “tnassis” u dak li ġara fl-​Għeden jgħin biex isaħħaħ dan il-​punt. (Efesin 6:11) Din il-​ġrajja mhijiex xi ħrafa dwar annimal jitkellem, iżda hi eżempju li jkexkxek taʼ pjan makakk bl-​iskop li jbiegħed lin-​nies minn Alla. B’liema mod?

Satana għażel il-​mira tiegħu bir-​reqqa. Eva kienet l-​iktar ħlejqa żagħżugħa intelliġenti fl-​univers. Hu ħa vantaġġ min-​nuqqas taʼ esperjenza tagħha billi ingannaha u ħajjarha. Satana b’makakkerija ħeba l-​iskopijiet sfaċċati u ambizzjużi tiegħu billi nqeda b’serp, li hu ħlejqa kawta ħafna. (Ġenesi 3:1) Ikkunsidra wkoll dak li wettaq minħabba li ġiegħel lis-​serp jidher li qed jitkellem.

L-​ewwel, Satana seraq l-​attenzjoni taʼ Eva u żammha ffokata. Hi kienet taf li s-​sriep ma jitkellmux. Fil-​fatt, żewġha kien ta isem lil kull annimal, inkluż lis-​serp, x’aktarx wara li kien studjah sew. (Ġenesi 2:19) Bla dubju, anki Eva kienet osservat lil din il-​ħlejqa kawta. Għalhekk, it-​tattika taʼ Satana qajmitilha l-​kurżità lil Eva u ġegħlitha tiffoka fuq l-​unika ħaġa fil-​ġnien li ma setgħetx tieħu. It-​tieni, li kieku s-​serp kien qed jistaħba qalb il-​friegħi tas-​siġra projbita, għal liema konklużjoni x’aktarx li Eva kienet se tasal? Setgħet hi rraġunat li dan is-​serp, sempliċi ħlejqa li ma tistax titkellem, kiel minn din il-​frotta u b’hekk setaʼ jitkellem? Jekk din il-​frotta kellha dan l-​effett fuq serp, fuqha x’effett setaʼ jkollha? Ma nistgħux ngħidu eżattament dak li għadda minn moħħ Eva jew jekk is-​serp kienx kiel mill-​frotta, imma dak li nafu hu li meta s-​serp qal lil Eva li l-​frotta kienet se tagħmilha “bħal Alla,” hi kienet lesta li temmen din il-​gidba.

Anki l-​kliem li għażel Satana jirrivela ħafna. Hu żeraʼ dubji f’moħħ Eva u implika li Alla kien qed iċaħħadha minn xi ħaġa tajba u jillimita l-​libertà tagħha bla bżonn. Is-​suċċess tal-​pjan taʼ Satana kien jiddependi mill-​possibbiltà li l-​egoiżmu taʼ Eva kien se jisboq l-​imħabba tagħha għall-​Alla li kien taha dak kollu li kellha. (Ġenesi 3:4, 5) Traġikament, it-​tattika taʼ Satana ħadmet; la Eva u lanqas Adam ma kienu rawmu f’qalbhom it-​tip taʼ mħabba u apprezzament għal Ġeħova li suppost kellhom. Mhuwiex Satana llum il-​ġurnata jippromwovi l-​istess tip taʼ egoiżmu u attitudni li wieħed jiġġustifika lilu nnifsu?

Iżda xi ngħidu dwar il-​motiv taʼ Satana? X’ried jikseb? Fl-​Għeden, hu pprova jaħbi kemm l-​identità u kemm il-​motiv tiegħu. Imma maż-​żmien kixef min hu. Meta ttanta lil Ġesù, żgur li kien jaf li mhux se jirnexxilu jaħbi l-​identità tiegħu. Għalhekk, hu direttament ħeġġeġ lil Ġesù u qallu: ‘Inxteħet fl-​art u agħmilli att taʼ qima.’ (Mattew 4:9) B’mod ċar, Satana ilu żmien twil jgħir għall-​qima li tingħata lil Alla Ġeħova. Hu lest li jagħmel minn kollox biex iżomm lin-​nies lura milli jaqdu lil Alla jew biex iġegħelhom jaqdu lil Alla b’mod li ma jkunx aċċettabbli għalih. Hu jieħu gost ikisser l-​integrità tagħna lejn Alla.

B’mod ċar, il-​Bibbja tirrivela li Satana hu qattiel tas-​sengħa li qed ifittex biex joqtol lil dawk fil-​mira tiegħu. B’ferħ, aħna m’għandniex għalfejn niġu mqarrqin bħalma ġiet imqarrqa Eva “għax il-​pjanijiet tiegħu nafuhom.”—2 Korintin 2:11.