Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jaċċettaw Kura Medika?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jaċċettaw Kura Medika?

▪ Ġesù qal li n-​“nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-​morda iva.” (Mattew 9:12) B’dan il-​kliem hu ried jgħid li m’hemm l-​ebda oġġezzjoni Skritturali għala wieħed m’għandux jaċċetta għajnuna medika professjonali. B’hekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova b’qalbhom kollha jaċċettaw mediċina u kura medika. Huma jridu jibqgħu f’saħħithom u jtawlu ħajjithom. Fil-​fatt, bħal Luqa, li kien Kristjan tal-​ewwel seklu, xi wħud mix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma tobba.—Kolossin 4:14.

Madankollu, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jaċċettawx tipi taʼ kura li jmorru kontra l-​prinċipji tal-​Bibbja. Pereżempju, huma ma jaċċettawx trasfużjonijiet tad-​demm minħabba li l-​Bibbja ma tippermettix li wieħed jieħu d-​demm biex isostni ’l-​ġisem. (Ġenesi 9:4; Levitiku 17:1-​14; Atti 15:28, 29) Il-​Kelma t’Alla tipprojbixxi wkoll kura medika jew proċeduri li jinvolvu l-​użu tal-​“qawwa maġika,” jew spiritiżmu.—Isaija 1:13; Galatin 5:19-​21.

Ħafna professjonisti fil-​qasam tal-​kura tas-​saħħa jipprovdu kuri li jsalvaw il-​ħajjiet u li ma jmorrux kontra l-​livelli tal-​Bibbja. Kuri bħal dawn, li ħafna Xhieda jagħżlu li jaċċettaw, spiss ikunu aħjar minn kuri li jmorru kontra l-​ħtiġijiet t’Alla.

M’għandniex xi ngħidu, hemm diversi opinjonijiet rigward kwistjonijiet taʼ saħħa. Dak li jistaʼ jkun tajjeb għal xi ħadd għandu mnejn ma jkunx tajjeb għal xi ħadd ieħor. Għalhekk, individwi li jkunu qegħdin ifittxu xi dijanjosi professjonali eżatta jew kura għal xi marda, għandhom mnejn ikunu jixtiequ jieħdu opinjoni medika oħra.—Proverbji 14:15.

Mhux kull Xhud se jagħmel l-​istess għażliet mediċi. Sakemm ma tinkiser l-​ebda liġi tal-​Bibbja, il-​Kelma t’Alla tippermetti lil kull Kristjan jieħu deċiżjoni skont il-​kuxjenza tiegħu. (Rumani 14:2-​4) Għalhekk, kull individwu għandu jinvestiga kwalunkwe kura li tiġi proposta lilu u jagħmel ċert li din ma tmurx kontra l-​kuxjenza tiegħu li tkun imħarrġa minn fuq il-​Bibbja.—Galatin 6:5; Ebrej 5:14.

Xhud se jħares lejn kull deċiżjoni li jieħu bħallikieku kien sewwieq li qed joqrob lejn salib it-​toroq li jkun traffikuż. Li kieku hu jibqaʼ għaddej f’salib it-​toroq b’veloċità wara l-​karozzi taʼ quddiemu jikkaġuna ħsara kbira. Sewwieq għaqli jnaqqas il-​veloċità u jara kemm hemm traffiku qabel ma jkompli jsuq. Bl-​istess mod, ix-​Xhieda ma jgħaġġlux biex jieħdu deċiżjonijiet mediċi, u lanqas ma joqogħdu b’għajnejhom magħluqin fuq l-​opinjoni taʼ ħafna min-​nies. Minflok, qabel ma jieħdu xi deċiżjoni, huma jiżnu l-​għażliet li jkollhom quddiemhom u jeżaminaw il-​prinċipji Bibliċi.

Ċertament li x-​Xhieda taʼ Ġeħova japprezzaw ix-​xogħol iebes u d-​dedikazzjoni taʼ dawk li jipprovdu kura medika. Huma grati wkoll għas-​serħan mill-​mard li jipprovdu dawn l-​individwi.