Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Taʼ Min Jagħmel Sforz!

Taʼ Min Jagħmel Sforz!

IL-​QIMA TAL-​FAMILJA u l-​istudju tal-​Bibbja huma essenzjali sabiex trabbi lit-​tfal “fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Iżda jekk int ġenitur taf li t-​tfal malajr jiddejqu. Kif tistaʼ tgħinhom joqogħdu attenti? Ikkunsidra x’għamlu xi ġenituri.

“Meta t-​tfal kienu iżgħar,” jgħid George, li jgħix Kalifornja, l-​Istati Uniti, “jien u marti konna nipprovaw inżommu l-​istudju tal-​Bibbja tal-​familja interessanti. Xi drabi lkoll kemm aħna konna nilbsu kostumi taʼ karattri Bibliċi u nirreċtaw xi rakkont aħna u naqraw mill-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja. Konna saħansitra nagħmlu oġġetti bħal xwabel, xettri, basktijiet, u affarijiet bħal dawn. Ukoll, konna nipprovaw naqtgħu l-​identità taʼ xi karattru Bibliku. Ivvintajna logħba b’mistoqsijiet li ftit minnhom kienu faċli u oħrajn iktar diffiċli. Konna nagħmlu proġetti bħal, pereżempju, nibnu mudell tal-​arka taʼ Noè, jew noħolqu kronoloġija taʼ ġrajjiet Bibliċi. Kultant konna nużaw il-​ħin biex inpinġu karattri jew stejjer mill-​Bibbja. Bħalissa qed nippjanaw proġett taʼ tpinġija tal-​armatura spiritwali deskritta f’Efesin 6:11-​17, li fih kull wieħed minna jispjega x’tirrappreżenta kull biċċa mill-​armatura. Dawn il-​metodi għenuna nieħdu pjaċir bl-​istudju tal-​familja tagħna.”

Debi, omm minn Michigan, l-​Istati Uniti, tgħid: “Meta t-​tifla tagħna kellha madwar tliet snin, jien u żewġi konna nsibuha diffiċli biex inġegħluha toqgħod attenta. Imbagħad, darba fost l-​oħrajn, waqt li konna qed naqraw l-​istorja taʼ Iżakk u Rebekka mill-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja, qbadt żewġ pupi u bdejt nużahom bħala pupazzi biex nirreċta l-​istorja. Imbagħad bdiet toqgħod attenta ferm għal kull kelma! Fix-​xhur taʼ wara, dawn iż-​żewġ pupi rrappreżentaw ħafna karattri Bibliċi differenti. Wara li nkunu qrajna xi rakkont, it-​tifla tagħna kienet tfittex mad-​dar kollha xi ġugarelli jew affarijiet oħrajn li setgħu jintużaw biex tiġi reċtata l-​istorja. Kien bħallikieku tfittxija għal teżor! Kaxxa taż-​żraben u biċċa żigarella ħamra kienu taparsi d-​dar taʼ Raħab b’qafla tal-​iskarlat. Serp taċ-​ċarruta twil metru u nofs u mdawwar maʼ lasta taʼ xkupa kien iservi bħala s-​serp tar-​ram aħmar li jissemma f’Numri 21:4-​9. Konna nżommu dawn l-​oġġetti f’basket kbir tal-​kanvas. Konna nitgħaxxqu naraw lit-​tifla tagħna li spiss kienet toqgħod bilqiegħda fis-​salott tqalleb fil-​‘basket tal-​istejjer tal-​Bibbja.’ Kemm konna nieħdu pjaċir narawha tirreċta l-​istejjer kif taf hi!”

It-​trobbija tat-​tfal mhijiex faċli, u s-​sessjonijiet taʼ kull ġimgħa mhumiex biżżejjed biex tnaqqax fihom ix-​xewqa li jaqdu lil Ġeħova. Imma l-​qima tal-​familja u l-​istudju tal-​Bibbja jistgħu jkunu pedament għal tagħlim spiritwali ieħor. Mela m’hemm l-​ebda dubju li hu taʼ min jagħmel sforz!