Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ikseb l-Approvazzjoni t’Alla li Twassal għall-Ħajja taʼ Dejjem

Ikseb l-Approvazzjoni t’Alla li Twassal għall-Ħajja taʼ Dejjem

“Int tbierek lil kulmin hu ġust, O Ġeħova; bħal b’tarka kbira, int tgħattih bl-​approvazzjoni tiegħek.”—SALM 5:12.

1, 2. Elija x’talabha lill-​armla taʼ Sarefat, u dwar xiex żguraha?

 L-​ARMLA taʼ Sarefat u binha kienu bil-​ġuħ, bħalma kien bil-​ġuħ profeta t’Alla. Hekk kif din l-​armla lestiet biex tqabbad in-​nar ħalli ssajjar, il-​profeta Elija talabha l-​ilma u l-​ħobż. Hi kienet lesta li tagħtih xi ħaġa x’jixrob, imma kulma kellha x’tiekol kien “ponn dqiq fil-​ġarra l-​kbira u ftit żejt fil-​ġarra ż-​żgħira.” Ħasset li ma kellhiex biżżejjed ikel x’tagħti lill-​profeta, u hi għarrfitu b’dan.—1 Slat. 17:8-​12.

2 “Agħmel ftira żgħira għalija minn dak li hemm,” ippersista Elija, “u ġibhieli hawn barra, u mbagħad wara tistaʼ tagħmel xi ħaġa għalik u għal ibnek. Għax hekk qal Ġeħova l-​Alla taʼ Israel, ‘Il-​ġarra l-​kbira tad-​dqiq ma tinħeliex, u l-​ġarra ż-​żgħira taż-​żejt ma tispiċċax.’”—1 Slat. 17:13, 14.

3. Liema deċiżjoni importanti għandna quddiemna?

3 L-​armla kellha tieħu deċiżjoni ferm iktar importanti milli sempliċement tiddeċiedi li taqsam l-​ammont żgħir t’ikel li kellha. Kienet hi se tkun fiduċjuża li Ġeħova se jsalva kemm lilha u kemm lil binha, jew kienet se tpoġġi l-​bżonnijiet materjali tagħha qabel l-​approvazzjoni u l-​ħbiberija m’Alla? Ilkoll kemm aħna ffaċċjati bʼmistoqsija simili. Se nkunu aħna iktar konċernati dwar li niksbu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova milli dwar li nfittxu sigurtà materjali? Għandna għal xiex nafdaw f’Alla u naqduh. U hemm passi li nistgħu nieħdu sabiex infittxu u niksbu l-​approvazzjoni tiegħu.

‘Int Jistħoqqlok li Tirċievi l-​Qima’

4. Ġeħova għala jistħoqqlu li jirċievi l-​qima tagħna?

4 Ġeħova għandu d-​dritt jistenna li n-​nies jaqduh b’mod aċċettabbli. Grupp mill-​qaddejja tiegħu fis-​sema kkonfermaw dan il-​fatt billi għalenija qalu: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” (Riv. 4:11) Peress li hu l-​Ħallieq, Ġeħova jistħoqqlu l-​qima tagħna.

5. L-​imħabba t’Alla għala għandha tqanqalna biex naqduh?

5 Raġuni oħra għala għandna naqdu lil Ġeħova hi l-​imħabba li ma bħalha li għandu għalina. Il-​Bibbja tgħid: “Alla ħalaq il-​bniedem fix-​xbieha tiegħu, fix-​xbieha t’Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom.” (Ġen. 1:27) Il-​bniedem għandu l-​libertà tal-​għażla u l-​abbiltà mogħtija minn Alla li jaħseb u li jieħu deċiżjonijiet. Peress li tana l-​ħajja, Ġeħova sar Missier il-​bnedmin kollha. (Lq. 3:38) Bħal kull missier tajjeb, hu għamel minn kollox biex jipprovdi dak li jeħtieġu wliedu sabiex igawdu l-​ħajja. “Hu jtellaʼ x-​xemx tiegħu” u “jniżżel ix-​xita,” biex b’hekk il-​pjaneta Art tipproduċi abbundanza t’ikel f’ambjent mill-​isbaħ.—Mt. 5:45.

6, 7. (a) Adam liema ħsara ġab fuq id-​dixxendenti kollha tiegħu? (b) Is-​sagrifiċċju taʼ Kristu x’se jagħmel għal dawk li jfittxu l-​approvazzjoni t’Alla?

6 Ukoll, Ġeħova ħelisna mill-​konsegwenzi terribbli tad-​dnub. Peress li dineb, Adam sar bħal wieħed li jilgħab il-​flus u li biex jilgħab logħob tal-​ażżard jisraq minn ħalq il-​familja tiegħu. Permezz tar-​ribelljoni tiegħu kontra Ġeħova, Adam, lil uliedu serqilhom il-​prospett li kellhom, jiġifieri, l-​hena taʼ dejjem. L-​egoiżmu tiegħu wassal lill-​umanità għall-​imperfezzjoni. Huwa għalhekk li n-​nies jimirdu, jesperjenzaw niket, u eventwalment imutu. Sabiex jinħeles ilsir jinħtieġ ħlas, u Ġeħova pprovda ħlas li jistaʼ jsalvana mill-​konsegwenzi koroh. (Aqra Rumani 5:21.) Billi aġixxa fi qbil mar-​rieda taʼ Missieru, Ġesù Kristu ta “ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mt. 20:28) Dalwaqt, dawk li jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla se jirċievu l-​benefiċċji kollha li jiġu mill-​ħlas permezz tal-​fidwa.

7 Il-​Ħallieq tagħna, Ġeħova, għamel iktar minn kulħadd biex aħna jkollna ħajja ferħana u bi skop. Jekk ikollna l-​approvazzjoni tiegħu se nkunu nistgħu naraw x’se jagħmel biex ireġġaʼ lura l-​ħsara kollha li ġarrbet l-​umanità. B’mod persunali, Ġeħova se jkompli jurina kif hu se jsir il-​Wieħed “li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.”—Ebr. 11:6.

“Niesek Se Joffru Lilhom Infushom Minn Rajhom”

8. L-​esperjenza taʼ Isaija x’tgħallimna dwar li naqdu lil Alla?

8 Li niksbu l-​approvazzjoni t’Alla jinvolvi li neżerċitaw sew il-​libertà tal-​għażla li għandna. Dan għaliex Ġeħova ma jisforza lil ħadd biex jaqdih. Fi żmien Isaija, Hu staqsa: “Lil min se nibgħat, u min se jmurilna?” Ġeħova rrispetta lill-​profeta billi rrikonoxxa li hu kellu d-​dritt li jiddeċiedi. Immaġina s-​sodisfazzjon taʼ Isaija meta wieġeb: “Hawn jien! Ibgħat lili.”—Is. 6:8.

9, 10. (a) B’liema attitudni għandna naqdu lil Alla? (b) Għala hu xieraq li naqdu lil Ġeħova b’ruħna kollha?

9 Il-​bnedmin għandhom il-​libertà li jiddeċiedu jekk iridux jaqdu lil Alla jew le. Ġeħova jridna naqduh minn jeddna. (Aqra Ġożwè 24:15.) Kull min jaqdi lil Alla kontra qalbu ma jistax jogħġbu. Hu lanqas ma jaċċetta d-​devozzjoni taʼ dawk li l-​iskop veru tagħhom hu biss li jagħmlu kollox għal għajn in-​nies. (Kol. 3:22) Jekk ‘noqogħdu naħsbuha’ biex nagħtu servizz sagru, billi nħallu l-​interessi tad-​dinja jfixklu l-​qima tagħna, m’aħniex se niksbu l-​approvazzjoni t’Alla. (Eżo. 22:29) Ġeħova jaf li jkun taʼ ġid għalina li naqduh b’ruħna kollha. Mosè ħeġġeġ lill-​Iżraelin biex jagħżlu l-​ħajja ‘billi jħobbu lil Ġeħova Alla tagħhom, billi jisimgħu minn leħnu, u billi jintrabtu miegħu.’—Dt. 30:19, 20.

10 Is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem kantalu hekk lil Ġeħova: “Niesek se joffru lilhom infushom minn rajhom f’jum il-​qawwa militari tiegħek. Imżejjen bil-​qdusija, minn ġuf iż-​żerniq, int għandek truppi taʼ żgħażagħ bħall-​qtar tan-​nida.” (Salm 110:3) Ħafna nies illum jgħixu biex jakkwistaw sigurtà finanzjarja u biex jiddevertu. Madankollu, għal dawk li jħobbu lil Ġeħova, is-​servizz sagru tagħhom jiġi qabel kull ħaġa oħra. Iż-​żelu li bih jippritkaw l-​aħbar tajba juri liema prijoritajiet għandhom f’ħajjithom. Huma fiduċjużi bis-​sħiħ li Ġeħova għandu l-​abbiltà li jipprovdilhom il-​bżonnijiet taʼ kuljum.—Mt. 6:33, 34.

Sagrifiċċji li Japprova Alla

11. L-​Iżraelin liema benefiċċji ttamaw li jirċievu peress li kienu joffru sagrifiċċji lil Ġeħova?

11 Taħt il-​patt tal-​Liġi, in-​nies t’Alla kienu joffru sagrifiċċji aċċettabbli lil Ġeħova sabiex jiksbu l-​approvazzjoni tiegħu. Levitiku 19:5 jgħid: “Jekk is-​sagrifiċċju li toffru lil Ġeħova jkun sagrifiċċju taʼ sħubija, għandkom toffruh bħala sagrifiċċju biex tiksbu l-​approvazzjoni għalikom.” Fl-​istess ktieb tal-​Bibbja naqraw: “Jekk toffru sagrifiċċju taʼ radd il-​ħajr lil Ġeħova, għandkom toffruh biex tiksbu l-​approvazzjoni għalikom.” (Lev. 22:29) Meta l-​Iżraelin kienu joffru sagrifiċċji xierqa taʼ annimali fuq l-​artal taʼ Ġeħova, id-​duħħan li jitlaʼ kien ikun bħal “riħa pjaċevoli” lil Alla l-​veru. (Lev. 1:9, 13) Dawn l-​espressjonijiet taʼ mħabba mill-​poplu tiegħu kienu jogħġbuh u kien jaċċettahom. (Ġen. 8:21) F’dawn l-​aspetti tal-​Liġi nsibu prinċipju li japplika għall-​ġurnata tal-​lum. Dawk li joffru sagrifiċċji aċċettabbli lil Ġeħova jirċievu l-​approvazzjoni tiegħu. Hu liema sagrifiċċji jaċċetta? Ikkunsidra żewġ aspetti fil-​ħajja: il-​kondotta tagħna u kliemna.

12. Liema prattiki jagħmlu l-​offerta taʼ ‘ġisimna bħala sagrifiċċju’ offensiva għal Alla?

12 Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, l-​appostlu Pawlu kiteb: ‘Ippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-​qawwa tar-​raġuni tagħkom.’ (Rum. 12:1) Sabiex individwu jikseb l-​approvazzjoni t’Alla jeħtieġ iżomm ġismu aċċettabbli għal Alla. Li kieku kellu jniġġes lilu nnifsu bit-​tabakk, bil-​betel nut, bid-​drogi illegali, jew bl-​abbuż tal-​alkoħol, din l-​offerta ma tkun tiswa għal xejn. (2 Kor. 7:1) Iktar minn hekk, ladarba l-​individwu li “jipprattika ż-​żína qed jidneb kontra ġismu stess,” kull xorta taʼ kondotta immorali tagħmel is-​sagrifiċċju tiegħu offensiv għal Ġeħova. (1 Kor. 6:18) Sabiex individwu jogħġob lil Alla, irid isir ‘qaddis fil-​kondotta kollha tiegħu.’—1 Pt. 1:14-​16.

13. Għala huwa xieraq li nfaħħru lil Ġeħova?

13 Sagrifiċċju ieħor li Ġeħova jitgħaxxaq bih għandu x’jaqsam maʼ kliemna. Dawk li jħobbu lil Ġeħova dejjem tkellmu tajjeb dwaru kemm fil-​pubbliku u kemm fil-​privatezza taʼ darhom. (Aqra Salm 34:1-​3.) Aqra Salm 148–150, u osserva kemm-​il darba dawn it-​tliet salmi jinkuraġġuna biex infaħħru lil Ġeħova. Tassew “jixraq li r-​retti jagħtu tifħir.” (Salm 33:1) U x-​Xempju tagħna, Ġesù Kristu, saħaq dwar l-​importanza li nfaħħru lil Alla billi nippritkaw l-​aħbar tajba.—Lq. 4:18, 43, 44.

14, 15. Ħosea liema tip taʼ sagrifiċċji ħeġġeġ lill-​Iżraelin biex joffru, u Ġeħova kif kien jirreaġixxi għal dan?

14 Meta nippritkaw biż-​żelu nagħtu evidenza tal-​imħabba li għandna għal Ġeħova u tax-​xewqa li jkollna l-​approvazzjoni tiegħu. Pereżempju, ikkunsidra kif il-​profeta Ħosea ħeġġeġ lill-​Iżraelin li kienu bdew jieħdu sehem f’qima falza u tilfu l-​approvazzjoni t’Alla. (Ħos. 13:1-​3) Ħosea qalilhom biex jitolbu bil-​ħniena: “Jalla [int Ġeħova] taħfer l-​iżball; u aċċetta t-​tajjeb, u aħna se noffru bi tpattija l-​frott taʼ xofftejna, iva, il-​barrin żgħar tat-​tifħir.”—Ħos. 14:1, 2.

15 Il-​barri kien l-​iktar annimal li jiswa flus li Iżraeli setaʼ joffri lil Ġeħova. Għalhekk, “il-​frott taʼ xofftejna, . . . il-​barrin żgħar tat-​tifħir” kien jirreferi għall-​kliem sinċier u maħsub sew li jingħad biex l-​Alla l-​veru jingħata tifħir. Ġeħova kif kien jirreaġixxi lejn dawk li kienu jagħmlu dawn is-​sagrifiċċji? Hu qal: “Se nħobbhom minn jeddi.” (Ħos. 14:4) Lil dawk li kienu joffru sagrifiċċji taʼ tifħir bħal dawn, Ġeħova kien jagħtihom il-​maħfra, l-​approvazzjoni, u l-​ħbiberija tiegħu.

16, 17. Meta l-​fidi f’Alla tqanqal lil xi individwu jipprietka l-​aħbar tajba, Ġeħova kif jilqaʼ t-​tifħir tiegħu?

16 It-​tifħir lil Ġeħova fil-​pubbliku minn dejjem kien parti prominenti mill-​qima vera. It-​tifħir lil Alla l-​veru kien ifisser ħafna għas-​salmista li talab bil-​ħrara lil Alla: “Jekk jogħġbok, ħu gost bl-​offerti volontarji taʼ fommi, O Ġeħova.” (Salm 119:108) Xi ngħidu għal-​lum? Meta tkellem dwar folla kbira taʼ nies fi żmienna, Isaija pprofetizza: “Iħabbru t-​tifħir taʼ Ġeħova. . . . Se jiġu fuq l-​artal tiegħi [t’Alla] u [l-​għotjiet tagħhom] ikunu approvati.” (Is. 60:6, 7) Bi twettiq taʼ dan, miljuni taʼ nies qegħdin joffru “sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-​frott tax-​xofftejn li jistqarru ismu pubblikament.”—Ebr. 13:15.

17 Xi ngħidu għalik? Qiegħed int toffri lil Alla sagrifiċċji aċċettabbli? Jekk le, se tagħmel int il-​bidliet meħtieġa u tibda tfaħħar lil Ġeħova pubblikament? Meta l-​fidi tqanqlek biex tibda tipprietka l-​aħbar tajba, l-​offerta tiegħek ‘lil Ġeħova se togħġbu iktar minn barri.’ (Aqra Salm 69:30, 31.) Ibqaʼ ċert li “r-​riħa pjaċevoli” tas-​sagrifiċċju taʼ tifħir li toffri int se tasal għand Ġeħova u hu se jagħtik l-​approvazzjoni tiegħu. (Eżek. 20:41) Imbagħad, il-​ferħ li se tħoss ikun wieħed li ma jitqabbel maʼ xejn.

‘Ġeħova Jbierek lil Kulmin Hu Ġust’

18, 19. (a) Illum, ħafna nies kif iħossuhom dwar li jaqdu lil Alla? (b) It-​telfien tal-​approvazzjoni t’Alla għal xiex iwassal?

18 Illum il-​ġurnata, ħafna nies jaslu għall-​istess konklużjoni li waslu għaliha n-​nies fi żmien Malakija. Huma rraġunaw: “Għalxejn taqdi ’l Alla; u xi swielna li ħarisna l-​liġi tiegħu?” (Mal. 3:14, Karm Żammit) Imħajrin minn xewqat materjalistiċi, huma jqisu l-​iskop t’Alla bħala li hu impossibbli u l-​liġijiet tiegħu bħala li huma antikwati. Għalihom, l-​ippritkar tal-​aħbar tajba hu ħela taʼ ħin u jġegħelhom iħossuhom irritati.

19 Attitudnijiet bħal dawn oriġinaw fil-​ġnien tal-​Għeden. Kien Satana li kkonvinċa lil Eva biex tinjora l-​valur veru tal-​ħajja meraviljuża li Ġeħova kien taha u biex tistmerr l-​approvazzjoni Tiegħu. Illum il-​ġurnata, Satana kontinwament jipprova jipperswadi lin-​nies biex jemmnu li mhuma se jiggwadanjaw xejn jekk jagħmlu r-​rieda t’Alla. Madankollu, Eva u żewġha malajr indunaw li t-​telfien tal-​approvazzjoni t’Alla kien ifisser it-​telfien taʼ ħajjithom. Dawk li llum isegwu l-​eżempju ħażin tagħhom dalwaqt jirrealizzaw li se jiffaċċjaw l-​istess realtà kiefra.—Ġen. 3:1-​7, 17-​19.

20, 21. (a) L-​armla taʼ Sarefat x’għamlet, u x’kien ir-​riżultat? (b) Kif u għala għandna nimitaw lill-​armla taʼ Sarefat?

20 Ara d-​differenza bejn it-​tmiem taʼ niket li sofrew Adam u Eva u r-​riżultat tal-​ġrajjiet li ssemmew qabel taʼ Elija u l-​armla taʼ Sarefat. Wara li semgħet il-​kliem inkuraġġanti taʼ Elija, il-​mara bdiet taħmi u l-​ewwel m’għamlet kien li tat lill-​profeta biċċa ħobż. Imbagħad, Ġeħova wettaq il-​wegħda li għamel permezz taʼ Elija. Ir-​rakkont jgħid: “Baqgħet tiekol, hi flimkien miegħu u taʼ darha, għal bosta jiem. U l-​ġarra l-​kbira tad-​dqiq ma nħlietx, u l-​ġarra ż-​żgħira taż-​żejt ma spiċċatx, skond il-​kelma li Ġeħova qal permezz t’Elija.”—1 Slat. 17:15, 16.

21 L-​armla taʼ Sarefat għamlet xi ħaġa li ftit mill-​biljuni taʼ nies fuq l-​art illum huma lesti li jagħmluha. Hi poġġiet il-​fiduċja kollha tagħha f’Alla tas-​salvazzjoni, u hu ma ħallihiex bħall-​erbgħa fost il-​ġimgħa. Dan ir-​rakkont, flimkien maʼ rakkonti oħrajn mill-​Bibbja, jikkonferma li Ġeħova jistħoqqlu l-​fiduċja tagħna. (Aqra Ġożwè 21:43-​45; 23:14.) Il-​ħajjiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova taʼ żmienna jagħtu iktar prova li hu qatt mhu se jabbanduna lil dawk li għandhom l-​approvazzjoni tiegħu.—Salm 34:6, 7, 17-​19. a

22. Għala hu urġenti li nfittxu l-​approvazzjoni t’Alla bla dewmien?

22 Dalwaqt jasal jum il-​ġudizzju t’Alla “fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-​art kollha.” (Lq. 21:34, 35) Ħadd ma jistaʼ jaħarbu. L-​ebda għana jew lussu materjali ma qatt jistaʼ jkun taʼ valur daqs li nisimgħu lill-​Imħallef maħtur t’Alla jgħid: “Ejjew intom, imberkin minn Missieri, irtu s-​saltna mħejjija għalikom.” (Mt. 25:34) Tabilħaqq, ‘Ġeħova jbierek lil kulmin hu ġust; bħal b’tarka kbira, jgħattihom bl-​approvazzjoni tiegħu.’ (Salm 5:12) M’għandniex aħna nfittxu l-​approvazzjoni t’Alla?

[Nota taʼ taħt]

a Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Marzu, 2005, paġna 13, paragrafu 15; It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Awwissu, 1997, paġni 20-​25.

Tiftakar Int?

• Ġeħova għala jistħoqqlu l-​qima tagħna mill-​qalb?

• Liema sagrifiċċji jaċċetta Ġeħova llum?

• L-​espressjoni “l-​frott taʼ xofftejna, . . . il-​barrin żgħar tat-​tifħir” għal xiex tirreferi, u għala għandna noffruh lil Ġeħova?

• Għala għandna nfittxu l-​approvazzjoni t’Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Il-​profeta t’Alla poġġa liema kwistjoni importanti quddiem omm fil-​bżonn?

[Stampa f’paġna 15]

Liema benefiċċju nirċievu billi noffru sagrifiċċju taʼ tifħir lil Ġeħova?

[Stampa f’paġna 17]

Il-​fiduċja ġenwina tiegħek f’Ġeħova qatt mhi se twassal għal diżappunt