“Li Tobdi Hu Aħjar Minn Xi Sagrifiċċju”
L-EWWEL sultan taʼ Iżrael tal-qedem kien Sawl. Għalkemm kien magħżul mill-Alla l-veru, Sawl eventwalment sar diżubbidjent.
Sawl liema affarijiet ħżiena għamel? Setaʼ hu jevitahom? Kif nistgħu nibbenefikaw meta nikkunsidraw l-eżempju tiegħu?
Ġeħova Jgħarraf Liema Sultan Għażel
Qabel ma Sawl sar sultan, il-profeta Samwel kien qed jaqdi bħala r-rappreżentant t’Alla f’Iżrael. Issa Samwel kien imdaħħal fiż-żmien, u wliedu subien ma kinux leali. Fl-istess ħin, il-ġens kien qed jiġi mhedded mill-għedewwa tiegħu. Meta l-irġiel ixjeħ taʼ Iżrael talbu lil Samwel jaħtrilhom sultan li setaʼ jwettaq ġudizzju fuqhom u jmexxihom fil-battalji, Ġeħova dderieġa lill-profeta biex jidlek lil Sawl bħala mexxej u qal: “Hu jsalva lill-poplu tiegħi minn id il-Filistin.”—1 Sam. 8:4-7, 20; 9:16.
Sawl kien “żagħżugħ u sabiħ.” Iżda Sawl kellu karatteristiki oħrajn minbarra d-dehra sabiħa tiegħu. Hu kien ukoll umli. Pereżempju, Sawl staqsa lil Samwel: “M’iniex jien Benjamini minn wieħed mill-iżgħar tribujiet taʼ Israel, u m’hijiex il-familja tiegħi l-iktar insinifikanti mill-familji kollha tat-tribù taʼ Benjamin? Għalhekk, għala għedtli ħaġa bħal din?” Sawl kien modest fil-mod kif kien iħares lejh innifsu u lejn il-familja tiegħu, avolja missieru, Kis, kien “għani ħafna.”—1 Sam. 9:1, 2, 21.
Ikkunsidra wkoll it-tweġiba taʼ Sawl meta Samwel għarraf pubblikament liema sultan kien għażel Ġeħova għal Iżrael. Samwel l-ewwel dilek lil Sawl privatament u qallu: “Agħmel dak li jkun possibbli għal idejk, għaliex l-Alla l-veru jkun miegħek.” Imbagħad, wara dan, il-profeta ġabar lin-nies flimkien biex jgħarrafhom pubblikament dwar l-għażla taʼ Ġeħova. Iżda meta ġie identifikat Sawl, dan ma setax jinstab. Sawl kien mistoħbi għax kien qed jistħi. Ġeħova indika fejn kien jinstab, u Sawl ġie proklamat sultan.—1 Sam. 10:7, 20-24.
Fil-Kamp tal-Battalja
Sawl malajr wera kemm kienu żbaljati dawk kollha li forsi kellhom xi dubju dwar il-kwalifiki tiegħu. Meta l-Għammonin heddu belt f’Iżrael, “l-ispirtu t’Alla beda jaħdem fuq Sawl.” B’awtorità, hu ġabar il-gwerriera 1 Sam. 11:1-13.
tal-ġens, organizzahom, u wassalhom għar-rebħa. Iżda Sawl ta l-krettu tar-rebħa lil Alla billi qal: “Illum Ġeħova wettaq is-salvazzjoni f’Israel.”—Sawl kellu kwalitajiet tajbin u kellu l-barka t’Alla. Hu rrikonoxxa wkoll il-qawwa taʼ Ġeħova. Madankollu, is-suċċess kontinwu tal-Iżraelin u tas-sultan tagħhom kien jiddependi fuq fattur importanti ħafna. Samwel qal lill-poplu taʼ Iżrael: “Jekk tibżgħu minn Ġeħova u taqduh u tisimgħu minn leħnu, u ma tirribellawx kontra l-ordni taʼ Ġeħova, kemm intom kif ukoll is-sultan li għad isaltan fuqkom turu li intom segwaċi taʼ Ġeħova Alla tagħkom.” Jekk jibqgħu leali lejn Alla, l-Iżraelin minn xiex setgħu jkunu ċerti? Samwel qal: “Ġeħova ma jabbandunax lill-poplu tiegħu minħabba ismu l-kbir, għaliex Ġeħova għoġbu jagħmilkom il-poplu tiegħu.”—1 Sam. 12:14, 22.
L-ubbidjenza kienet l-iktar fattur importanti sabiex tinkiseb l-approvazzjoni t’Alla, u hekk għadha llum. Meta l-qaddejja taʼ Ġeħova jobdu l-kmandi tiegħu, hu jberikhom. Iżda xi ngħidu jekk ma jobdux lil Ġeħova?
Int “Tbellaht”
L-azzjoni li kien imiss min-naħa taʼ Sawl kontra l-Filistin qanqlet reazzjoni qawwija min-naħa tagħhom. Armata kotrana “bħar-ramel li hemm f’xatt il-baħar” qamet kontra Sawl. “L-irġiel taʼ Israel raw li kienu f’sitwazzjoni mwiegħra, għaliex in-nies kienu mrassin mill-għadu; u n-nies marru jistaħbew fl-għerien, fil-ħofor, fl-irdumijiet, fil-kantini, u fil-bjar.” (1 Sam. 13:5, 6) Sawl x’setaʼ jagħmel?
Samwel kien qal lil Sawl biex jiltaqaʼ miegħu f’Gilgal, il-post fejn il-profeta kellu joffri s-sagrifiċċji. Sawl stenna, iżda Samwel wasal tard u l-armata taʼ Sawl kienet qed tinfirex. Għalhekk, Sawl qabad u offra s-sagrifiċċji hu stess. Malli għamel dan, wasal Samwel. Wara li semaʼ b’dak li kien għamel Sawl, Samwel qallu: “Tbellaht. Ma ħaristx il-kmandament li kkmandak Ġeħova Alla tiegħek, għaliex, kieku ħaristu, kieku Ġeħova kien jissoda saltnatek fuq Israel għal żmien indefinit. U issa saltnatek ma tibqax. Ġeħova żgur li jsib għalih raġel għal qalbu; u Ġeħova jinkarigah bħala mexxej fuq il-poplu tiegħu, għaliex int ma ħaristx dak li kkmandak Ġeħova.”—1 Sam. 10:8; 13:8, 13, 14.
Peress li ma weriex fidi, Sawl b’mod prużuntuż għażel li ma jobdix il-kmand t’Alla biex jistenna lil Samwel jiġi ħalli joffri s-sagrifiċċju hu. Kemm kien differenti l-aġir taʼ Sawl minn dak taʼ Gidegħon, li qabel kien kmandant tal-armati Iżraelin! Ġeħova dderieġa lil Gidegħon biex inaqqas l-armata minn 32,000 għal 300, u Gidegħon obda. Għala? Għax hu kellu fidi f’Ġeħova. Bl-għajnuna t’Alla, hu għeleb 135,000 ruħ li kienu qed jinvadu l-art. (Mħ. 7:1-7, 17-22; 8:10) Kieku Ġeħova kien jgħin lil Sawl ukoll. Madankollu, minħabba d-diżubbidjenza taʼ Sawl, il-Filistin għamlu ħerba mill-art taʼ Iżrael.—1 Sam. 13:17, 18.
Meta niffaċċjaw diffikultajiet, kif niħduhom id-deċiżjonijiet? Mill-ħarsa taʼ dawk li m’għandhomx fidi, jistaʼ jidher prattiku li jinjoraw il-prinċipji divini. Fl-assenza taʼ Samwel, Sawl setaʼ ħaseb li dak li għamel kien għaqli. Iżda, għal dawk li huma determinati li jkollhom l-approvazzjoni t’Alla, l-aħjar ħaġa li jagħmlu hi li jsegwu l-prinċipji Skritturali li japplikaw għall-kwistjoni konċernata.
Ġeħova Jiċħad lil Sawl
Matul kampanja kontra l-Għamalekin, Sawl kien ħati taʼ dnub serju ieħor. Alla kien ikkundanna lin-nies taʼ Għamalek minħabba l-attakk, li ma kienx provokat, li għamlu fuq l-Iżraelin wara l-Eżodu mill-Eġittu. (Eżo. 17:8; Dt. 25:17, 18) Iktar minn hekk, l-Għamalekin ngħaqdu m’oħrajn f’attakk kontra l-poplu magħżul t’Alla għal darb’oħra matul iż-żminijiet tal-Imħallfin. (Mħ. 3:12, 13; 6:1-3, 33) Għalhekk, Ġeħova talab kont mill-Għamalekin u kkmanda lil Sawl iwettaq ġudizzju fuqhom.—1 Sam. 15:1-3.
Minflok ma obda l-kmand taʼ Ġeħova biex jeqred lill-Għamalekin ostili u jfarrak kulma kellhom, Sawl qabad lis-sultan tagħhom u żamm l-aħjar annimali li kellhom. X’ġara meta Samwel ikkonfronta lil Sawl f’dan ir-rigward? Sawl ipprova jitfaʼ l-balla fuq ħaddieħor billi qal: “In-nies ġiethom ħasra mill-aħjar nagħaġ u baqar li kien hemm sabiex joffruhom bħala sagrifiċċju lil Ġeħova.” Kemm jekk Sawl tassew kellu l-intenzjoni li jissagrifika l-annimali u kemm jekk le, hu kien diżubbidjent. Sawl ma kienx għadu daqshekk ‘ċkejken f’għajnejh stess.’ Għalhekk, il-profeta t’Alla qal li Sawl ma kienx obda lil Alla. Samwel imbagħad qal: “Jitgħaxxaq Ġeħova bl-offerti tal-ħruq u bis-sagrifiċċji daqskemm jitgħaxxaq b’wieħed li jismaʼ minn leħen Ġeħova? Ara! Li tobdi hu aħjar minn xi sagrifiċċju . . . Ladarba int ċħadt il-kelma taʼ Ġeħova, hu jiċħad lilek milli tkun sultan.”—1 Sam. 15:15, 17, 22, 23.
Meta Ġeħova neħħa l-ispirtu qaddis u l-barka tiegħu minn fuq Sawl, “spirtu ħażin” beda jaħkem lill-ewwel sultan taʼ Iżrael. Sawl beda jissuspetta f’David u jgħir għalih. Iktar tard Ġeħova kien se jaħtar lil David bħala sultan. Sawl ipprova joqtol lil David iktar minn darba. Meta ra li “Ġeħova kien maʼ David,” tgħid il-Bibbja, “Sawl baqaʼ dejjem għadu taʼ David.” Sawl ipprova jfittxu biex joqtlu u saħansitra ordna li jinqatlu 85 qassis u xi oħrajn. Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova abbanduna lil Sawl!—1 Sam. 16:14; 18:11, 25, 28, 29; 19:10, 11; 20:32, 33; 22:16-19.
Meta l-Filistin reġgħu attakkaw lil Iżrael, Sawl dar għall-ispiritiżmu biex jipprova jfittex għajnuna li ma tatx frott. L-għada ġie ferut gravi fil-gwerra u kkommetta suwiċidju. (1 Sam. 28:4-8; 31:3, 4) Rigward l-ewwel sultan diżubbidjent taʼ Iżrael, l-Iskrittura tgħid: “Sawl miet minħabba l-infedeltà tiegħu għaliex aġixxa bla fidi kontra Ġeħova peress li ma żammx il-kelma taʼ Ġeħova u wkoll minħabba li staqsa lil medjum taʼ l-ispirti sabiex jistħarreġ il-mejtin. U ma staqsiex lil Ġeħova.”—1 Kron. 10:13, 14.
L-eżempju ħażin taʼ Sawl b’mod ċar jindika li l-ubbidjenza lejn Ġeħova hi aħjar minn kwalunkwe sagrifiċċju li jistaʼ jiġi offrut lilu. L-appostlu Ġwanni kiteb: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġw. 5:3) Jalla qatt ma ninjoraw din il-verità fundamentali: Ħbiberija dejjiema m’Alla tiddependi mill-ubbidjenza tagħna lejh.
[Stampa f’paġna 21]
Fil-bidu, Sawl kien mexxej umli
[Stampa f’paġna 23]
Samwel għala qal lil Sawl illi “li tobdi hu aħjar minn xi sagrifiċċju”?