Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qatt Tabbanduna lil Sħabek fit-Twemmin

Qatt Tabbanduna lil Sħabek fit-Twemmin

“GĦAL 10 snin konna ipnotizzati bid-​dawl ilellex tad-​dinja tan-​negozju u gawdejna l-​ġid li kellna. Għalkemm trabbejna fil-​verità, konna tbegħedna żżejjed minn Ġeħova u ma kellniex saħħa spiritwali biex niġu lura,” jirrakkontaw Jarosław u martu Beata. a

Ħu ieħor li jismu Marek jiftakar: “Minħabba bidliet soċjali u politiċi fil-​Polonja tlift impjieg wara l-​ieħor. Ħassejtni rrabjat. Kont beżgħan li jkolli l-​kumpanija tiegħi stess għax ma kontx maqtugħ għan-​negozju. Fl-​aħħar tħajjart biex niftaħ kumpanija, bil-​ħsieb li din tistaʼ tgħinni nieħu ħsieb aħjar il-​bżonnijiet materjali taʼ familti mingħajr ma ssofri l-​ispiritwalità tiegħi. Maż-​żmien sibt kemm mort żmerċ.”

F’dinja fejn l-​għoli tal-​ħajja dejjem tielaʼ u l-​qgħad jiżdied b’mod kontinwu, xi wħud isiru ddisprati, u b’hekk jieħdu deċiżjonijiet mhux għaqlin. Numru t’aħwa ddeċidew li jaċċettaw jaħdmu bl-​overtime, li jżidu max-​xogħol li diġà għandhom, jew li jiftħu negozju tagħhom avolja m’għandhomx esperjenza. Huma jaħsbu li bid-​dħul żejjed ikunu jistgħu jgħinu lill-​familja filwaqt li ma jsofrux spiritwalment. Madankollu, ċirkustanzi mhux mistennijin u l-​ekonomija li mhix stabbli jistgħu jħarbtu saħansitra pjanijiet b’intenzjoni tajba. B’hekk, xi wħud waqgħu fin-​nasba tar-​regħba u ħallew il-​ġiri wara l-​materjaliżmu jeffettwa s-​servizz tagħhom lejn Ġeħova.—Ekk. 9:11, 12.

Xi aħwa tant intilfu fil-​ġiri taʼ din id-​dinja li m’għadx għandhom ħin għall-​istudju persunali, għal-​laqgħat, jew għall-​ministeru. Jidher ċar li minħabba li ttraskuraw dawn l-​affarijiet, huma kkaġunaw ħsara lill-​ispiritwalità tagħhom u lir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. Huma għandhom mnejn ukoll jabbandunaw relazzjoni oħra importanti—ir-​rabta tagħhom maʼ dawk ‘li jiġu minnhom fil-​fidi.’ (Gal. 6:10) Xi wħud bil-​mod il-​mod jitbiegħdu mill-​fratellanza Kristjana. Aħseb bis-​serjetà dwar xi jfisser dan.

L-​Obbligu Tagħna Lejn Sħabna fit-​Twemmin

Bħala aħwa għandna ħafna okkażjonijiet li fihom nuru mħabbitna lejn xulxin. (Rum. 13:8) Fil-​kongregazzjoni tiegħek x’aktarx li rajt lil xi wħud ‘magħkusin li jgħajtu għall-​għajnuna.’ (Ġob 29:12) Xi wħud jistgħu ma jkollhomx l-​affarijiet bażiċi tal-​ħajja. L-​appostlu Ġwanni fakkarna fl-​opportunità li hemm f’dil-​ħaġa. “Kulmin għandu biex jgħix f’din id-​dinja u jara lil ħuh fil-​bżonn u ma jkunx irid juri ħniena miegħu, kif tistaʼ tibqaʼ fih l-​imħabba t’Alla?”—1 Ġw. 3:17.

Int stajt urejt imħabbtek meta nqalgħu bżonnijiet bħal dawn u kont ġeneruż f’li tgħin lil oħrajn. Biss, l-​interess tagħna f’ħutna mhux limitat għal għajnuna materjali. Hemm min jgħajjat għall-​għajnuna għax iħossu waħdu jew skuraġġit. Dawn l-​uħud għandhom mnejn ma jħossuhomx denji li jaqdu lil Ġeħova, jistaʼ jkun li qed ibatu b’xi marda serja, jew tilfu lil xi ħadd għażiż fil-​mewt. Mod wieħed li bih nistgħu ninkuraġġuhom hu billi nagħtuhom widen u nitkellmu magħhom, u b’hekk inkunu sensittivi għall-​bżonnijiet emozzjonali u spiritwali tagħhom. (1 Tess. 5:14) Spiss, dan ikompli jgħaqqad ir-​rabta taʼ mħabba maʼ ħutna.

Rgħajja spiritwali jistgħu speċjalment ikunu lesti li jisimgħu b’empatija, juru li jifhmu, u jipprovdu pariri Skritturali bi mħabba. (Atti 20:28) B’dan il-​mod, l-​indokraturi jimitaw lill-​appostlu Pawlu, li kellu “affezzjoni tenera” għal ħutu spiritwali.—1 Tess. 2:7, 8.

Madankollu, jekk Kristjan jitbiegħed mill-​merħla x’se jiġri mill-​obbligu tiegħu lejn sħabu fit-​twemmin? Anki l-​indokraturi jistgħu jaqgħu fit-​tentazzjoni taʼ li jiġru wara miri materjalistiċi. Xi ngħidu kieku Kristjan kellu jċedi għal tentazzjoni bħal din?

Imtaqqlin bl-​Ansjetajiet tal-​Ħajja

Bħalma rajna, li naħdmu iebes biex nipprovdu għall-​bżonnijiet fiżiċi bażiċi tal-​familja tagħna spiss iġib ansjetajiet u jistaʼ jdgħajjef il-​ħarsa tagħna lejn valuri spiritwali. (Mt. 13:22) Marek, li semmejnieh iktar kmieni, jispjega: “Meta n-​negozju tiegħi falla ddeċidejt li nsib impjieg b’paga tajba barra minn pajjiżi. Tlaqt għal tliet xhur biss, imbagħad għal tliet xhur oħra, u bqajt sejjer hekk, u sadattant kont immur għal ftit żmien id-​dar. Marti, li ma kinitx temmen bħali, batiet b’mod emozzjonali minħabba dan.”

Ma kinitx biss il-​ħajja tal-​familja li batiet. “Flimkien maʼ sigħat twal fuq ix-​xogħol fi sħana tremenda,” ikompli jgħid Marek, “kont inkun maʼ nies psataż li kienu jipprovaw jieħdu vantaġġ minn ħaddieħor. Kienu jaġixxu bħal nies taʼ qattagħni. Ħassejtni dipress u dominat. Billi lanqas biss kelli ħin biex nieħu ħsieb tiegħi nnifsi, bdejt niddubita jekk kontx għadni nistaʼ naqdi lil oħrajn.”

Il-​konsegwenzi taʼ niket tad-​deċiżjoni li ħa Marek għandhom iqanqluna biex nieqfu u naħsbu. Anki jekk jidher li billi nsiefru biex insibu impjieg se nsolvu d-​diffikultajiet finanzjarji, ma joħloqx dan problemi oħrajn? Pereżempju, x’jiġri mir-​relazzjoni tal-​familja tagħna maʼ Ġeħova u minn kif iħossuhom emozzjonalment? Twassal manuvra bħal din biex ninqatgħu minn mal-​kongregazzjoni? Ma ċċaħħadniex din mill-​privileġġ taʼ li naqdu lil sħabna fit-​twemmin?—1 Tim. 3:2-​5.

Iżda, bħalma forsi tirrealizza, wieħed m’għandux għalfejn jaħdem barra minn pajjiżu biex ikun medhi ħafna bix-​xogħol sekulari. Ftakar f’Jarosław u Beata. Hu jgħid: “Kollox beda bla ħsieb taʼ xejn. Bħala miżżewġin ġodda ftaħna gabbana żgħira tal-​hot-​dogs f’post adattat. Qligħ sostanzjali inkuraġġiena nkabbru n-​negozju tagħna. Imma kellna ftit ħin, u b’hekk tlifna l-​laqgħat Kristjani. F’kemm ilna ngħidu, waqaft milli naqdi bħala pijunier u qaddej ministerjali. L-​eċċitament minħabba l-​qligħ li kien qed ikollna inkuraġġiena niftħu ħanut kbir, u mbagħad dħalna bi sħab maʼ xi ħadd li ma kienx tal-​istess twemmin. F’qasir żmien kont qed insiefer biex niffirma kuntratti taʼ xogħol li kienu jiswew miljuni taʼ dollari. Rari kont issibni d-​dar u r-​rabta tal-​familja li kelli maʼ marti u binti bdiet tinħall. Fl-​aħħar, in-​negozju li kien qed jirnexxi benninna f’raqda spiritwali. Maqtugħin mill-​kongregazzjoni, lanqas ħsieb fuq ħutna m’għaddielna minn moħħna.”

X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan? Ix-​xewqa biex Kristjan joħloq il-​“ġenna tal-​art” tiegħu stess tistaʼ twassal biex ikun sodisfatt bih innifsu—saħansitra anki bit-​telfa taʼ ‘ħwejġu,’ l-​identità Kristjana tiegħu. (Riv. 16:15) Dan jistaʼ jaqtagħna minn maʼ ħutna, dawk li qabel stajna ngħinu.

Agħmel Eżami Onest

Jistaʼ jkollna t-​tendenza li ngħidu: ‘Jien mhux se jiġrili hekk.’ Madankollu, nagħmlu tajjeb li naħsbu bis-​serjetà kemm affarijiet huma tassew neċessarji għall-​ħajja. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ma ġibna xejn magħna fid-​dinja, u ma nistgħu nieħdu xejn. Għalhekk, la għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-​affarijiet.” (1 Tim. 6:7, 8) Ngħiduha kif inhi, il-​livell tal-​għajxien ivarja minn pajjiż għal ieħor. Dak meqjus bħala li hu bilkemm biex tgħaddi bih f’pajjiż żviluppat jistaʼ jitqies bħala lussu f’ħafna iktar pajjiżi.

Hu x’inhu l-​livell tal-​ħajja fejn ngħixu, iżen il-​kliem li mbagħad qal Pawlu: “Dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni u f’nassa u f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-​ħsara u li jixħtu lill-​bnedmin f’qerda u f’rovina.” (1 Tim. 6:9) Nassa tkun moħbija mill-​priża. Tintgħamel biex taqbad il-​vittma b’sorpriża. Kif nistgħu nevitaw li ninqabdu b’‘xewqat li jwasslu għall-​ħsara’?

Il-​fatt li nistabbilixxu l-​prijoritajiet jistaʼ jqanqalna nsibu iżjed ħin għall-​interessi tas-​Saltna, inkluż l-​istudju persunali. Studju bit-​talb bħal dan jistaʼ jgħin Kristjan isir “kapaċi għalkollox, armat bis-​sħiħ” biex jgħin lil oħrajn.—2 Tim. 2:15; 3:17.

Matul il-​ftit snin li għaddew wara, l-​anzjani bi mħabba ħadmu biex isaħħu u jinkuraġġixxu lil Jarosław. Hu tqanqal biex jagħmel bidliet drastiċi. Hu jgħid: “F’konversazzjoni importanti minnhom, l-​anzjani kkwotaw l-​eżempju Skritturali taʼ żagħżugħ għani li ried jgħix għal dejjem imma li ma kienx lest li jitlaq l-​affarijiet materjali. Imbagħad, bit-​tattika staqsew jekk din l-​informazzjoni tistax tapplika għalija. Dan veru fetaħli għajnejja!”—Prov. 11:28; Mk. 10:17-​22.

Jarosław qies onestament is-​sitwazzjoni tiegħu u ddeċieda li ma jinvolvix ruħu iktar f’negozju kbir. Fi żmien sentejn, hu u l-​familja tiegħu reġgħu akkwistaw is-​saħħa spiritwali tagħhom. Hu issa qed jaqdi lil ħutu bħala anzjan. Jarosław jgħid: “Meta l-​aħwa jinvolvu ruħhom fin-​negozju sal-​punt li jittraskuraw l-​ispiritwalità tagħhom, jien nuża l-​eżempju tiegħi stess biex nurihom kemm mhuwiex għaqli li jintrabtu f’madmad mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux. Mhux faċli tirreżisti offerti li jħajruk u li żżomm ’il bogħod minn prattiki diżonesti.”—2 Kor. 6:14.

Marek ukoll tgħallem bil-​qares. Għalkemm impjieg b’paga tajba barra l-​pajjiż għen lil familtu finanzjarjament, ir-​relazzjoni tiegħu m’Alla u maʼ ħutu batiet. Maż-​żmien reġaʼ rranġa l-​prijoritajiet tiegħu. “Dak iż-​żmien, is-​sitwazzjoni tiegħi kienet tixbah lil dik taʼ Baruk tal-​qedem li ‘kien qed ifittex ħwejjeġ kbar għalih innifsu.’ Fl-​aħħar ftaħt qalbi maʼ Ġeħova u għedtlu dwar dak li kien qed jinkwetani, u issa nħossni li ksibt il-​bilanċ spiritwali lura.” (Ġer. 45:1-​5) Marek issa qed jirsisti għal “xogħol tajjeb” t’indokratur fil-​kongregazzjoni.—1 Tim. 3:1.

Marek jagħti din it-​twissija lil dawk li għandhom mnejn qed jaħsbuha biex isiefru bil-​ħsieb li jsibu impjieg b’iktar paga: “Meta tkun imsiefer ikun veru faċli li taqaʼ fin-​nasbiet taʼ din id-​dinja mill-​agħar. Il-​fatt li ma tkunx taf sew il-​lingwa tal-​pajjiż ifixkel il-​komunikazzjoni m’oħrajn. Tistaʼ tmur lura d-​dar bi bwietek mimlijin flus, imma jkollok ukoll feriti spiritwali li jistgħu jieħdu ħafna żmien biex ifiqu.”

Iż-​żamma tal-​bilanċ bejn xogħol sekulari u l-​obbligu tagħna lejn ħutna se tgħinna nogħġbu lil Ġeħova. U aħna nistgħu nipprovdu għal oħrajn eżempju ħaj li jistaʼ jqanqalhom biex jieħdu deċiżjoni għaqlija. Dawk li huma mgħobbijin iżżejjed jeħtieġu l-​appoġġ, il-​mogħdrija, u l-​eżempju tajjeb taʼ ħuthom. L-​anzjani Kristjani u wħud maturi oħrajn jistgħu jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin iżommu l-​bilanċ u jevitaw li jinfnew bl-​ansjetajiet tal-​ħajja.—Ebr. 13:7.

Iva, jalla qatt ma nabbandunaw lil sħabna fit-​twemmin billi nsiru preokkupati bl-​impjieg sekulari tagħna. (Flp. 1:10) Minflok, ejja nkunu ‘għonja m’Alla’ hekk kif inpoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna.—Lq. 12:21.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Stampi f’paġna 21]

Ix-​xogħol sekulari tiegħek itellfek milli tattendi l-​laqgħat?

[Stampi f’paġna 23]

Tqishom taʼ valur l-​opportunitajiet biex tgħin lil ħutek spiritwali?