Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ersaq Qrib Lejn Alla

Meta l-Anzjani Jerġgħu Jsiru Żgħażagħ

Meta l-Anzjani Jerġgħu Jsiru Żgħażagħ

MIN minna jieħu pjaċir bl-​effetti tax-​xjuħija—ġilda mkemmxa, vista batuta, nuqqas taʼ smigħ, u saqajn mhux sodi? Forsi taħseb, ‘Alla għala ħalaqna bil-​potenzjal li ngawdu s-​saħħa taż-​żgħożija biex imbagħad nispiċċaw nibżgħu mill-​effetti tax-​xjuħija?’ L-​aħbar tajba hi li dan mhuwiex dak li Alla kellu f’moħħu għalina. Minflok, hu bi mħabba għandu l-​iskop li jeħlisna mill-​proċess tax-​xjuħija! Innota l-​kliem li ngħad lill-​patrijarka Ġob, li jinsab f’Ġob 33:24, 25.

Ikkunsidra s-​sitwazzjoni taʼ Ġob, raġel leali li Ġeħova kien iħobbu. Bla ma kien jaf Ġob, Satana sfida l-​integrità taʼ Ġob, billi qal li kien jaqdi lil Alla għal raġunijiet egoistiċi biss. Ġeħova, b’fiduċja f’Ġob u billi kien jaf il-​qawwa Tiegħu stess biex iħott il-​ħsara, ħalla lil Satana jġarrab lil Ġob. Satana mbagħad “lil Ġob imlielu ġismu kollu msiemer li ma jfiqux minn qiegħ saqajh sal-​qorriegħa taʼ rasu.” (Ġob 2:7) Il-​ġisem taʼ Ġob inkesa bid-​dud, u l-​ġilda tiegħu rabbiet il-​qxur, swiedet, u waqgħet minn fuqu. (Ġob 7:5; 30:17, 30) Tistaʼ timmaġina l-​agunija tiegħu? Però, Ġob baqaʼ leali, u qal: “Sakemm nieħu l-​aħħar nifs ma nwarrabx minni l-​integrità tiegħi!”—Ġob 27:5.

Madankollu, Ġob għamel żball serju. Hekk kif kien riesaq lejn mewtu, sar konċernat iżżejjed f’li jivvindika lilu nnifsu, “iddikjara lil ruħu ġusta minflok lil Alla.” (Ġob 32:2) Il-​kelliemi t’Alla, Eliħu, widdeb lil Ġob. Imma Eliħu ta lil Ġob ukoll messaġġ pożittiv mingħand Alla: “Eħilsu [lil Ġob] biex ma jinżilx fil-​ħofra [il-​qabar komuni]! Jien sibt fidwa! Ħa jsir laħmu iktar frisk milli fiż-​żgħożija; ħa jmur lura lejn il-​jiem mimlijin enerġija taż-​żgħożija.” (Ġob 33:24, 25) Dan il-​kliem żgur li lil Ġob imlieh bit-​tama. Ma kellux jibqaʼ jbati sa mewtu. Jekk Ġob kien lest li jindem, Alla kien se jkun lest jaċċetta fidwa għan-​nom taʼ Ġob u jeħilsu mill-​gwajijiet tiegħu. a

Ġob bl-​umiltà aċċetta l-​korrezzjoni, u nidem. (Ġob 42:6) B’mod evidenti, Ġeħova aċċetta fidwa għan-​nom taʼ Ġob, u ħallieha tgħatti l-​iżball tiegħu u tiftaħ it-​triq biex Alla jerġaʼ jagħtih is-​saħħa u jippremjah. Ġeħova “bierek it-​tmiem taʼ Ġob iktar mill-​bidu tiegħu.” (Ġob 42:12-​17) Immaġina s-​serħan taʼ Ġob meta, fost barkiet oħrajn, ġie mfejjaq mill-​marda tiegħu li tqażżek u laħmu, biex ngħidu hekk, sar “iktar frisk milli fiż-​żgħożija”!

Il-​fidwa li Alla aċċetta għan-​nom taʼ Ġob kellha valur limitat, għax ir-​raġel baqaʼ imperfett u iktar tard miet. Aħna għandna fidwa ħafna aħjar disponibbli għalina. Ġeħova bi mħabba ta lil Ibnu, Ġesù, bħala fidwa għalina. (Mattew 20:28; Ġwanni 3:16) Dawk kollha li jpoġġu l-​fidi f’din il-​fidwa għandhom il-​prospett li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. F’din id-​dinja l-​ġdida li riesqa, Alla se jeħles lill-​bnedmin leali mill-​proċess tax-​xjuħija. Għala ma titgħallimx iktar dwar kif tistaʼ tgħix biex tara ż-​żmien meta l-​anzjani se jaraw ‘laħamhom isir iktar frisk milli fiż-​żgħożija’?

[Nota taʼ taħt]

a Bl-​Ebrajk, il-​kelma “fidwa” użata hawnhekk tfisser “għata.” Fil-​każ taʼ Ġob, il-​fidwa setgħet kienet sagrifiċċju t’annimal, li Alla kien se jaċċetta biex jgħatti l-​iżball taʼ Ġob, jew ipatti għalih.—Ġob 1:5.