Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

X’INFLUWENZA lil punk rocker antisoċjali biex jitgħallem iħobb lin-​nies u jirsisti biex jgħin lil oħrajn? X’qanqal lil raġel fil-​Messiku biex iwarrab ħajja immorali? Wieħed li kien minn taʼ quddiem fit-​tlielaq tar-​roti fil-​Ġappun, għala ħalla t-​tlielaq warajh fi sforz biex jaqdi lil Alla? Ikkunsidra x’għandhom x’jgħidu dawn in-​nies.

“Kont Bniedem Pastaż, Arroganti, u Aggressiv.”​—DENNIS O’BEIRNE

SENA TAT-​TWELID: 1958

POST TAT-​TWELID: L-​INGILTERRA

STORJA: PUNK ROCKER ANTISOĊJALI

IL-​PASSAT TIEGĦI: Il-​familja tiegħi min-​naħa taʼ missieri hi Irlandiża, u jien trabbejt bħala Kattoliku Irlandiż. Però, ġeneralment kien ikolli mmur il-​knisja waħdi, u ma kontx nieħu pjaċir immur. Xorta waħda, kelli għatx għall-​affarijiet spiritwali. Kont ngħid it-​Talba tal-​Missierna regolarment, u għadni niftakarni mimdud fuq is-​sodda billejl naħseb dwar is-​sinifikat tagħha. Kont naqsamha fi frażijiet separati u nipprova nifhem xi tfisser kull frażi.

Bħala adoloxxent, kont involut fil-​moviment Rastafaru. Kont interessat ukoll f’ideali politiċi bħal-​Lega Anti-​Nazi. Imma involvejt ruħi sew fl-​attitudni ribelluża tal-​moviment punk rock. Kont nieħu d-​drogi, speċjalment il-​marijuana, li kont inpejjipha kważi kuljum. Billi adottajt l-​attitudni taʼ “x’jimpurtani,” kont nixrob ħafna, nirriskja ħajti, u ftit li xejn kien jimpurtani minn nies oħrajn. Kont antisoċjali; bilkemm kont inkellem lil xi ħadd sakemm kien jidhirli li d-​diskussjoni kienet bis-​sens. Saħansitra kont nirrifjuta li jittiħduli ritratti. Meta issa nħares lura, nistaʼ nara li kont bniedem pastaż, arroganti, u aggressiv. Maʼ min kien qrib tiegħi biss kont qalbi tajba u ġeneruż.

Meta kelli madwar 20 sena, bdejt nieħu interess fil-​Bibbja. Ħabib tiegħi, traffikant tad-​droga, kien beda jaqra l-​Bibbja waqt li kien il-​ħabs, u kellna diskussjoni twila dwar ir-​reliġjon, il-​Knisja, u l-​irwol taʼ Satana fid-​dinja. Xtrajt Bibbja u bdejt nistudjaha waħdi. Jien u sieħbi konna naqraw siltiet mill-​Bibbja, niltaqgħu flimkien biex niddiskutu dak li konna tgħallimna, u mbagħad naslu għal konklużjonijiet. Dan baqaʼ għaddej xhur sħaħ.

Dawn huma xi ftit mill-​konklużjonijiet li wasalna għalihom minn dak li qrajna: li qed ngħixu fl-​aħħar jiem taʼ din id-​dinja; li l-​Kristjani għandhom jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla; li m’għandhom ikunu ebda parti minn din id-​dinja, inkluż il-​politika tagħha; u li l-​Bibbja toffri gwida morali f’lokha. Stajna naraw b’mod ċar li l-​Bibbja hi vera u li bilfors hemm reliġjon vera. Imma liema? Ħsibna dwar il-​knejjes l-​aktar popolari bil-​pompa u ċ-​ċerimonji tagħhom kif ukoll dwar l-​involviment tagħhom fil-​politika, u rajna li Ġesù ma kien jagħmel xejn minn dan. Konna nafu li Alla ma kienx qed juża lilhom, u għalhekk iddeċidejna li nikkunsidraw xi reliġjonijiet inqas magħrufin biex naraw x’kellhom x’joffru.

Konna niltaqgħu maʼ membri taʼ reliġjonijiet bħal dawn u nistaqsuhom serje taʼ mistoqsijiet. Konna nafu x’tgħid il-​Bibbja dwar kull mistoqsija, u għalhekk mingħajr diffikultà stajna nindunaw jekk kinux iwieġbu fi qbil mal-​Kelma t’Alla. Wara laqgħat bħal dawn, kont dejjem nitlob lil Alla, ‘Jekk dawn in-​nies jirrappreżentaw ir-​reliġjon vera, jekk jogħġbok qanqalni ħalli nkun irrid nerġaʼ niltaqaʼ magħhom.’ Imma wara xhur sħaħ taʼ laqgħat bħal dawn, kont għadni ma sibtx grupp li wieġeb il-​mistoqsijiet tagħna mill-​Bibbja, u lanqas ma kelli x-​xewqa li nerġaʼ niltaqaʼ maʼ xi ħadd minnhom.

Fl-​aħħar, jien u sieħbi ġejna f’kuntatt max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Staqsejniehom l-​istess mistoqsijiet bħas-​soltu, u wiġbuna mill-​Bibbja. Dak li qalu kien jaqbel perfettament maʼ dak li konna tgħallimna diġà. B’hekk, staqsejniehom mistoqsijiet li kien għad ma kellniex tweġiba għalihom mill-​Bibbja—bħal pereżempju, dwar kif Alla jqis it-​tipjip u d-​drogi. Għal darb’oħra, setgħu jwieġbu billi jużaw il-​Kelma t’Alla. Qbilna li mmorru laqgħa fis-​Sala tas-​Saltna.

Għalija kien diffiċli li nattendi laqgħa. Tant ma kontx soċjevoli li ma ħadtx pjaċir li ġew fuqi dawk in-​nies kollha dħulin u lebsin pulit. Kont ċert li xi wħud minnhom kellhom motivi ħżiena meta ġew ikellmuni, u ma ridtx imur iktar laqgħat. Imma bħas-​soltu, tlabt lil Alla biex inkun nixtieq nerġaʼ niltaqaʼ maʼ dawn in-​nies jekk huma jirrappreżentaw ir-​reliġjon vera, u jien ħassejt xewqa kbira ħafna biex nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Kont naf li kelli nieqaf nieħu d-​drogi, u rnexxieli naqtagħhom faċilment. Il-​vera sfida kienu s-​sigaretti. Ipprovajt diversi drabi nieqaf inpejjep imma għalxejn. Meta smajt dwar oħrajn li sempliċement irmew is-​sigaretti tagħhom u qatt iktar ma reġgħu pejpu, tlabt lil Ġeħova dwar il-​kwistjoni. Minn dakinhar ’l hawn, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, stajt nieqaf inpejjep. Kont tgħallimt il-​valur taʼ li nitkellem bl-​onestà u bis-​sinċerità maʼ Ġeħova fit-​talb.

Bidla kbira oħra li għamilt kienet tinvolvi l-​ilbies u d-​dehra tiegħi. Fl-​ewwel laqgħa tiegħi fis-​Sala tas-​Saltna, xagħri kien imqajjem u kellu strixxa blu jgħajjat fih. Iktar tard, żbajt xagħri oranġjo jixgħel. Kont ilbist jeans u ġakketta tal-​ġilda bi slogans fuqha. Ma ħassejtx li kelli għalfejn ninbidel, avolja x-​Xhieda rraġunaw miegħi b’qalb tajba. Iżda, fl-​aħħar, ħsibt dwar l-​1 Ġwanni 2:15-​17: “Tħobbux id-​dinja u lanqas dak li hemm fid-​dinja. Jekk xi ħadd iħobb id-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier mhix fih.” Wasalt għall-​konklużjoni li bl-​apparenza tiegħi kont qed nuri mħabba għal din id-​dinja u li sabiex nuri l-​imħabba tiegħi għal Alla, kelli bżonn ninbidel. U hekk għamilt.

Maż-​żmien, irrealizzajt li ma kinux biss ix-​Xhieda li riduni nattendi l-​laqgħat Kristjani. Ebrej 10:24, 25 urieni li din kienet xi ħaġa li Alla riedni nagħmel. Wara li bdejt nattendi l-​laqgħat kollha u nsir naf verament lin-​nies, iddeċidejt li nissimbolizza d-​dedikazzjoni tiegħi lil Ġeħova billi nitgħammed.

KIF IBBENEFIKAJT: Tqanqalt profondament mill-​mod li Ġeħova jippermettilna jkollna relazzjoni intima miegħu. Il-​ħniena u l-​interess tiegħu ġegħluni nimitah u nsegwi lil Ibnu, Ġesù Kristu, bħala l-​mudell tiegħi fil-​ħajja. (1 Pietru 2:21) Tgħallimt li waqt li qed nistinka biex ikolli personalità Kristjana, xorta jistaʼ jkolli l-​identità tiegħi stess. Ħdimt biex ikkultivajt spirtu taʼ mħabba u interess. Nipprova nkun bħal Kristu fil-​mod kif nittratta lil marti u lil ibni. U jimpurtani ħafna minn ħuti fil-​verità. Il-​fatt li nsegwi lil Kristu tani d-​dinjità, ir-​rispett lejja nnifsi, u l-​abbiltà li nuri mħabba għal oħrajn.

“Ittrattawni b’Dinjità.”​—GUADALUPE VILLARREAL

SENA TAT-​TWELID: 1964

POST TAT-​TWELID: IL-​MESSIKU

STORJA: ĦAJJA IMMORALI

IL-​PASSAT TIEGĦI: Jien kont wieħed minn sebat itfal, u trabbejt f’Hermosillo, f’Sonora, il-​Messiku, post mifni b’ħafna faqar. Missieri miet meta kont għadni naqra taʼ tifel, u għalhekk ommi kellha taħdem biex tmantnina. Ġeneralment kont inkun ħafi għax ma kellniex flus biex nixtru ż-​żraben. F’età żgħira bdejt naħdem biex ngħin fl-​ispejjeż tal-​familja. Bħal ħafna familji, konna ngħixu ħafna nies f’dar żgħira.

Għall-​biċċa l-​kbira tal-​ġurnata, ommi ma kinitx tkun hemm biex tipproteġi lilna t-​tfal. Meta kelli 6 snin, sfajt vittma taʼ ġuvni taʼ 15-​il sena li beda jabbużani sesswalment. Dan l-​abbuż kompla għal żmien twil. Wieħed mill-​effetti taʼ dan kien li sirt konfuż sesswalment. Ħsibt li kien normali li ninġibed lejn l-​irġiel. Meta fittixt l-​għajnuna taʼ tobba jew membri tal-​kleru, assigurawni li ma kelli ebda problema u li s-​sentimenti tiegħi kienu normali.

Meta kelli 14-​il sena, iddeċidejt li naġixxi u nilbes bħal omosesswali. Bqajt hekk sa 11-​il sena wara, u saħansitra għext maʼ diversi rġiel differenti matul dak iż-​żmien. Eventwalment, ħadt kors biex insir stilista tax-​xagħar u kont nimmaniġġa ħanut tas-​sbuħija. Madankollu, ma kontx ferħan. Spiss batejt u ħassejtni tradut. Kont inħoss li dak li kont qed nagħmel ma kienx sewwa. Bdejt nistaqsi lili nnifsi, ‘Jeżistu nies tajbin u taʼ min jirrispettahom?’

Ħsibt dwar oħti. Hi bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova u eventwalment tgħammdet. Kienet tgħidli dak li kienet titgħallem, imma ma kontx nagħti kas. Xorta waħda, kont nammira l-​ħajja u ż-​żwieġ tagħha. Stajt nara li hi u żewġha kienu verament iħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Kienu jittrattaw lil xulxin b’qalb tajba. Maż-​żmien, waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova bdiet tistudja l-​Bibbja miegħi. Għall-​ewwel kont sempliċement nagħmel l-​istudju mingħajr entużjażmu, imma mbagħad l-​affarijiet inbiddlu.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Ix-​Xhieda stidnuni għal waħda mil-​laqgħat tagħhom, u jien mort. Kienet esperjenza ġdida għalija. In-​nies inġenerali kienu jiddieħqu bija imma x-​Xhieda kienu differenti. Laqgħuni b’qalb tajba, u ttrattawni b’dinjità. Dan messli qalbi.

L-​impressjoni tajba tiegħi tax-​Xhieda ssaħħet meta attendejt assemblea. Rajt li anki fi gruppi kbar, dawn in-​nies kienu bħal oħti—ġenwini u sinċieri. Staqsejt lili nnifsi jekk dan kienx il-​grupp taʼ nies tajbin u taʼ min jirrispettahom li kont ilni nfittex. L-​imħabba u l-​unità tagħhom għaġġbuni, bħalma għaġġibni wkoll il-​mod kif użaw il-​Bibbja biex iwieġbu kull mistoqsija. Intbaħt li kienet il-​Bibbja li kienet l-​influwenza pożittiva f’ħajjithom. U indunajt ukoll li kien se jkolli nagħmel ħafna bidliet biex insir wieħed minnhom.

Fil-​fatt, kelli nagħmel trasformazzjoni sħiħa, għax kont qed ngħix ħajja femminili. Il-​kliem, il-​manjieri, l-​ilbies, l-​istil tax-​xagħar, u l-​għażla tal-​ħbieb tiegħi kollha kelli bżonn inbiddilhom. Il-​ħbieb li kelli qabel bdew iwaqqgħuni għaċ-​ċajt, billi kienu jgħidu: “Għala qed tagħmel dan? Mhux tajjeb kont? Tistudjax il-​Bibbja. Ma jonqsok xejn.” Iżda l-​iktar affarijiet diffiċli biex inbiddilhom kienu l-​prattiki tal-​ħajja immorali tiegħi.

Minkejja dan, kont naf li bidliet kbar kienu possibbli, għax il-​kliem tal-​Bibbja fl-​1 Korintin 6:9-​11 kien messli qalbi: “X’inhu! Ma tafux li l-​inġusti ma jirtux is-​saltna t’Alla? Titqarrqux. La ż-​żienja, la l-​idolatri, la l-​adulteri, la l-​irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali, la l-​irġiel li jimteddu maʼ l-​irġiel . . . ma jirtu s-​saltna t’Alla. U madankollu, hekk kienu xi wħud minnkom. Imma ġejtu maħsulin.” Ġeħova għen lin-​nies jinbidlu lura dak iż-​żmien, u għen lili wkoll. Il-​bidla ħadet diversi snin u kelli nissielet ħafna, imma l-​gwida u l-​imħabba tax-​Xhieda għenuni ħafna.

KIF IBBENEFIKAJT: Illum, qed ngħix ħajja normali. Iżżewwiġt, u jien u marti qed ngħallmu lit-​tifel tagħna biex jgħix fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja. Issa ilni ħafna li tlaqt il-​ħajja li kelli qabel, u qed ingawdi ħafna benefiċċji u privileġġi spiritwali. Naqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni, u stajt ngħin lil oħrajn jitgħallmu l-​verità tal-​Kelma t’Alla. Il-​bidliet li għamilt f’ħajti tant ferrħu lil ommi li hi aċċettat studju tal-​Bibbja u minn dakinhar ’l hawn saret Kristjana mgħammda. Waħda minn ħuti li kienet tgħix ħajja immorali wkoll saret waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Saħansitra xi wħud li kienu jafuni qabel issa jirrikonoxxu li nbdilt għall-​aħjar. U jien naf x’kien hemm wara dawn il-​bidliet. Fil-​passat, fittixt għajnuna professjonali imma ngħatajt biss pariri ħżiena. Madankollu, Ġeħova verament għenni. Għalkemm ħassejt li ma kienx jixraqli, hu nnotani u ttrattani bl-​imħabba u bil-​paċenzja. Il-​fatt li Alla tant meraviljuż, intelliġenti, u taʼ mħabba ta kasi u ried li jkolli ħajja aħjar kellu effett kbir fuqi.

“Ma Kontx Sodisfatt, u Ħassejtni Waħdi u Bla Siwi.”​—KAZUHIRO KUNIMOCHI

SENA TAT-​TWELID: 1951

POST TAT-​TWELID: IL-​ĠAPPUN

STORJA: ĊIKLISTA KOMPETITTIV

IL-​PASSAT TIEGĦI: Trabbejt f’belt kwieta fi Shizuoka Prefecture, il-​Ġappun, fejn il-​familja tagħna, b’kollox tmienja, għexet f’dar żgħira. Missieri kien jimmaniġġa ħanut tar-​roti. Minn mindu kont żgħir, kien jiħodni għat-​tlielaq tar-​roti u qanqalli l-​interess fl-​isport. Imbagħad missieri beda jippjana biex jien insir sewwieq professjonali tar-​roti. Meta kont għadni fl-​iskola sekondarja, beda jħarriġni bis-​serjetà. Ftit snin wara, irbaħt il-​kompetizzjoni nazzjonali tal-​atletika tliet snin wara xulxin. Irċivejt offerta biex immur l-​università, imma ddeċidejt li mmur direttament fi skola fejn iħarrġuk għat-​tlielaq. Fl-​età taʼ 19-​il sena sirt ċiklista professjonali.

Sa dak iż-​żmien, il-​mira tiegħi fil-​ħajja kienet li nsir l-​aqwa ċiklista fil-​Ġappun. Ippjanajt li naqlaʼ ħafna flus sabiex inkun nistaʼ nagħti lill-​familja tiegħi ħajja sigura u stabbli. Intfajt b’ruħi u ġismi fit-​taħriġ tiegħi. Kull meta kont inħossni qalbi maqtugħa minħabba l-​isfidi tat-​taħriġ jew minħabba parti diffiċli taʼ tellieqa, kont ngħid lili nnifsi ripetutament li jien twilidt biex intellaq ir-​roti u li b’xi mod kelli nippersisti f’dan. U hekk għamilt. Ix-​xogħol iebes tiegħi beda jagħti l-​frott. Fl-​ewwel sena tiegħi, ħadt l-​ewwel fost is-​sewwieqa l-​ġodda. Fit-​tieni sena tiegħi, ikkwalifikajt biex nieħu sehem fit-​tellieqa li kienet tiddetermina l-​aqwa ċiklista tal-​Ġappun. Sitt darbiet differenti ġejt it-​tieni f’din it-​tellieqa.

Hekk kif bqajt fost l-​aqwa sewwieqa, sirt magħruf bħala s-​saqajn b’saħħithom taʼ Tokai, post fil-​Ġappun. Kont kompetittiv ħafna. Maż-​żmien, is-​sewwieqa l-​oħrajn kienu jibżgħu minni minħabba li kont bla ħniena fit-​tlielaq. Id-​dħul tiegħi kiber, u indunajt li stajt nixtri kulma kien jogħġobni. Xtrajt dar b’kamra tal-​eżerċizzju mgħammra bl-​aqwa magni. Xtrajt karozza barranija li kważi swiet daqs dar. Għas-​sigurtà, bdejt ninvesti flusi fi proprjetà u fis-​suq tal-​ishma.

Xorta waħda, ma kontx sodisfatt, u ħassejtni waħdi u bla siwi. Sa dak iż-​żmien kont miżżewweġ u kelli t-​tfal, imma spiss kont bla sabar mal-​familja tiegħi. Kont nitlef it-​tempra maʼ marti u wliedi minħabba affarijiet żgħar. Huma bil-​biżaʼ kienu jistudjaw l-​espressjonijiet taʼ wiċċi biex jaraw jekk erġajtx kont burdata ħażina.

Imma, maż-​żmien, marti bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dan wassal għal ħafna bidliet. Hi qaltli li riedet tattendi l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, u għalhekk iddeċidejt li mmorru bħala familja. Għadni niftakar il-​lejla meta anzjan ġie d-​dar u beda jistudja l-​Bibbja miegħi. Dak li tgħallimt ħalla impressjoni kbira fuqi.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Qatt ma se ninsa kif effettwatni l-​Iskrittura taʼ Efesin 5:5. Din tgħid: “Ebda żieni jew bniedem mhux nadif jew rgħib—li jfisser li jkun idolatra—m’għandu wirt fis-​saltna tal-​Kristu u t’Alla.” Jien fhimt li t-​tlielaq tar-​roti kienu konnessi mal-​logħob tal-​ażżard u li l-​isport kien jippromwovi spirtu rgħib. Il-​kuxjenza tiegħi bdiet tniggiżni. Ħassejt li jekk ridt nogħġob lil Alla Ġeħova, kien se jkolli nieqaf nikkompeti. Imma din kienet deċiżjoni iebsa għalija.

Kont għadni kif spiċċajt l-​iktar sena sodisfaċenti li qatt kelli fit-​tlielaq, u xxennaqt għal iktar. Però, sibt li l-​istudju tal-​Bibbja kien iġegħelni nħossni kalm u trankwill—differenti ħafna mill-​ispirtu li kelli bżonn biex nirbaħ it-​tlielaq! Tellaqt biss tliet darbiet wara li bdejt nistudja, imma kien għad kelli qalbi xi ftit marbuta mat-​tlielaq. Ukoll, ma kontx naf kif se mmantni lill-​familja tiegħi. Ħassejtni staġnat, la stajt nimxi ’l quddiem u lanqas lura, u minħabba t-​twemmin ġdid tiegħi, il-​qrabati bdew jagħmluhieli diffiċli ħafna. Missieri kien diżappuntat għall-​aħħar. Minħabba li ħassejtni maqsum, sirt saħansitra iktar stressat u żviluppajt ulċera.

Dak li għenni matul dak il-​perijodu diffiċli kien li bqajt nistudja l-​Bibbja u mmur il-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Eventwalment, il-​fidi tiegħi ssaħħet. Tlabt lil Ġeħova biex jismaʼ t-​talb tiegħi u biex jgħinni nara li hu qed jismagħni. L-​istress tiegħi naqas iżjed meta marti assiguratni li ma kellhiex bżonn tgħix f’dar kbira sabiex tkun kuntenta. Bil-​mod il-​mod għamilt progress.

KIF IBBENEFIKAJT: Tgħallimt li l-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 6:33 hu verament minnu. Hu qal: “Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.” Qatt ma naqsuna “l-​affarijiet l-​oħrajn” li Ġesù rrefera għalihom, jiġifieri, in-​neċessitajiet bażiċi tal-​ħajja. Għalkemm id-​dħul tiegħi hu madwar terz taʼ dak li kont naqlaʼ bħala sewwieq, jien u familti ma naqasna xejn f’dawn l-​aħħar 20 sena.

Aħjar minn hekk, meta naħdem jew inqim maʼ sħabi fit-​twemmin, insib ferħ u sodisfazzjon li qatt ma kelli qabel. Il-​ġranet lanqas narahom għaddejjin. Il-​ħajja tal-​familja tiegħi tjiebet ħafna wkoll. It-​tliet uliedi u n-​nisa tagħhom kollha saru qaddejja leali taʼ Ġeħova.