Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħu Deċiżjonijiet li Jonoraw lil Alla

Ħu Deċiżjonijiet li Jonoraw lil Alla

“Min hu prudenti jqis il-​passi tiegħu.”—PROV. 14:15.

1, 2. (a) X’għandu jkun it-​tħassib primarju tagħna fid-​deċiżjonijiet kollha li nieħdu? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

 AĦNA x’aktarx li nieħdu bosta minnhom kuljum. Ħafna minnhom ftit li xejn għandhom konsegwenzi dejjiema. Iżda, xi ftit minnhom jistaʼ jkollhom impatt kbir fuq ħajjitna. X’inhuma dawn? Deċiżjonijiet. Fid-​deċiżjonijiet kollha li nieħdu, kbar jew żgħar, it-​tħassib primarju tagħna hu li nonoraw lil Alla.—Aqra l-1 Korintin 10:31.

2 Issibha faċli int biex tieħu deċiżjonijiet, jew hi taʼ sfida għalik li tagħmel hekk? Jekk irridu nagħmlu progress lejn il-​maturità Kristjana, irridu nitgħallmu niddistingwu t-​tajjeb mill-​ħażin, u mbagħad nieħdu deċiżjonijiet li jirriflettu l-​konvinzjonijiet tagħna stess, mhux dawk taʼ xi ħadd ieħor. (Rum. 12:1, 2; Ebr. 5:14) X’inhuma xi raġunijiet konvinċenti oħrajn għala għandna bżonn nitgħallmu nieħdu deċiżjonijiet tajbin? Kultant, għala jkun tant diffiċli biex tiħodhom? U liema passi nistgħu nieħdu ħalli nkunu ċerti li d-​deċiżjonijiet li nieħdu jonoraw lil Alla?

Għala Għandna Nieħdu Deċiżjonijiet?

3. X’m’għandniex inħallu jfixkel il-​mod kif nieħdu deċiżjonijiet?

3 Jekk inkunu indeċiżi meta jkunu involuti l-​livelli tal-​Bibbja, sħabna tal-​iskola jew tax-​xogħol għandhom mnejn jikkonkludu li aħna m’aħniex tassew konvinti mit-​twemmin tagħna, u għalhekk niġu influwenzati faċilment. Huma jistgħu jigdbu, iqarrqu, jew jisirqu, u mbagħad jipprovaw jipperswaduna biex ‘immorru wara l-​folla,’ billi ningħaqdu magħhom jew għall-​inqas billi ngħinuhom jaħbu dak li qed jagħmlu. (Eżo. 23:2) Madankollu, individwu li jaf kif jieħu deċiżjonijiet li jonoraw lil Alla mhux se jħalli l-​biżaʼ jew ix-​xewqa li jiġi aċċettat iġġiegħlu jġib ruħu b’tali mod li jkun f’konflitt mal-​kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-​Bibbja.—Rum. 13:5.

4. Oħrajn għala forsi jkunu jridu jieħdu deċiżjonijiet għalina?

4 Mhux kull min irid jieħu deċiżjonijiet għalina jkun irid jagħmlilna l-​ħsara. Xi ħbieb, b’intenzjoni tajba, jistgħu jinsistu li għandna nsegwu l-​parir tagħhom. Jekk qed ngħixu ’l bogħod mid-​dar, qrabatna x’aktarx li jibqaʼ jimportahom ħafna mill-​benesseri tagħna u għandhom mnejn iħossuhom li jridu jkomplu jinvolvu ruħhom f’deċiżjonijiet importanti li niffaċċjaw. Pereżempju, ikkunsidra l-​kwistjoni tal-​kura medika. Il-​Bibbja tikkundanna b’mod ċar l-​użu ħażin tad-​demm. (Atti 15:28, 29) Iżda, kwistjonijiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-​kura tas-​saħħa mhumiex ċari għalkollox u jeħtieġu li lkoll kemm aħna nieħdu deċiżjoni persunali inkwantu għal liema kura se naċċettaw jew nirrifjutaw. a Il-​maħbubin tagħna forsi jkollhom opinjonijiet sodi dwar dawn l-​affarijiet. Madankollu, meta jiddeċiedi dwar dawn il-​kwistjonijiet, kull Kristjan dedikat u mgħammed jeħtieġ li jġorr “it-​tagħbija tiegħu” taʼ responsabbiltà. (Gal. 6:4, 5) It-​tħassib primarju tagħna hu li nżommu kuxjenza tajba quddiem Alla, mhux quddiem il-​bnedmin.—1 Tim. 1:5.

5. Kif nistgħu nevitaw li nġarrbu nawfraġju fil-​fidi tagħna?

5 L-​indeċiżjoni tistaʼ tqegħedna f’periklu kbir. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb li individwu indeċiż “mhux sod f’kulma jagħmel.” (Ġak. 1:8) Bħal raġel f’dgħajsa bla tmun f’baħar imqalleb, hu se jkun influwenzat minn ħsib uman li ma tistax torbot fuqu u li jitbiddel. Kemm ikun faċli għal individwu bħal dan li jġarrab nawfraġju fil-​fidi tiegħu, u mbagħad jitfaʼ l-​ħtija fuq ħaddieħor għas-​sitwazzjoni tal-​biki tiegħu! (1 Tim. 1:19) Kif nistgħu nevitawh dan ir-​riżultat? Irridu ‘nissodaw fil-​fidi.’ (Aqra Kolossin 2:6, 7.) Biex nissodaw, jeħtieġ li nitgħallmu nieħdu deċiżjonijiet li jirriflettu l-​fidi tagħna fil-​Kelma mnebbħa t’Alla. (2 Tim. 3:14-​17) Iżda, x’jistaʼ jfixkel l-​abbiltà tagħna li nieħdu deċiżjonijiet tajbin?

Għala Jistaʼ Jkun Diffiċli li Nieħdu Deċiżjonijiet

6. Il-​biżaʼ kif jistaʼ jeffettwana?

6 Il-​biżaʼ jistaʼ jipparalizzana—biżaʼ li nieħdu deċiżjoni ħażina, biżaʼ li nfallu, jew biżaʼ li nidhru boloh f’għajnejn oħrajn. Dan it-​tħassib nistgħu nifhmuh. Ħadd ma jrid jieħu deċiżjoni żbaljata, deċiżjoni li taqlaʼ l-​inkwiet u li x’aktarx iġġiegħlu jistħi. Minkejja dan, l-​imħabba għal Alla u għall-​Kelma tiegħu tistaʼ tgħinna nkunu inqas beżgħanin. B’liema modi? L-​imħabba għal Alla se tqanqalna biex dejjem nikkonsultaw il-​Kelma tiegħu u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja qabel ma nieħdu deċiżjonijiet importanti. B’hekk, se nnaqqsu l-​għadd taʼ żbalji li nagħmlu. Għala? Għaliex il-​Bibbja tistaʼ ‘tagħti l-​prudenza lil dawk taʼ bla esperjenza, u tagħti liż-​żagħżugħ l-​għarfien u l-​abbiltà li jaħseb.’—Prov. 1:4.

7. L-​eżempju tas-​Sultan David x’jistaʼ jgħallimna?

7 Aħna dejjem se nieħdu d-​deċiżjoni t-​tajba? Le. Ilkoll kemm aħna niżbaljaw. (Rum. 3:23) Pereżempju, is-​Sultan David kien raġel għaref u leali. Madankollu, hu kultant ħa deċiżjonijiet żbaljati li kkaġunaw sofferenzi għalih innifsu u għal oħrajn. (2 Sam. 12:9-​12) Minkejja dan, David ma ħalliex l-​iżbalji tiegħu jdgħajfu l-​abbiltà tiegħu biex jieħu deċiżjonijiet li kellhom l-​approvazzjoni t’Alla. (1 Slat. 15:4, 5) Aħna nistgħu nkunu deċiżi minkejja żbalji li għamilna fil-​passat jekk, bħal David, niftakru li Ġeħova se jagħlaq għajnejh għall-​iżbalji tagħna u jaħfrilna dnubietna. Hu se jkompli jappoġġa lil dawk li jħobbuh u jobduh.—Salm 51:1-​4, 7-​10.

8. X’nitgħallmu mill-​kummenti tal-​appostlu Pawlu dwar iż-​żwieġ?

8 L-​ansjetà li nħossu dwar li nieħdu deċiżjonijiet nistgħu ntaffuha. Kif? Billi nirrealizzaw li kultant ikun hemm diversi għażliet korretti minn xiex nagħżlu. Ikkunsidra l-​mod kif irraġuna l-​appostlu Pawlu dwar is-​suġġett taż-​żwieġ. Taħt ispirazzjoni, hu kiteb: “Jekk xi ħadd mhux miżżewweġ jaħseb li l-​imġiba tiegħu m’hijiex xierqa għall-​istat tiegħu, u dan ikun għadda l-​fjur taż-​żgħożija, u hekk ikun l-​aħjar għalih, ħa jagħmel li jrid; ma jidnibx. Ħa jiżżewġu. Imma jekk xi ħadd ikun determinat f’qalbu u ma jkunx magħfus mill-​bżonn, imma jkollu awtorità fuq ir-​rieda tiegħu u jkun ħa din id-​deċiżjoni f’qalbu, li jibqaʼ ma jiżżewwiġx, jagħmel sewwa.” (1 Kor. 7:36-​38) Pawlu rrikkmanda li l-​aqwa għażla hi li wieħed ma jiżżewwiġx, imma din ma kinitx l-​unika għażla tajba.

9. Għandna nkunu konċernati dwar kif oħrajn iqisu d-​deċiżjonijiet tagħna? Spjega.

9 Għandna nkunu konċernati dwar kif oħrajn iqisu d-​deċiżjonijiet li nieħdu? Sa ċertu punt iva. Innota x’qal Pawlu dwar il-​kwistjoni taʼ li wieħed jiekol ikel li donnu jidher li jkun ġie sagrifikat lill-​idoli. Hu rrikonoxxa li deċiżjoni tistaʼ ma tkunx ħażina fiha nfisha, u madankollu tistaʼ tagħmel ħsara lil xi ħadd li jkollu kuxjenza dgħajfa. X’kien deċiż li jagħmel Pawlu? “Jekk l-​ikel ifixkel lil ħija,” kiteb hu, “qatt iktar ma nerġaʼ niekol laħam, biex ma nfixkilx lil ħija.” (1 Kor. 8:4-​13) Aħna wkoll jeħtieġ li nikkunsidraw kif id-​deċiżjonijiet tagħna se jeffettwaw il-​kuxjenzi taʼ oħrajn. Naturalment, it-​tħassib prinċipali tagħna hu l-​effett li se jkollhom l-​għażliet tagħna fuq il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. (Aqra Rumani 14:1-​4.) Liema prinċipji Bibliċi se jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet li jonoraw lil Alla?

Sitt Passi Biex Nieħdu Deċiżjonijiet Tajbin

10, 11. (a) Kif nistgħu nevitaw li nkunu prużuntużi fil-​familja? (b) L-​anzjani x’għandhom iżommu f’moħħhom meta jieħdu deċiżjonijiet li jeffettwaw lill-​kongregazzjoni?

10 Evita li tkun prużuntuż. Qabel ma nagħżlu li nagħmlu xi pass, jeħtieġ li nistaqsu lilna nfusna, ‘Għandi jien l-​awtorità li nieħu din id-​deċiżjoni?’ Is-​Sultan Salamun kiteb: “Ġiet il-​prużunzjoni? Mela ġej id-​diżunur; imma l-​għerf hu mal-​modesti.”—Prov. 11:2.

11 Il-​ġenituri għandhom mnejn jagħtu lil uliedhom l-​opportunità li jieħdu xi deċiżjonijiet, imma t-​tfal m’għandhomx sempliċement jassumu li għandhom din l-​awtorità. (Kol. 3:20) In-​nisa u l-​ommijiet għandhom xi awtorità fil-​familja, imma jagħmlu sew li jirrikonoxxu l-​istat taʼ kap taʼ żewġhom. (Prov. 1:8; 31:10-​18; Efes. 5:23) Bl-​istess mod, l-​irġiel jeħtieġ li jirrikonoxxu li l-​awtorità tagħhom hi limitata u li fuqhom hemm Kristu. (1 Kor. 11:3) L-​anzjani jieħdu deċiżjonijiet li jeffettwaw lill-​kongregazzjoni. Madankollu, huma jagħmlu ċert li ma ‘jmorrux lil hinn minn dak li hemm miktub’ fil-​Kelma t’Alla. (1 Kor. 4:6) Huma jsegwu wkoll mill-​qrib id-​direzzjoni li jingħataw mill-​ilsir leali. (Mt. 24:45-​47) Aħna nistgħu nevitaw li nġibu ħafna ansjetà u niket fuqna nfusna u fuq oħrajn jekk bil-​modestja nieħdu deċiżjonijiet biss meta nkunu ngħatajna l-​awtorità li nagħmlu dan.

12. (a) Għala għandna nagħmlu riċerka? (b) Spjega kif individwu jistaʼ jagħmel riċerka bħal din.

12 Agħmel riċerka. “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih,” kiteb Salamun, “imma kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-​bżonn.” (Prov. 21:5) Pereżempju, qed tikkunsidra int xi proposta taʼ negozju? Tħallix l-​emozzjonijiet jiġru bik. Iġbor il-​fatti rilevanti kollha, fittex il-​parir taʼ dawk li huma familjari maʼ affarijiet bħal dawn, u ddetermina liema prinċipji Bibliċi jeffettwaw il-​kwistjoni. (Prov. 20:18) Biex torganizza r-​riċerka tiegħek, ħejji żewġ listi—waħda li jkun fiha l-​benefiċċji, u l-​oħra l-​iżvantaġġi. Qabel ma tieħu xi deċiżjoni, ‘ikkalkula l-​ispejjeż.’ (Lq. 14:28) Ikkunsidra kif id-​deċiżjoni tiegħek se teffettwa s-​sitwazzjoni finanzjarja tiegħek u wkoll ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova. Trid il-​ħin u l-​isforz biex tagħmel riċerka. Imma billi tagħmel hekk, tistaʼ tevita li tieħu deċiżjonijiet bl-​għaġla li jwasslu għal ansjetà bla bżonn.

13. (a) Liema assiguranza tinsab f’Ġakbu 1:5? (b) Li nitolbu għall-​għerf kif jistaʼ jgħinna?

13 Itlob għall-​għerf. Id-​deċiżjonijiet tagħna se jonoraw lil Alla jekk biss nistidnuh jgħinna niħduhom. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf, ħa jibqaʼ jitlob lil Alla, għax hu jagħti b’mod ġeneruż u mingħajr ma jċanfar lil ħadd; u jingħatalu.” (Ġak. 1:5) M’għandniex għalfejn nistħu nammettu li għandna bżonn l-​għerf t’Alla biex jgħinna nieħdu deċiżjonijiet. (Prov. 3:5, 6) Wara kollox, il-​fatt li nistrieħu biss fuq il-​fehma tagħna stess jistaʼ jiżvijana faċilment. Meta nitolbu għall-​għerf u nfittxu l-​prinċipji fil-​Kelma t’Alla, inħallu lill-​ispirtu qaddis jgħinna nagħrfu l-​motivi reali tagħna għalfejn irridu nieħdu ċerti passi.—Ebr. 4:12; aqra Ġakbu 1:22-​25.

14. Għala għandna nevitaw li nitnikkru?

14 Ħu d-​deċiżjoni. Taqbadx u tasal għal dan il-​pass qabel ma tagħmel riċerka u titlob għall-​għerf. Individwu għaref jieħu l-​ħin biex “iqis il-​passi tiegħu.” (Prov. 14:15) Mill-​banda l-​oħra, titnikkirx. Wieħed li jitnikker jistaʼ jivvinta skużi fjakki biex ma jagħmilx xi pass. (Prov. 22:13) Imma xorta jieħu deċiżjoni—hu bħallikieku jiddeċiedi li jħalli lil oħrajn jikkontrollawlu ħajtu.

15, 16. X’hemm involut f’li wieħed jagħmel xi deċiżjoni fil-​prattika?

15 Agħmel id-​deċiżjoni fil-​prattika. L-​isforz li nagħmlu biex nieħdu deċiżjoni tajba jistaʼ jinħela jekk ma nwettquhiex u ma nagħmluhiex fil-​prattika b’mod vigoruż. “Kulma idek issib x’tagħmel, agħmlu bil-​qawwa tiegħek kollha,” kiteb Salamun. (Ekk. 9:10) Biex ikollna suċċess, irridu nkunu lesti li nużaw ir-​riżorsi meħtiġin biex nagħmlu d-​deċiżjonijiet tagħna fil-​prattika. Pereżempju, pubblikatur tal-​kongregazzjoni għandu mnejn jiddeċiedi li jaqdi bħala pijunier. Se jirnexxilu? X’aktarx li se jirnexxilu jekk ma jħallix ix-​xogħol sekulari u r-​rikreazzjoni eċċessiva jixorbulu saħħtu u jisirqulu l-​ħin li għandu bżonn biex jieħu ħsieb il-​ministeru tiegħu.

16 L-​aqwa deċiżjonijiet rari jkunu l-​eħfef li tagħmel fil-​prattika. Għala? Għaliex “id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġw. 5:19) Irridu nissaraw kontra “l-​ħakkiema dinjin taʼ dan id-​dlam, kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar fil-​postijiet tas-​sema.” (Efes. 6:12) Kemm l-​appostlu Pawlu u kemm id-​dixxiplu Ġuda indikaw li dawk li jiddeċiedu li jonoraw lil Alla se jkollhom ġlieda x’jiġġieldu.—1 Tim. 6:12; Ġuda 3.

17. Inkwantu għad-​deċiżjonijiet li nieħdu, Ġeħova x’jistenna minna?

17 Irrivedi d-​deċiżjoni u agħmel xi aġġustamenti jekk ikun meħtieġ. Mhux id-​deċiżjonijiet kollha jitwettqu eżattament kif tkun ippjanajt. “Iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin” jiġu fuqna lkoll. (Ekk. 9:11) Xorta waħda, Ġeħova jistenna li nipperseveraw f’xi deċiżjonijiet minkejja li nistgħu niltaqgħu mal-​provi. Id-​deċiżjoni taʼ individwu li jiddedika ħajtu lil Ġeħova mhijiex negozjabbli, sewwasew bħalma mhijiex negozjabbli l-​wegħda taż-​żwieġ. Alla jistenna li ngħixu fi qbil maʼ deċiżjonijiet bħal dawn. (Aqra Salm 15:1, 2, 4.) Iżda, il-​biċċa l-​kbira mid-​deċiżjonijiet huma inqas taʼ piż. Individwu għaref se jirrivedi minn żmien għal żmien id-​deċiżjonijiet li jkun ħa. Mhux se jħalli l-​kburija jew ir-​ras iebsa żżommu milli jaġġusta jew saħansitra jdawwar xi deċiżjoni. (Prov. 16:18) It-​tħassib primarju tiegħu hu li jkun ċert li ħajtu tkompli tonora lil Alla.

Ħarreġ lil Oħrajn Biex Jieħdu Deċiżjonijiet li Jonoraw lil Alla

18. Il-​ġenituri kif jistgħu jħarrġu lil uliedhom biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin?

18 Il-​ġenituri jistgħu jagħmlu ħafna biex jgħinu lil uliedhom jitgħallmu kif jieħdu deċiżjonijiet li jonoraw lil Alla. Eżempju mill-​aħjar hu wieħed mill-​aqwa għalliema. (Lq. 6:40) Meta jkun xieraq, il-​ġenituri jistgħu jispjegaw lil uliedhom kif huma nfushom ħadu ċerta deċiżjoni. Forsi jkunu jridu wkoll iħallu lil uliedhom jieħdu xi deċiżjonijiet għalihom infushom, u mbagħad jikkommendawhom meta d-​deċiżjoni tirnexxi. Iżda, xi ngħidu jekk it-​tifel jieħu deċiżjoni ħażina? L-​ewwel inklinazzjoni taʼ ġenitur għandha mnejn tkun li jipproteġih mill-​konsegwenzi, imma li jagħmel dan mhux dejjem ikun fl-​aqwa interessi tat-​tifel. Pereżempju, il-​ġenitur jistaʼ jippermetti li t-​tifel jikseb liċenzja tas-​sewqan. Ejja ngħidu li jikser liġi tat-​traffiku u jirċievi multa. Il-​ġenitur jistaʼ jħallas il-​multa. Madankollu, jekk it-​tifel jintalab jaħdem ħalli jħallas il-​multa, hu x’aktarx li se jitgħallem ikun responsabbli għal dak li jagħmel.—Rum. 13:4.

19. X’għandna ngħallmuhom lill-​istudenti tal-​Bibbja tagħna, u kif nistgħu nagħmluh dan?

19 Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex jgħallmu lil oħrajn. (Mt. 28:20) Waħda mill-​iktar lezzjonijiet importanti li nistgħu ngħallmu lill-​istudenti tal-​Bibbja hi kif jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Sabiex nagħmlu dan b’mod effettiv, irridu nirreżistu x-​xewqa li ngħidulhom kif jaġixxu. Ikun aħjar li ngħallmuhom jirraġunaw fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu għalihom infushom kif għandhom jaġixxu. Wara kollox, “kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rum. 14:12) Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna raġuni konvinċenti biex nieħdu deċiżjonijiet li jonoraw lil Alla.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dwar dan is-​suġġett, ara l-​insert “Kif Inħares Lejn il-​Frazzjonijiet tad-​Demm u l-​Proċeduri Mediċi li Jinvolvu l-​Użu taʼ Demmi Stess?” pubblikat fil-​Ministeru tas-​Saltna taʼ Novembru 2006, paġni 3-​6.

Int Kif Twieġeb?

• Għala għandna bżonn nitgħallmu kif nieħdu deċiżjonijiet?

• Il-​biżaʼ kif jistaʼ jeffettwana, u kif nistgħu negħlbu l-​biżaʼ tagħna?

• Liema sitt passi nistgħu nieħdu biex inkunu ċerti li d-​deċiżjonijiet tagħna jonoraw lil Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampa f’paġna 16]

Passi Biex Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin

1 Evita li Tkun Prużuntuż

2 Agħmel Riċerka

3 Itlob għall-​Għerf

4 Ħu d-​Deċiżjoni

5 Agħmel id-​Deċiżjoni fil-​Prattika

6 Irrivedi u Aġġusta

[Stampa f’paġna 15]

Individwu indeċiż hu bħal raġel f’dgħajsa bla tmun f’baħar imqalleb