Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Il-Frott taʼ l-Ispirtu” Jigglorifika lil Alla

“Il-Frott taʼ l-Ispirtu” Jigglorifika lil Alla

“Missieri hu glorifikat b’dan, li tibqgħu tagħtu ħafna frott.”—ĠW. 15:8.

1, 2. (a) Liema opportunitajiet għandna biex ninkuraġġixxu lil oħrajn? (b) Liema għotja mingħand Ġeħova ttejjeb l-​abbiltà tagħna biex naqduh?

 IKKUNSIDRA żewġ xeni: Mara Kristjana tinnota li oħt iżgħar fl-​età tidher ħosbiena. Tiftiehem magħha biex jaħdmu flimkien fis-​servizz tal-​għalqa. Hekk kif qed jitkellmu bejn bieb u ieħor, l-​oħt iżgħar fl-​età tibda tiftaħ qalbha dwar dak li qed jinkwetaha. Iktar tard dakinhar, il-​mara iżgħar fl-​età fit-​talb tirringrazzja lil Ġeħova għall-​interess kollu mħabba tal-​oħt matura; kien eżatt dak li kellha bżonn. F’post ieħor, koppja reċentement irritornat mill-​ippritkar f’art barranija. F’laqgħa soċjali, hekk kif bl-​eċċitament jirrakkontaw xi esperjenzi, ħu żagħżugħ qiegħed jismaʼ għall-​kwiet. Xi snin wara, hekk kif qed jipprepara biex jitlaq għall-​inkarigu tiegħu stess f’art barranija, hu jaħseb f’dik il-​koppja u l-​konversazzjoni li qanqlitu biex ikun missjunarju.

2 Dawn is-​sitwazzjonijiet forsi jfakkruk f’xi ħadd li għamel differenza f’ħajtek jew f’xi ħadd li int kellek effett tajjeb fuqu. M’għandniex xi ngħidu, mhuwiex komuni li konversazzjoni waħda tbiddel il-​ħajja taʼ dak li jkun, imma kuljum, għandna opportunitajiet biex ninkuraġġixxu u nsaħħu lil oħrajn. Immaġina li kien hemm xi ħaġa li setgħet ittejjeb l-​abbiltajiet u l-​kwalitajiet tiegħek, u b’hekk jagħmluk iktar taʼ benefiċċju għal ħutek u iktar utli għal Alla. Ma tkunx din xi ħaġa meraviljuża? Fil-​fatt, Ġeħova jagħtina għotja eżattament bħal din—l-​ispirtu qaddis tiegħu. (Lq. 11:13) Hekk kif l-​ispirtu t’Alla jaħdem f’ħajjitna, jipproduċi fina kwalitajiet sbieħ li jtejbu kull aspett tas-​servizz tagħna lil Alla. X’għotja meraviljuża!—Aqra Galatin 5:22, 23.

3. (a) Il-​fatt li nikkultivaw “il-​frott taʼ l-​ispirtu” kif jigglorifika lil Alla? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Il-​kwalitajiet li l-​ispirtu qaddis jipproduċi huma riflessjoni tal-​personalità stess tas-​Sors taʼ dan l-​ispirtu, Alla Ġeħova. (Kol. 3:9, 10) Ġesù indika l-​iktar raġuni importanti għala l-​Kristjani għandhom jistinkaw biex jimitaw lil Alla meta qal lill-​appostli tiegħu: “Missieri hu glorifikat b’dan, li tibqgħu tagħtu ħafna frott.” a (Ġw. 15:8) Hekk kif nikkultivaw “il-​frott taʼ l-​ispirtu,” ir-​riżultati huma ovvji fil-​mod kif nitkellmu u naġixxu; dan, min-​naħa tiegħu, iġib tifħir lil Alla tagħna. (Mt. 5:16) Il-​frott tal-​ispirtu b’liema modi hu differenti mill-​karatteristiki tad-​dinja taʼ Satana? Kif nistgħu nikkultivaw il-​frott tal-​ispirtu? Għala nistgħu nsibuh taʼ sfida biex nagħmlu dan? Se nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet hekk kif niddiskutu l-​ewwel tliet aspetti tal-​frott tal-​ispirtu—l-​imħabba, il-​ferħ, u l-​paċi.

L-​Imħabba Bbażata fuq Prinċipju Ogħla

4. Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex juru liema tip taʼ mħabba?

4 L-​imħabba li jipproduċi l-​ispirtu qaddis hi differenti mhux ħażin mit-​tip taʼ mħabba li hi komuni fid-​dinja. B’liema mod? Hi bbażata fuq prinċipju ogħla. Ġesù enfasizza din id-​differenza fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja. (Aqra Mattew 5:43-​48.) Hu nnota li anki l-​midinbin għandhom it-​tendenza li jittrattaw lil oħrajn kif jiġu trattati huma. “Imħabba” bħal din ma tinvolvix sagrifiċċju taʼ veru imma tfisser sempliċement li nagħmlu pjaċiri lil xulxin. Jekk irridu ‘nuru li aħna wlied Missierna li hu fis-​smewwiet,’ għandna nkunu differenti. Minflok ma nittrattaw lil oħrajn kif jittrattaw lilna, għandna nħarsu lejhom u nittrattawhom kif Ġeħova jħares lejhom u jittrattahom. Però, kif inhu possibbli li nħobbu l-​għedewwa tagħna, bħalma kkmanda Ġesù?

5. Kif nistgħu nuru mħabba lejn dawk li jippersegwitawna?

5 Ikkunsidra eżempju Bibliku. Waqt li kienu qed jippritkaw f’Filippi, Pawlu u Sila ġew arrestati, imsawtin bl-​aħrax, u mitfugħin fil-​ħabs taʼ ġewwa, fejn saqajhom ġew marbutin fil-​qjud. Waqt dan kollu jistaʼ jagħti l-​każ li ġew trattati ħażin mill-​kalzrier ukoll. Meta bla mistenni ġew meħlusin minħabba terremot, kienu huma ferħanin bil-​prospett li jpattuhielu lil dan ir-​raġel? Le. L-​interess sinċier tagħhom għall-​benesseri tiegħu—l-​imħabba mhix egoistika tagħhom—qanqalhom biex jaġixxu malajr għan-​nom tiegħu, u b’hekk għamluha possibbli għall-​kalzrier u dawk kollha taʼ daru biex isiru kredenti. (Atti 16:19-​34) Ħafna minn ħutna fi żmienna b’mod simili ‘bierku lil dawk li ppersegwitawhom.’—Rum. 12:14.

6. B’liema modi nistgħu nuru mħabba mhix egoistika lejn ħutna? (Ara l-​kaxxa f’paġna 21.)

6 L-​imħabba tagħna għal sħabna fit-​twemmin tinvolvi iktar. “Aħna għandna l-​obbligu li nagħtu ruħna għal ħutna.” (Aqra l-1 Ġwanni 3:16-​18.) Però, iktar spiss nistgħu nuru l-​imħabba b’modi iżgħar. Pereżempju, jekk ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li toffendi lil xi ħadd minn ħutna, nistgħu nuru l-​imħabba billi nieħdu l-​inizjattiva biex nagħmlu paċi. (Mt. 5:23, 24) Xi ngħidu jekk xi ħadd joffendina? Aħna ‘lesti li naħfru,’ jew kultant ikollna t-​tendenza li nżommu f’qalbna? (Salm 86:5) L-​imħabba intensa li jipproduċi l-​ispirtu qaddis tistaʼ tgħinna biex ngħattu nuqqasijiet żgħar, u naħfru mill-​qalb ‘bħalma Ġeħova ħafrilna mill-​qalb.’—Kol. 3:13, 14; 1 Pt. 4:8.

7, 8. (a) L-​imħabba għal Alla kif teffettwa l-​imħabba tagħna għan-​nies? (b) Kif nistgħu nkabbru l-​imħabba tagħna għal Ġeħova? (Ara l-​istampa t’hawn taħt.)

7 Kif nistgħu nikkultivaw imħabba mhix egoistika għal ħutna? Billi nkabbru mħabbitna għal Alla. (Efes. 5:1, 2; 1 Ġw. 4:9-​11, 20, 21) Il-​ħin li nieħdu biex inqattgħuh personalment maʼ Ġeħova fil-​qari tal-​Bibbja, fil-​meditazzjoni, u fit-​talb jinkuraġġina u jkabbar l-​imħabba tagħna għal Missierna tas-​sema. Madankollu, għandna bżonn nixtru l-​ħin biex nersqu qrib lejn Alla.

8 Biex nagħtu eżempju: Immaġina li hu possibbli li taqra l-​Kelma t’Alla, timmedita fuqha, u titlob lil Ġeħova matul ċerta siegħa biss kuljum. Ma kontx int tgħasses b’attenzjoni dan il-​ħin sabiex xejn ma jtelliflek il-​ħin persunali tiegħek maʼ Ġeħova? M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma jistaʼ jżommna milli nitolbu lil Alla, u l-​biċċa l-​kbira minna nistgħu naqraw il-​Bibbja meta rridu. Però, forsi jkollna nieħdu ċerti passi biex ma nħallux il-​ħafna attivitajiet taʼ kuljum itellfulna l-​ħin persunali tagħna m’Alla. Twarrab int kemm jistaʼ jkun ħin kuljum biex tersaq qrib lejn Ġeħova?

“Il-​Ferħ taʼ l-​Ispirtu Qaddis”

9. X’inhi karatteristika tal-​ferħ li l-​ispirtu qaddis jipproduċi?

9 Karatteristika li tispikka tal-​frott tal-​ispirtu hi l-​istabbilità tiegħu. Il-​ferħ, it-​tieni aspett li se nikkunsidraw, hu xempju taʼ din il-​karatteristika. Il-​ferħ hu bħal pjanta b’saħħitha li tistaʼ tiffjorixxi saħansitra f’ambjent ostili. Madwar l-​art, ħafna mill-​qaddejja t’Alla ‘aċċettaw il-​kelma bil-​ferħ taʼ l-​ispirtu qaddis minkejja ħafna tribulazzjoni.’ (1 Tess. 1:6) Oħrajn jiffaċċjaw tbatija u ċaħda. Madankollu, Ġeħova jagħtihom il-​qawwa permezz tal-​ispirtu tiegħu ‘sabiex jissaportu bis-​sħiħ u jibqgħu jistabru bil-​ferħ.’ (Kol. 1:11) X’inhu s-​sors taʼ dan il-​ferħ?

10. X’inhu s-​sors tal-​ferħ tagħna?

10 Kuntrarju għar-​“rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom” tad-​dinja taʼ Satana, it-​teżori spiritwali li ngħatajna mingħand Ġeħova għandhom valur dejjiemi. (1 Tim. 6:17; Mt. 6:19, 20) Quddiemna jpoġġi l-​prospett ferrieħi taʼ futur bla tmiem. Aħna ferħanin li nagħmlu parti minn fratellanza Kristjana mad-​dinja kollha. Fuq kollox, il-​ferħ tagħna hu bbażat fuq ir-​relazzjoni tagħna m’Alla. Aħna nidwu s-​sentimenti li esprima David, li għalkemm kien imġiegħel jgħix bħala maħrub, faħħar lil Ġeħova bil-​kant, billi qal: “Billi l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek hija aħjar mill-​ħajja, xofftejja se jfaħħruk. Għalhekk, se nbierkek matul ħajti.” (Salm 63:3, 4) Anki meta nesperjenzaw tbatijiet, qalbna timtela b’tifħir ferrieħi lil Alla.

11. Għala hu importanti li naqdu lil Ġeħova bil-​ferħ?

11 L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani: “Ifirħu dejjem fil-​Mulej. Nerġaʼ ngħidilkom, Ifirħu!” (Flp. 4:4) Għala hu importanti li l-​Kristjani jwettqu s-​servizz tagħhom lil Ġeħova bil-​ferħ? Minħabba l-​kwistjoni li qajjem Satana b’konnessjoni mas-​sovranità taʼ Ġeħova. Satana jsostni li ħadd ma jaqdi lil Alla minn qalbu. (Ġob 1:9-​11) Li kieku kellna naqdu lil Ġeħova bi dmir imma bla ferħ, kieku s-​sagrifiċċju taʼ tifħir tagħna ma jkunx sħiħ. Għalhekk, aħna nħabirku biex nagħtu widen għall-​parir tas-​salmista: “Aqdu lil Ġeħova bl-​hena. Idħlu quddiemu b’għajta ferriħija.” (Salm 100:2) Servizz mogħti minn qalb ferriħija u disposta jigglorifika lil Alla.

12, 13. X’nistgħu nagħmlu biex nikkumbattu sentimenti negattivi?

12 Però, realistikament anki l-​qaddejja devoti taʼ Ġeħova kultant se jkunu qalbhom sewda u jsibuha diffiċli biex iżommu ħarsa pożittiva. (Flp. 2:25-​30) X’jistaʼ jgħinna matul dawn iż-​żminijiet? Efesin 5:18, 19 jgħid: “Ibqgħu mtlew bl-​ispirtu, waqt li titkellmu bejnietkom b’salmi u tifħir lil Alla u għanjiet spiritwali, u tkantaw u takkumpanjaw lilkom infuskom bil-​mużika fi qlubkom lil Ġeħova.” Kif nistgħu napplikaw dan il-​parir?

13 Meta nkunu mkiddin b’sentimenti negattivi, nistgħu nitolbu lil Ġeħova bil-​ħrara u nagħmlu ħilitna biex nimmeditaw fuq affarijiet li jistħoqqilhom it-​tifħir. (Aqra Filippin 4:6-​9.) Xi wħud isibu li meta jisimgħu u jiħħammjaw rekordings tal-​għanjiet tagħna tas-​Saltna jagħmlu l-​qalb u jiġu megħjunin biex jaħsbu b’mod pożittiv. Ħu li għadda minn prova li spiss ġegħlitu jħossu frustrat u skuraġġit jiftakar: “Flimkien maʼ talb regulari mill-​qalb, tgħallimt bl-​amment ftit għanjiet tas-​Saltna. Kont inħoss kalma f’qalbi meta kont inkanta dan it-​tifħir sabiħ lil Ġeħova b’leħen għoli jew f’qalbi. Ukoll, madwar dak iż-​żmien ħareġ il-​ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah. Fis-​sena taʼ wara qrajtu darbtejn. Kien bħal balzmu taʼ serħan għal qalbi. Naf li Ġeħova bierek l-​isforzi tiegħi.”

“Ir-​Rabta li Tgħaqqad tal-​Paċi”

14. X’inhu aspett tal-​paċi taʼ min jinnotah li l-​ispirtu qaddis jipproduċi?

14 Fil-​konvenzjonijiet internazzjonali tagħna, delegati minn sfondi differenti jitpaxxew hekk kif jassoċjaw maʼ sħabhom il-​Kristjani. Xeni bħal dawn jenfasizzaw aspett tal-​paċi li jgawdi l-​poplu t’Alla llum—l-​unità globali tagħna. Xi spettaturi spiss jibqgħu mbellhin meta jaraw nies li jistennewhom li jobogħdu lil xulxin ‘jagħmlu ħilithom biex bil-​ħeġġa kollha jħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.’ (Efes. 4:3) Din l-​unità hi verament rimarkevoli meta nqisu dak li ħafna kellhom jegħlbu.

15, 16. (a) X’kien l-​isfond taʼ Pietru, u dan kif kien taʼ sfida għalih? (b) Ġeħova kif għen lil Pietru jaġġusta l-​attitudni tiegħu?

15 Hija sfida biex nies li huma taʼ sfondi differenti jingħaqdu flimkien. Sabiex niksbu dehen dwar xi jrid jiġi megħlub biex ikun hemm din l-​unità, ejja nikkunsidraw eżempju mill-​ewwel seklu, l-​appostlu Pietru. L-​attitudni tiegħu lejn il-​Ġentili mhux ċirkonċiżi tidher fi kliemu: “Tafu tajjeb kemm hu kontra l-​liġi li Lhudi jissieħeb maʼ xi ħadd taʼ razza oħra jew jersaq lejh; iżda Alla wrieni li m’għandi nsejjaħ lil ebda bniedem imniġġes jew mhux nadif.” (Atti 10:24-​29; 11:1-​3) Skont ħarsa li kienet komuni dak iż-​żmien, Pietru milli jidher trabba bit-​twemmin li l-​Liġi obbligatu biex iħobb biss lil sħabu l-​Lhud. Għandu mnejn kien normali għall-​aħħar għalih li jqis lill-​Ġentili bħala għedewwa taʼ min jobgħodhom. b

16 Immaġina ftit kemm ħassu skomdu Pietru hekk kif daħal fid-​dar taʼ Kornelju. Setaʼ raġel li qabel kellu ħarsa negattiva lejn il-​Ġentili qatt isir “magħqud flimkien b’mod armonjuż” magħhom “fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi”? (Efes. 4:3, 16) Iva, għax ftit jiem biss qabel, l-​ispirtu t’Alla kien fetaħ qalb Pietru, u għenu jibda jaġġusta l-​attitudni tiegħu u jegħleb il-​preġudizzju tiegħu. Permezz taʼ viżjoni, Ġeħova għamilhielu ċara li l-​mod kif Alla jħares lejn in-​nies mhuwiex determinat mir-​razza jew min-​nazzjonalità. (Atti 10:10-​15) B’hekk, Pietru setaʼ jgħid lil Kornelju: “Tassew qed nifhem li Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35) Pietru nbidel, u tassew ngħaqad mal-​“fratellanza kollha.”—1 Pt. 2:17.

17. L-​unità li jgawdi l-​poplu t’Alla kif inhi rimarkevoli?

17 L-​esperjenza taʼ Pietru tgħinna napprezzaw it-​trasformazzjoni rimarkevoli li llum qed isseħħ fost il-​poplu t’Alla. (Aqra Isaija 2:3, 4.) Miljuni taʼ nies “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien” aġġustaw il-​mod taʼ ħsib tagħhom biex ikun fi qbil mar-​“rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Riv. 7:9; Rum. 12:2) Ħafna minn dawn xi darba kienu influwenzati mill-​mibegħda u l-​firda tad-​dinja taʼ Satana. Imma permezz taʼ studju tal-​Kelma t’Alla u bl-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis, tgħallmu ‘jiġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi.’ (Rum. 14:19) L-​unità li rriżultat minn dan iġġib tifħir lil Alla.

18, 19. (a) Kull wieħed u waħda minna kif jistaʼ jikkontribwixxi għall-​paċi u l-​unità tal-​kongregazzjoni? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

18 Kull wieħed u waħda minna kif jistaʼ jikkontribwixxi għall-​paċi u l-​unità li jinsabu fost il-​poplu t’Alla? F’ħafna kongregazzjonijiet hemm uħud li ġejjin minn pajjiżi barranin. Xi wħud forsi għandhom drawwiet differenti jew forsi ma jitkellmux il-​lingwa tagħna sew. Nagħmlu sforz aħna biex insiru nafuhom? Il-​Kelma t’Alla hekk tħeġġiġna nagħmlu. Meta kiteb lill-​kongregazzjoni f’Ruma, li fiha kien hemm kemm kredenti Lhud kif ukoll Ġentili, Pawlu stqarr: “Ilqgħu lil xulxin bħalma l-​Kristu wkoll laqaʼ lilna, biex Alla jiġi glorifikat.” (Rum. 15:7) Hemm xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħek li tistaʼ ssir tafu aħjar?

19 X’nistgħu nagħmlu iktar biex inħallu l-​ispirtu qaddis jaħdem f’ħajjitna? L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra din il-​mistoqsija hekk kif niddiskutu l-​aspetti li fadal tal-​frott tal-​ispirtu.

[Noti taʼ taħt]

a Il-​frott li semma Ġesù jinkludi kemm “il-​frott taʼ l-​ispirtu” kif ukoll “il-​frott tax-​xofftejn,” li l-​Kristjani joffru lil Alla permezz tax-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna.—Ebr. 13:15.

b Levitiku 19:18 jgħid: “Tivvendikax ruħek u lanqas iżżomm f’qalbek għal ulied il-​poplu tiegħek; u ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Mexxejja reliġjużi Lhud kienu jemmnu li “wlied il-​poplu” u “għajrek” kienu jirreferu għal-​Lhud biss. Il-​Liġi kienet teħtieġ li l-​Iżraelin jibqgħu separati mill-​ġnus l-​oħrajn. Madankollu, m’approvatx il-​ħarsa li kienu jippromwovu l-​mexxejja reliġjużi tal-​ewwel seklu, jiġifieri, li dawk kollha li ma kinux Lhud kienu għedewwa u kellhom jiġu mibgħudin bħala individwi.

Int Kif Twieġeb?

• Kif nistgħu nuru mħabba mhix egoistika lejn ħutna?

• Għala hu importanti li nwettqu bil-​ferħ is-​servizz tagħna lil Alla?

• Kif nistgħu nikkontribwixxu għall-​paċi u l-​unità tal-​kongregazzjoni?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 21]

“Dawn Huma l-​Kristjani Veri”

Il-​ktieb Between Resistance and Martyrdom—Jehovah’s Witnesses in the Third Reich jirrakkonta l-​kummenti taʼ żagħżugħ Lhudi li kien ħabsi, u fih jiddeskrivi l-​ewwel darba li ltaqaʼ max-​Xhieda taʼ Ġeħova wara li wasal fil-​kamp tal-​konċentrament taʼ Neuengamme.

“Malli aħna l-​Lhud minn Dachau dħalna fil-​blokk, il-​Lhud l-​oħrajn bdew jaħbu kulma kellhom sabiex ma jkollhomx għalfejn jaqsmu magħna. . . . Barra [l-​kamp tal-​konċentrament], konna għenna lil xulxin. Imma hawnhekk, f’sitwazzjoni taʼ ħajja jew mewt, it-​tħassib ewlieni taʼ kulħadd hu li jsalva ruħu, u jinsa lill-​oħrajn. Imma aqtaʼ x’kienu qed jagħmlu l-​Istudenti tal-​Bibbja? F’dak iż-​żmien, kellhom jaħdmu iebes ħafna, għax kienu qed isewwu xi kanen tal-​ilma. It-​temp kien kiesaħ u kienu weqfin ġurnata sħiħa f’ilma inġazzat. Ħadd ma setaʼ jifhem kif setgħu jissaportuh dan. Huma qalu li Ġeħova jagħtihom is-​saħħa. Kienu jeħtiġuh ħafna l-​ħobż tagħhom, bħalma kellna bżonnu aħna, għax kienu bil-​ġuħ. Imma x’kienu qed jagħmlu? Ġabru l-​ħobż kollu li kellhom, ħadu nofsu għalihom, u n-​nofs l-​ieħor tawh lil sħabhom fit-​twemmin li kienu għadhom kif waslu minn Dachau. U laqgħuhom u bisuhom. Qabel ma kielu, qalu talba. Wara, ilkoll kienu sodisfatti u henjin. Qalu li ma kinux għadhom bil-​ġuħ. Qed tifhem, dan hu meta jien għedt bejni u bejn ruħi: Dawn huma l-​Kristjani veri.”

[Stampi f’paġna 19]

Tixtri int ħin kuljum minn attivitajiet oħrajn sabiex tersaq qrib lejn Ġeħova?