Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tagħraf Int l-Evidenza tal-Gwida t’Alla?

Tagħraf Int l-Evidenza tal-Gwida t’Alla?

LA L-​IŻRAELIN u lanqas l-​Eġizzjani ma kienu raw xi ħaġa bħalha qabel. Hekk kif l-​Iżraelin għamlu l-​Eżodu tagħhom mill-​Eġittu, kolonna tas-​sħab ittajret qribhom u baqgħet magħhom jum wara l-​ieħor. Billejl saret kolonna tan-​nar. Min jaf kemm qanqlet stagħġib! Imma minn fejn ġiet? X’kien l-​iskop tagħha? U issa, xi 3,500 sena wara, aħna x’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Iżrael qies “il-​kolonna tan-​nar u s-​sħab”?—Eżo. 14:24.

Il-​Kelma t’Alla tirrivela s-​sors u l-​iskop tal-​kolonna, billi tgħid: “Ġeħova għadda quddiemhom bi nhar f’kolonna tas-​sħab sabiex imexxihom fit-​triq, u bil-​lejl f’kolonna tan-​nar ħalli jagħtihom id-​dawl biex jimxu bi nhar u bil-​lejl.” (Eżo. 13:21, 22) Alla Ġeħova uża l-​kolonna tan-​nar u s-​sħab biex jiggwida lill-​poplu tiegħu ’l barra mill-​Eġittu u fix-​xagħri. Kellhom ikunu lesti li jiċċaqalqu sabiex isegwuha. Meta l-​forzi Eġizzjani li kienu qed jiġru warajhom kienu kważi se jattakkaw lill-​poplu t’Alla, il-​kolonna resqet bejn iż-​żewġ gruppi, u b’hekk ipproteġiet lill-​Iżraelin. (Eżo. 14:19, 20) Għalkemm il-​kolonna ma indikatx l-​iktar rotta diretta, l-​uniku mod biex Iżrael jasal fl-​Art Imwiegħda kien billi jsegwi t-​tmexxija tagħha.

Il-​preżenza tal-​kolonna assigurat lill-​poplu t’Alla li Ġeħova kien magħhom. Kienet tirrappreżenta lil Ġeħova, u kultant tkellem minn ġo fiha. (Num. 14:14; Salm 99:7) Iktar minn hekk, is-​sħaba identifikat lil Mosè bħala l-​wieħed maħtur minn Ġeħova biex imexxi lill-​ġens. (Eżo. 33:9) Bl-​istess mod, l-​aħħar dehra dokumentata tas-​sħaba kkonfermat il-​fatt li Ġeħova ħatar lil Ġożwè bħala s-​suċċessur taʼ Mosè. (Dt. 31:14, 15) Tabilħaqq, is-​suċċess tal-​Eżodu ddependa milli l-​Iżraelin jagħrfu l-​evidenza tal-​gwida t’Alla u mbagħad isegwuha.

Ma Baqgħux Jaraw l-​Evidenza

Meta l-​Iżraelin raw dik il-​kolonna għall-​ewwel darba, min jaf kif baqgħu miblugħin. Però, b’dispjaċir, il-​miraklu li l-​ħin kollu setgħu jaraw ma baqax jimpressjona lill-​Iżraelin biżżejjed biex ikollhom fiduċja dejjiema f’Ġeħova. Huma sfidaw il-​gwida t’Alla diversi drabi. Meta l-​armata Eġizzjana ġriet warajhom, ma wrew ebda fiduċja fil-​qawwa li ssalva taʼ Ġeħova. Minflok, huma akkużaw lil Mosè, il-​qaddej t’Alla, li kien mexxiehom lejn mewthom. (Eżo. 14:10-​12) Wara l-​ħelsien tagħhom mill-​Baħar l-​Aħmar, huma gergru kontra Mosè, Aron, u Ġeħova għal dak li huma ħasbu li kien nuqqas t’ikel u ilma. (Eżo. 15:22-​24; 16:1-​3; 17:1-​3, 7) U xi ġimgħat wara dan, għamlu pressjoni fuq Aron biex jagħmel għoġol tad-​deheb. Immaġina ftit! F’naħa waħda tal-​kamp tagħhom, l-​Iżraelin raw il-​kolonna tan-​nar u s-​sħab—l-​evidenza maestuża tal-​Wieħed li kien ħariġhom mill-​Eġittu—u mhux ’il bogħod minn hemmhekk, huma bdew iqimu idolu bla ħajja, billi qalu: “Dan hu Alla tiegħek, O Israel, li tellgħek mill-​art taʼ l-​Eġittu.” X’“atti kbar taʼ nuqqas taʼ rispett”!—Eżo. 32:4; Neħ. 9:18.

L-​atti ribellużi taʼ Iżrael urew diżrispett kbir lejn il-​gwida taʼ Ġeħova. Il-​problema ma kinitx fil-​vista fiżika tagħhom, imma fil-​ħarsa spiritwali tagħhom. Huma rawha l-​kolonna, imma ma baqgħux japprezzaw is-​sinifikat tagħha. Għalkemm l-​azzjonijiet tagħhom “weġġgħu lill-​Qaddis taʼ Israel,” Ġeħova bi ħniena kompla jipprovdi gwida permezz tal-​kolonna sakemm Iżrael wasal fl-​Art Imwiegħda.—Salm 78:40-​42, 52-​54; Neħ. 9:19.

Ara l-​Evidenza tal-​Gwida Divina Llum

B’mod simili, fi żmienna, Ġeħova qatt ma ħalla lill-​poplu tiegħu mingħajr gwida ċara. Sewwasew bħalma ma stenniex li l-​Iżraelin isibu t-​triq tagħhom waħedhom, illum aħna ma ġejniex mitlubin insibu t-​triq għal ġod-​dinja l-​ġdida mwiegħda waħedna. Ġesù Kristu hu l-​Mexxej inkarigat tal-​kongregazzjoni. (Mt. 23:10; Efes. 5:23) Hu ta xi awtorità lil klassi taʼ ilsir leali, magħmula minn Kristjani leali midlukin bl-​ispirtu. Din il-​klassi tal-​ilsir, min-​naħa tagħha, taħtar indokraturi fil-​kongregazzjoni Kristjana.—Mt. 24:45-​47; Titu 1:5-​9.

Kif nistgħu nkunu żguri mill-​identità taʼ din il-​klassi tal-​ilsir, jew prokuratur, leali? Innota kif jiddeskriviha Ġesù stess: “Min hu tassew il-​prokuratur leali, l-​għaqli, li sidu jaħtru fuq il-​ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu biex jibqaʼ jagħtihom is-​sehem tagħhom taʼ l-​ikel fiż-​żmien xieraq? Hieni dak l-​ilsir li sidu, meta jasal, isibu jagħmel hekk!”—Lq. 12:42, 43.

Għaldaqstant, il-​klassi tal-​prokuratur hi “leali,” billi qatt ma tittradixxi jew tabbanduna lil Ġeħova, lil Ġesù, il-​veritajiet Bibliċi, jew lill-​poplu t’Alla. Peress li hi ‘għaqlija,’ il-​klassi tal-​prokuratur turi l-​għaqal f’li tidderieġi x-​xogħol importanti ferm tal-​ippritkar tal-​“aħbar tajba tas-​saltna” u f’li tagħmel “dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.” (Mt. 24:14; 28:19, 20) “Fiż-​żmien xieraq,” il-​klassi tal-​prokuratur b’ubbidjenza tqassam l-​ikel spiritwali li hu sustanzjuż u nutrittiv. L-​approvazzjoni taʼ Ġeħova tidher minn kemm ibierek lill-​poplu tiegħu b’żieda, bi gwida f’deċiżjonijiet importanti, b’fehma aħjar tal-​veritajiet tal-​Bibbja, bi protezzjoni milli jinqerdu għalkollox mill-​għedewwa tagħhom, u b’paċi tal-​moħħ u tal-​qalb.—Is. 54:17; Flp. 4:7.

Wieġeb għall-​Gwida t’Alla

Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-​gwida t’Alla? L-​appostlu Pawlu qal: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom.” (Ebr. 13:17) Li nagħmlu dan mhux dejjem ikun faċli. Biex nagħtu eżempju: Poġġi lilek innifsek minflok Iżraeli fi żmien Mosè. Immaġina li wara li tkun ilek miexi għal xi żmien, il-​kolonna tieqaf. Kemm se ddum wieqfa hemmhekk? Jum? Ġimgħa? Diversi xhur? Għandek mnejn taħseb, ‘Jaqbilli noħroġ l-​affarijiet kollha tiegħi?’ Għall-​ewwel, forsi toħroġ biss l-​affarijiet l-​iktar neċessarji. Madankollu, wara ftit jiem, billi int frustrat int u tfittex fl-​affarijiet tiegħek, tibda toħroġ kollox. Imma mbagħad, eżatt kif kważi spiċċajt toħroġ kollox, tara l-​kolonna tielgħa—u trid terġaʼ tibda tippakkja mill-​ġdid! Dan ma jkunx daqstant faċli jew konvenjenti. Però, l-​Iżraelin kellhom “jitilqu minnufih.”—Num. 9:17-​22.

Allura, kif nirreaġixxu meta ningħataw direzzjoni divina? Nipprovaw napplikawha “minnufih”? Jew inkomplu nagħmlu l-​affarijiet kif imdorrijin nagħmluhom? Familjari aħna mad-​direzzjonijiet aġġornati, bħal dawk li għandhom x’jaqsmu maʼ kif nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar, nippritkaw lil nies li jitkellmu b’lingwa barranija, nieħdu sehem regolarment fil-​qima tal-​familja, nikkooperaw mal-​Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet, u nġibu ruħna kif jixraq f’konvenzjonijiet? Aħna nuru wkoll l-​apprezzament tagħna għall-​gwida t’Alla billi naċċettaw il-​pariri. Meta niffaċċjaw deċiżjonijiet importanti, ma nafdawx fl-​għerf tagħna stess, imma nduru lejn Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu għall-​gwida. U sewwasew bħalma tifel ifittex il-​protezzjoni tal-​ġenituri tiegħu meta tfaqqaʼ xi tempesta, aħna nfittxu l-​protezzjoni fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova meta, bħal maltempata, nintlaqtu mill-​problemi taʼ din id-​dinja.

Naturalment, dawk li jieħdu t-​tmexxija fl-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art mhumiex perfetti—imma lanqas Mosè ma kien perfett. Minkejja dan, il-​kolonna l-​ħin kollu pprovdiet evidenza tal-​ħatra divina tiegħu u tal-​approvazzjoni t’Alla. Innota wkoll li mhux kull Iżraeli kellu jiddetermina meta jibdew jiċċaqalqu. Minflok, in-​nies aġixxew “bl-​ordni taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè.” (Num. 9:23) B’hekk, Mosè, il-​mezz taʼ direzzjoni t’Alla, x’aktarx li ta s-​sinjal biex jiċċaqalqu.

Illum, il-​klassi tal-​prokuratur taʼ Ġeħova tagħti sinjal ċar kull meta jkun il-​waqt biex naġixxu. Il-​prokuratur kif jagħmlu dan? Permezz t’artikli fit-​Torri tal-​Għassa u Il-​Ministeru tas-​Saltna, permezz taʼ pubblikazzjonijiet ġodda, u taʼ taħditiet f’assembleat u konvenzjonijiet. L-​istruzzjonijiet jingħataw ukoll lill-​kongregazzjonijiet permezz taʼ indokraturi li jivvjaġġaw jew permezz taʼ ittri jew sessjonijiet taʼ taħriġ li jattendu għalihom aħwa rġiel li għandhom responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni.

Tagħraf int b’mod ċar l-​evidenza tal-​gwida divina? Ġeħova juża l-​organizzazzjoni tiegħu biex jiggwida lilna, il-​poplu tiegħu, “fix-​xagħri” matul dawn l-​aħħar jiem tad-​dinja mill-​agħar taʼ Satana. Minħabba f’hekk, aħna ngawdu l-​unità, l-​imħabba, u s-​sigurtà.

Meta Iżrael wasal fl-​Art Imwiegħda, Ġożwè qal: “Intom tafu sew b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li lanqas kelma waħda mill-​kliem tajjeb kollu li Ġeħova Alla tagħkom qalilkom ma naqset. Kollu seħħ għalikom.” (Ġoż. 23:14) Bl-​istess mod, in-​nies t’Alla llum żgur li se jidħlu fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda. Madankollu, jekk hux se nkunu hemmhekk personalment jiddependi ħafna minn kemm aħna lesti li nsegwu d-​direzzjoni t’Alla b’umiltà. Għalhekk, jalla lkoll inkomplu nagħrfu l-​evidenza tal-​gwida taʼ Ġeħova!

[Stampi f’paġna 5]

Illum, qed niġu gwidati mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova

Pubblikazzjonijiet ġodda f’konvenzjoni

Taħriġ teokratiku

Taħriġ fil-​laqgħat għas-​servizz