Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ersaq Qrib Lejn Alla

“Ġeħova r-Ragħaj Tiegħi”

“Ġeħova r-Ragħaj Tiegħi”

ĦARES lejn l-​istampa f’din il-​paġna. Tistaʼ tħoss is-​sigurtà taʼ dan il-​ħaruf li qiegħed fi ħdan ir-​ragħaj tiegħu? F’Salm 23, il-​Bibbja tuża l-​metafora taʼ ragħaj u n-​nagħaġ tiegħu biex tagħti stampa tal-​mod teneru li bih Ġeħova jieħu ħsieb l-​aduraturi tiegħu. Iridna nħossu s-​sigurtà li jkollhom dawk li, bħas-​salmista David, b’fiduċja jistgħu jgħidu: “Ġeħova r-​Ragħaj tiegħi.” a​—Vers 1.

David, il-​kittieb taʼ dan is-​salm, meta kien żagħżugħ kien ragħaj. Kien jaf il-​bżonnijiet tan-​nagħaġ u r-​responsabbiltajiet taʼ ragħaj. David, li personalment kien ra kif Alla ħa ħsiebu f’ħajtu, kiteb dak li ssejjaħ “salm t’assiguranza jew fiduċja.” L-​isem divin, Ġeħova, jidher fil-​bidu u fl-​aħħar tas-​salm. (Versi 16) Il-​versi taʼ bejniethom jiddeskrivu tliet modi li bihom Ġeħova jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu bħalma ragħaj jieħu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu.​—Salm 100:3.

Ġeħova jmexxi lin-​nagħaġ tiegħu. In-​nagħaġ għandhom it-​tendenza li jintilfu mingħajr ir-​ragħaj tagħhom. B’mod simili, aħna għandna bżonn l-​għajnuna biex insibu t-​triq it-​tajba fil-​ħajja. (Ġeremija 10:23) Ġeħova, jispjega David, jiggwida lill-​poplu tiegħu “f’mergħat iħaddru” u f’“postijiet taʼ mistrieħ imsoqqijin tajjeb.” Imexxihom “fil-​mogħdijiet tas-​sewwa.” (Versi 23) Din il-​metafora tassigurana li nistgħu nafdaw f’Alla. Billi nsegwu d-​direzzjoni tal-​ispirtu tiegħu bħalma nsibuha fil-​Bibbja, nistgħu nsusu wara mod taʼ ħajja li jġib kuntentizza, serħan, u sigurtà.

Ġeħova jipproteġi lin-​nagħaġ tiegħu. Mingħajr ir-​ragħaj tagħhom, in-​nagħaġ ikunu beżgħanin u bla difiża. Ġeħova jgħid lill-​poplu tiegħu li m’għandux għalfejn jibżaʼ, lanqas saħansitra meta ‘jimxi fil-​wied taʼ dlam ċappa’—matul dak li jistaʼ jidher li hu l-​iktar perijodu ikrah fil-​ħajja taʼ persuna. (Vers 4) Ġeħova lill-​aduraturi tiegħu jħarishom, dejjem lest li jgħinhom. Jistaʼ jagħtihom l-​għerf u s-​saħħa li għandhom bżonn sabiex ikampaw mal-​provi.—Filippin 4:13; Ġakbu 1:2-​5.

Ġeħova jitmaʼ lin-​nagħaġ tiegħu. In-​nagħaġ jiddependu mir-​ragħaj tagħhom biex isibilhom l-​ikel. Aħna għandna bżonn spiritwali li jistaʼ jiġi sodisfat biss bl-​għajnuna t’Alla. (Mattew 5:3) Fortunatament, Ġeħova jipprovdi b’mod ġeneruż, billi jifrex quddiem il-​qaddejja tiegħu mejda mimlija affarijiet tajbin. (Vers 5) Il-​Bibbja u l-​għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja, bħar-​rivista li qed taqra, huma sors t’ikel spiritwali li jissodisfa l-​bżonn tagħna biex insiru nafu t-​tifsir tal-​ħajja u l-​iskop t’Alla għalina.

David ħassu fis-​sigurtà, għax kien jaf li jekk jibqaʼ qrib ir-​Ragħaj tas-​sema tiegħu, kien se jesperjenza l-​mod kollu mħabba kif Ġeħova jieħu ħsiebu ‘l-​jiem kollha taʼ ħajtu.’ (Vers 6) Tixxennaq int għal sigurtà bħal din? Jekk iva, tgħallem kif tistaʼ tersaq qrib lejn Ġeħova. B’hekk, tkun tistaʼ tħossok fis-​sigurtà fid-​dirgħajn tar-​Ragħaj il-​Kbir, li jmexxi, jipproteġi, u jitmaʼ lil dawk li jibqgħu leali lejh.—Isaija 40:11.

[Nota taʼ taħt]

a Ħafna qarrejja huma familjari mat-​traduzzjoni “Il-​Mulej hu r-​ragħaj tiegħi.” Biex issir taf għala xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jħallu barra l-​isem divin, Ġeħova, ara paġni 195-​197 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.