Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandhom Jitgħammdu l-Adoloxxenti?

Għandhom Jitgħammdu l-Adoloxxenti?

“KEMM jien ferħan li binti issa hi qaddejja taʼ Ġeħova, u naf li hi ferħana wkoll,” qal Carlos, a missier Kristjan fil-​Filippini. Missier mill-​Greċja kiteb: “Jien u marti kuntenti ħafna li t-​tlett itfal tagħna tgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova matul l-​adoloxxenza tagħhom. Qed jagħmlu progress spiritwali u huma henjin li qed jaqdu lil Ġeħova.”

Il-​ġenituri Kristjani għandhom raġun ikunu ferħanin immens meta wliedhom jitgħammdu, imma kultant flimkien mal-​ferħ ikollhom ukoll l-​inċertezzi. “Jien kont ferħana ħafna u ansjuża ferm,” qalet waħda omm. Għala dawn l-​emozzjonijiet imħawdin? “Jien fhimt li issa ibni jrid jagħti kont tiegħu nnifsu lil Ġeħova.”

L-​adoloxxenti kollha għandhom ikollhom il-​mira li jaqdu lil Ġeħova bħala wieħed mix-​Xhieda mgħammdin tiegħu. Madankollu, il-​ġenituri li jibżgħu minn Alla għandhom mnejn jaħsbu, ‘Naf li ibni għamel progress ġmielu, imma hu sod biżżejjed biex jirreżisti pressjonijiet immorali u jibqaʼ nadif quddiem Ġeħova?’ Oħrajn forsi jistaqsu lilhom infushom, ‘Meta jiffaċċja t-​tentazzjoni tal-​materjaliżmu, ibni se jkompli jaqdi lil Alla bil-​ferħ u biż-​żelu?’ B’hekk, liema gwida Biblika tistaʼ tgħin lill-​ġenituri jkunu jafu jekk uliedhom humiex lesti għall-​magħmudija?

L-​Iktar Ħtieġa Importanti Hi li Wieħed Ikun Dixxiplu

Minflok ma tispeċifika età biex dak li jkun jitgħammed, il-​Kelma t’Alla tiddeskrivi l-​kundizzjoni spiritwali taʼ dawk li jikkwalifikaw biex jieħdu dan il-​pass. Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu: “Agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, [u] għammduhom.” (Mt. 28:19) Għalhekk, il-​magħmudija hi għal dawk li diġà huma dixxipli taʼ Kristu.

X’inhu dixxiplu? Il-​ktieb Insight on the Scriptures jispjega: “Dan it-​terminu japplika prinċipalment għal dawk kollha li mhux biss jemmnu fit-​tagħlim taʼ Kristu, imma wkoll isegwuh mill-​qrib.” Huma adoloxxenti relattivament żgħar kapaċi jkunu dixxipli ġenwini taʼ Kristu? Oħt li ilha taqdi bħala missjunarja fl-​Amerika Latina għal iktar minn 40 sena tikteb dwarha nfisha u dwar iż-​żewġ ħutha bniet: “Konna kbar biżżejjed biex inkunu nafu li ridna naqdu lil Ġeħova u ngħixu fil-​Ġenna tal-​art. Id-​dedikazzjoni tagħna għenitna nkunu sodi meta ffaċċjajna t-​tentazzjonijiet taż-​żgħożija. Ma jiddispjaċiniex li ddedikajna ħajjitna lil Alla taʼ età żgħira.”

Kif tkun taf jekk ibnek sarx dixxiplu taʼ Kristu? Il-​Bibbja tgħid: “Saħansitra tifel jintgħaraf minn għemilu, jekk hux pur u rett f’dak li jagħmel.” (Prov. 20:11) Ikkunsidra xi prattiki li juru li żagħżugħ ‘qed javanza’ bħala dixxiplu.—1 Tim. 4:15.

Evidenza li Dak li Jkun Hu Dixxiplu

It-​tifel tiegħek jobdik? (Kol. 3:20) Jagħmel ix-​xogħol li tqabbdu fid-​dar? Dwar Ġesù meta kellu 12-​il sena, il-​Bibbja tistqarr: “Baqaʼ sottomess [lejn il-​ġenituri tiegħu].” (Lq. 2:51) Naturalment, l-​ebda iben illum mhu se jobdi lill-​ġenituri tiegħu b’mod perfett. Imma l-​Kristjani veri għandhom ‘jimxu mill-​qrib wara l-​passi taʼ Ġesù.’ Għalhekk, iż-​żgħażagħ li huma interessati fil-​magħmudija għandhom ikunu magħrufin għall-​ubbidjenza tagħhom lejn il-​ġenituri tagħhom.—1 Pt. 2:21.

Ikkunsidra l-​mistoqsijiet li ġejjin: Ibnek ‘jibqaʼ jfittex l-​ewwel is-​Saltna’ fil-​ministeru? (Mt. 6:33) Lest hu li jaqsam l-​aħbar tajba m’oħrajn, jew ikollok tinkuraġġih ħafna biex joħroġ fis-​servizz tal-​għalqa u jitkellem fuq il-​bibien? Konxju hu tar-​responsabbiltà tiegħu bħala pubblikatur mhux mgħammed? Għandu xewqa li jagħmel iż-​żjajjar lura lin-​nies interessati li jiltaqaʼ magħhom fit-​territorju? Jgħarraf hu lil sħabu tal-​iskola u lill-​għalliema li hu Xhud taʼ Ġeħova?

Huwa importanti għalih li jattendi l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni? (Salm 122:1) Jieħu pjaċir jikkummenta waqt l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa u waqt l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni? Qiegħed jipparteċipa b’entużjażmu fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku?—Ebr. 10:24, 25.

Qiegħed jistinka ibnek biex jibqaʼ nadif moralment, billi jevita sħubija perikoluża fl-​iskola u f’postijiet oħrajn? (Prov. 13:20) X’inhuma l-​preferenzi tiegħu rigward il-​mużika, il-​films, il-​programmi televiżivi, il-​logħob tal-​kompjuter, u l-​użu tal-​Internet? Kliemu u għemilu jagħtu evidenza li jrid jgħix fi qbil mal-​livelli tal-​Bibbja?

Ibnek kemm jafha sew il-​Bibbja? Jistaʼ jgħid fi kliemu dak li jitgħallem matul il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja? Jistaʼ jispjega veritajiet bażiċi tal-​Bibbja? (Prov. 2:6-​9) Jinteressawh il-​qari tal-​Bibbja u l-​istudju taʼ pubblikazzjonijiet mill-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli? (Mt. 24:45) Jistaqsi mistoqsijiet dwar tagħlim u versi Bibliċi?

Dawn il-​mistoqsijiet jistgħu jgħinuk tkejjel il-​progress spiritwali taʼ ibnek. Wara li tikkunsidrahom, għandek mnejn tikkonkludi li hu għandu jitjieb f’xi qasam qabel ma jitgħammed. Madankollu, jekk ħajtu tagħti evidenza li hu dixxiplu u tabilħaqq iddedika ħajtu lil Alla, forsi tħoss li tistaʼ tħallih jitgħammed.

Iż-​Żgħażagħ Jistgħu Jfaħħru lil Ġeħova

Ħafna qaddejja t’Alla wrew fedeltà u lealtà matul l-​adoloxxenza jew qabel. Aħseb f’Ġużeppi, f’Samwel, f’Ġosija, u f’Ġesù. (Ġen. 37:2; 39:1-​3; 1 Sam. 1:24-​28; 2:18-​20; 2 Kron. 34:1-​3; Lq. 2:42-​49) U l-​erbat ibniet taʼ Filippu, li kienu jipprofetizzaw, żgur li ġew imħarrġin sew minn età żgħira.—Atti 21:8, 9.

Xhud fil-​Greċja qal: “Jien tgħammidt meta kelli 12-​il sena. Qatt ma ddispjaċieni mid-​deċiżjoni tiegħi. Minn dakinhar ’l hawn, għaddew 24 sena, u 23 minnhom qattajthom fis-​servizz full-​time. L-​imħabba tiegħi għal Ġeħova dejjem għenitni niffaċċja d-​diffikultajiet taż-​żgħożija. Fl-​età taʼ 12-​il sena, ma kellix l-​għarfien Skritturali li għandi issa, imma kont naf li nħobb lil Ġeħova u li ridt naqdih għal dejjem. Jien grat li hu għenni nkompli fis-​servizz tiegħu.”

Sew jekk żgħir u sew jekk kbir, individwu li jagħti evidenza li hu dixxiplu veru għandu jitgħammed. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Bil-​qalb wieħed jeżerċita l-​fidi għall-​ġustizzja, imma bil-​fomm jistqarr pubblikament għas-​salvazzjoni.” (Rum. 10:10) Meta dixxiplu żagħżugħ taʼ Kristu jieħu l-​pass importanti tal-​magħmudija, kemm hu u kemm il-​ġenituri tiegħu jkunu laħqu mira sinifikanti. Jalla ma jkun hemm xejn li jċaħħad lilkom jew lil uliedkom mill-​ferħ li hemm jistenniekom.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin. Waqt li se nirreferu għat-​tfal fil-​maskil, il-​prinċipji li se jiġu diskussi japplikaw għaż-​żewġ sessi.

[Kaxxa f’paġna 5]

Il-​Ħarsa Xierqa Lejn il-​Magħmudija

Xi ġenituri jikkunsidraw il-​magħmudija taʼ wliedhom bħala pass taʼ benefiċċju li jinvolvi riskju—simili ħafna għal li wieħed jikseb il-​liċenzja tas-​sewqan. Imma l-​magħmudija u s-​servizz sagru, qatt jipperikolaw is-​suċċess li persuna jkollha fil-​futur? Il-​Bibbja twieġeb le. Proverbji 10:22 jgħid: “Il-​barka taʼ Ġeħova—hi li ġġib l-​għana, u hu ma jżid l-​ebda wġigħ magħha.” U Pawlu kiteb liż-​żagħżugħ Timotju: “Tabilħaqq, hi mezz taʼ qligħ kbir din id-​devozzjoni lejn Alla flimkien maʼ li wieħed ikun kuntent b’dak li għandu.”—1 Tim. 6:6.

Veru, li naqdu lil Ġeħova mhuwiex faċli. Ġeremija ffaċċja ħafna tbatijiet fix-​xogħol tiegħu bħala profeta t’Alla. Madankollu, hu kiteb dwar il-​qima tiegħu lill-​Alla l-​veru: “Kelmtek saret għalija l-​ferħ u l-​hena taʼ qalbi; għax ismek issejjaħ fuqi, O Ġeħova, Alla taʼ l-​armati.” (Ġer. 15:16) Ġeremija kien jaf li s-​servizz t’Alla kien is-​sors tal-​ferħ tiegħu. Id-​dinja taʼ Satana hi sors taʼ tbatija. Il-​ġenituri għandhom bżonn jgħinu lil uliedhom jirrikonoxxu din id-​distinzjoni.—Ġer. 1:⁠19.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

Għandu Ibni Jistenna Biex Jitgħammed?

Kultant, anki meta t-​tfal jikkwalifikaw għall-​magħmudija, il-​ġenituri tagħhom għandhom mnejn jiddeċiedu li għandha tiġi posposta. X’jistgħu jkunu r-​raġunijiet tagħhom?

Nibżaʼ li jekk ibni jitgħammed, iktar tard forsi jagħmel xi dnub serju u jiġi maqtugħ mis-​sħubija. Huwa raġunevoli li temmen li żagħżugħ li jistenna biex jitgħammed mhux se jkollu jagħti kont lil Alla għal imġibtu? Salamun kiteb il-​kliem li ġej liż-​żgħażagħ: “Kun af li l-​Alla l-​veru se jiġġudikak [għall-​għemejjel tiegħek].” (Ekk. 11:9) Pawlu ma rrefera għal ebda età speċifika meta ta din it-​tfakkira: “Kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.”—Rum. 14:12.

Kemm aduraturi mgħammdin kif ukoll dawk mhux mgħammdin iridu jagħtu kont lil Alla. Tinsiex, Ġeħova jipproteġi lill-​qaddejja tiegħu billi ‘ma jħallihomx jiġu ttantati iktar milli jifilħu.’ (1 Kor. 10:13) Sakemm ‘jibqgħu f’sensihom’ u jirreżistu t-​tentazzjoni, uħud bħal dawn jistgħu jistrieħu fuq l-​appoġġ t’Alla. (1 Pt. 5:6-​9) Omm Kristjana tikteb: “It-​tfal li huma mgħammdin għandhom iktar raġunijiet biex iżommu ’l bogħod mill-​affarijiet ħżiena tad-​dinja. Ibni, li tgħammed meta kellu 15-​il sena, iħoss li l-​magħmudija hija protezzjoni. Hu qal: ‘Ma toqgħodx taħseb dwar li tagħmel xi ħaġa kontra l-​liġi taʼ Ġeħova.’ Il-​magħmudija hija motivazzjoni qawwija biex tagħmel dak li hu sewwa.”

Jekk ħarriġt lil uliedek bil-​kliem u bl-​eżempju biex jobdu lil Ġeħova, tistaʼ tkun fiduċjuż li se jibqgħu jagħmlu hekk wara li jitgħammdu. Proverbji 20:7 jgħid: “Il-​ġust qed jimxi bl-​integrità tiegħu. Henjin uliedu li jiġu warajh.”

Nixtieq li nara lil ibni jilħaq ċerti miri l-​ewwel. Iż-​żgħażagħ għandhom jitgħallmu jaħdmu sabiex, maż-​żmien, ikunu jistgħu jmantnu lilhom infushom. Imma huwa perikoluż li tinkuraġġihom jgħixu ħajja li hi ffokata fuq l-​edukazzjoni u s-​sigurtà finanzjarja minflok fuq il-​qima vera. Rigward “żerriegħa,” jew il-​kelma tas-​Saltna, li ma tikbirx, Ġesù qal: “Rigward dak li nżeraʼ qalb ix-​xewk, dan hu l-​bniedem li jismaʼ l-​kelma, imma l-​ansjetà taʼ din is-​sistema u l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi joħonqu l-​kelma, u ma jagħmilx frott.” (Mt. 13:22) Pjanijiet għal ħajja li tqiegħed miri dinjin qabel l-​ispiritwalità jistgħu jnaqqsu x-​xewqa taʼ żagħżugħ biex jaqdi lil Alla.

Meta kkummenta fuq żgħażagħ li jikkwalifikaw għall-​magħmudija, imma li l-​ġenituri tagħhom ma jaqblux, anzjan tal-​esperjenza qal: “Li żżomm lil żagħżugħ milli jitgħammed jistaʼ jnaqqas il-​progress tiegħu fil-​verità u jwassal għall-​iskuraġġiment.” U indokratur li jivvjaġġa kiteb: “Żagħżugħ jistaʼ jibda jħossu inċert jew inferjuri spiritwalment. Għandu mnejn iħares lejn id-​dinja biex jikseb sens taʼ sodisfazzjon fil-​ħajja.”

[Stampa]

Għandha tiġi l-​ewwel l-​università?

[Stampa f’paġna 3]

Adoloxxent jistaʼ jagħti evidenza li hu dixxiplu

[Stampi f’paġna 3]

Preparazzjoni għal-​laqgħat u parteċipazzjoni fihom

[Stampa f’paġna 4]

Ubbidjenza lejn il-​ġenituri

[Stampa f’paġna 4]

Parteċipazzjoni fil-​ministeru

[Stampa f’paġna 4]

Talb persunali