Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Hemm Aħbar Tajba li Kulħadd Għandu Bżonnha

Hemm Aħbar Tajba li Kulħadd Għandu Bżonnha

“L-​aħbar tajba; fil-​fatt, hi l-​qawwa t’Alla għas-​salvazzjoni.”—RUM. 1:16.

1, 2. Int għala tipprietka l-​“aħbar tajba tas-​saltna,” u liema aspetti tagħha tenfasizza?

 ‘JIEN ferħan li naqsam m’oħrajn l-​aħbar tajba kuljum.’ X’aktarx li dan il-​ħsieb ġieli għaddielek minn moħħok jew esprimejtu bil-​kliem. Bħala Xhud devot taʼ Ġeħova, int taf kemm hu importanti li tipprietka “din l-​aħbar tajba tas-​saltna.” Għandek mnejn tafha bl-​amment il-​profezija taʼ Ġesù dwar li nagħmlu dan.—Mt. 24:14.

2 Meta tipprietka “l-​aħbar tajba tas-​saltna,” int tkun qed tkompli dak li beda Ġesù. (Aqra Luqa 4:43.) Bla dubju, punt wieħed li tenfasizza hu li Alla dalwaqt se jintervieni fl-​affarijiet tal-​bnedmin. Bit-​“tribulazzjoni kbira,” hu se jġib ir-​reliġjon falza fi tmiemha u se jneħħi l-​ħażen minn fuq l-​art. (Mt. 24:21) Int probabbilment tenfasizza wkoll il-​fatt li s-​Saltna t’Alla se terġaʼ ġġib Ġenna fuq l-​art sabiex il-​paċi u l-​hena jkunu jistgħu jiffjorixxu. Infatti, l-​“aħbar tajba tas-​saltna” hi parti mill-​“aħbar tajba [li xxandret] minn qabel lil Abraham, jiġifieri: ‘Permezz tiegħek jitbierku l-​ġnus kollha.’”—Gal. 3:8.

3. Għala nistgħu ngħidu li l-​appostlu Pawlu enfasizza aħbar tajba fil-​ktieb tar-​Rumani?

3 Però, jistaʼ jkun li forsi m’aħniex qed nagħtu biżżejjed attenzjoni lil aspett fundamentali tal-​aħbar tajba li n-​nies għandhom bżonn? Fl-​ittra lir-​Rumani, l-​appostlu Pawlu uża l-​kelma “saltna” darba biss, imma uża l-​espressjoni “aħbar tajba” 12-​il darba. (Aqra Rumani 14:17.) Pawlu għal liema aspett tal-​aħbar tajba rrefera daqstant spiss f’dan il-​ktieb? Din l-​aħbar tajba partikulari għala hi vitali? U għala għandna nżommuha f’moħħna hekk kif nippritkaw “l-​aħbar tajba t’Alla” lin-​nies fit-​territorju tagħna?—Mk. 1:14; Rum. 15:16; 1 Tess. 2:2.

Dak li Kellhom Bżonn Dawk f’Ruma

4. Matul l-​ewwel priġunerija tiegħu f’Ruma, Pawlu dwar xiex ipprietka?

4 Hu t’għajnuna li ninnotaw is-​suġġetti li Pawlu tkellem dwarhom fl-​ewwel priġunerija tiegħu f’Ruma. Naqraw li meta grupp taʼ Lhud żaruh, hu tahom ‘xiehda bir-​reqqa dwar (1) is-​saltna t’Alla u pprova jipperswadihom dwar (2) Ġesù.’ X’kien ir-​riżultat? “Xi wħud bdew jemmnu dak li ntqal, imma oħrajn m’emmnux.” Wara dan, Pawlu ‘b’qalb tajba kien jilqaʼ lil kulmin kien imur għandu; u kien jippriedka (1) is-​saltna t’Alla u jgħallem fuq (2) il-​Mulej Ġesù Kristu.’ (Atti 28:17, 23-​31) B’mod ċar, Pawlu ta attenzjoni lis-​Saltna t’Alla. Imma x’enfasizza iktar? Xi ħaġa li hi essenzjali għas-​Saltna—l-​irwol taʼ Ġesù fl-​iskop t’Alla.

5. Pawlu dwar liema bżonn reali tkellem fil-​ktieb tar-​Rumani?

5 In-​nies kollha għandhom bżonn ikunu jafu dwar Ġesù u jpoġġu l-​fidi fih. Fil-​ktieb tar-​Rumani, Pawlu tkellem dwar dan il-​bżonn. Fil-​bidu, hu kiteb dwar “Alla, li bl-​ispirtu tiegħi nagħtih servizz sagru bl-​aħbar tajba dwar Ibnu.” Hu żied jgħid: “Jien ma nistħix minħabba l-​aħbar tajba; fil-​fatt, hi l-​qawwa t’Alla għas-​salvazzjoni taʼ kulmin għandu l-​fidi.” Iktar tard irrefera għaż-​żmien “meta Alla permezz taʼ Kristu Ġesù jiġġudika l-​affarijiet sigrieti tal-​bnedmin, skond l-​aħbar tajba li nxandar.” U rrakkonta: “Minn Ġerusalemm sa l-​Illirja dort dawk l-​inħawi nippriedka bir-​reqqa l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu.” a (Rum. 1:9, 16; 2:16; 15:19) Għala taħseb li Pawlu enfasizza lil Ġesù Kristu lir-​Rumani?

6, 7. X’nistgħu ngħidu dwar kif il-​kongregazzjoni Rumana kienet ifformata, u min kien jagħmel parti minnha?

6 Ma nafux kif inbdiet il-​kongregazzjoni Rumana. Jistaʼ jkun li xi Lhud jew proseliti li kienu preżenti f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. rritornaw lejn Ruma bħala Kristjani? (Atti 2:10) Jew li forsi xi negozjanti u vjaġġaturi Kristjani xerrdu l-​verità f’Ruma? Kien x’kien il-​każ, saż-​żmien li Pawlu kiteb il-​ktieb, madwar is-​sena 56 E.K., il-​kongregazzjoni kienet ilha stabbilita. (Rum. 1:8) Liema tip taʼ nies ifformaw din il-​kongregazzjoni?

7 Xi wħud kellhom sfond Lhudi. Pawlu indirizza lil Androniku u Ġunja bħala “qrabati,” li x’aktarx ifisser qraba li kienu sħabu Lhud. Anki Akwila li kien f’Ruma maʼ martu, Priska, kien Lhudi. (Rum. 4:1; 9:3, 4; 16:3, 7; Atti 18:2) Imma ħafna aħwa li Pawlu bagħat iselli għalihom probabbilment kienu Ġentili. Xi wħud forsi kienu “tad-​dar taʼ Ċesari,” u dan forsi jfisser li kienu lsiera taʼ Ċesari u uffiċjali tiegħu li ma kellhomx pożizzjoni għolja.—Flp. 4:22; Rum. 1:6; 11:13.

8. Dawk f’Ruma ffaċċjaw liema sitwazzjoni traġika?

8 Kull Kristjan f’Ruma ffaċċja sitwazzjoni traġika, u anki aħna. Pawlu poġġieha hekk: “Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.” (Rum. 3:23) B’mod ċar, dawk kollha li kitbilhom Pawlu kellhom bżonn jagħrfu li kienu midinbin u li kellhom ipoġġu l-​fidi fil-​mezz t’Alla biex jissodisfa dan il-​bżonn.

In-​Nies Iridu Jirrikonoxxu li Huma Midinbin

9. Pawlu ġibed l-​attenzjoni lejn liema riżultat possibbli tal-​aħbar tajba?

9 Fil-​bidu tal-​ittra lir-​Rumani, Pawlu pponta lejn ir-​riżultat meraviljuż li setaʼ jiġi mill-​aħbar tajba li baqaʼ jsemmi: “Jien ma nistħix minħabba l-​aħbar tajba; fil-​fatt, hi l-​qawwa t’Alla għas-​salvazzjoni taʼ kulmin għandu l-​fidi, l-​ewwel tal-​Lhudi u mbagħad tal-​Grieg.” Iva, is-​salvazzjoni kienet possibbli. Madankollu, il-​fidi kienet neċessarja, fi qbil maʼ verità profonda kwotata minn Ħabakkuk 2:4: “Il-​ġust jgħix permezz tal-​fidi.” (Rum. 1:16, 17; Gal. 3:11; Ebr. 10:38) Imma din l-​aħbar tajba, li tistaʼ twassal għas-​salvazzjoni, kif għandha x’taqsam mal-​fatt li “kollha dinbu”?

10, 11. L-​idea msemmija f’Rumani 3:23, għala mhijiex stramba għal xi wħud imma għal oħrajn iva?

10 Qabel ma individwu jkun jistaʼ jiżviluppa fidi li ssalva l-​ħajja, irid jirrikonoxxi li hu midneb. Din l-​idea ma tkunx stramba għal dawk li jitrabbew jemmnu f’Alla u li huma xi ftit familjari mal-​Bibbja. (Aqra Ekkleżjasti 7:20.) Sew jekk jaqblu u sew jekk għandhom id-​dubji, għall-​inqas għandhom xi idea dwar dak li ried ifisser Pawlu meta qal: “Kollha dinbu.” (Rum. 3:23) Però, hekk kif inwettqu l-​ministeru tagħna, għandna mnejn niltaqgħu maʼ ħafna li ma jifhmux din l-​istqarrija.

11 F’xi pajjiżi, il-​bniedem komuni ma jitrabbiex bil-​ħsieb li hu (jew hi) twieled bħala midneb, li wiret id-​dnub. Veru, hu probabbilment jirrikonoxxi li jiżbalja, li għandu karatteristiki mhux mixtiqin, u li forsi għamel xi affarijiet ħżiena. U josserva li oħrajn jinsabu f’sitwazzjoni simili. Xorta waħda, minħabba t-​trobbija tiegħu, ma jifhimx bis-​sħiħ għala hu u oħrajn huma hekk. Infatti, b’xi lingwi, jekk tgħid li individwu hu midneb, oħrajn forsi jaħsbu li qed tgħid li hu kriminal jew minn tal-​inqas individwu li kiser xi regoli. Ovvjament, individwu li jitrabba f’ambjent bħal dan forsi ma jkunx lest li jqis lilu nnifsu bħala midneb fis-​sens li ried ifisser Pawlu.

12. Ħafna għala ma jemmnux li kulħadd hu midneb?

12 Anki f’pajjiżi tal-​Kristjaneżmu, ħafna ma jemmnux fl-​idea li huma midinbin. Għala le? Anki jekk kultant imorru l-​knisja, huma jqisu r-​rakkont Bibliku t’Adam u Eva bħala li hu sempliċement storja jew ħrafa. Oħrajn jitrabbew f’ambjent mhux reliġjuż. Huma jiddubitaw jekk jeżistix Alla, u għalhekk ma jifhmux li Esseri Suprem għamel livelli morali għall-​bnedmin u li jekk jonqsu milli jżommu maʼ dawn il-​livelli jkunu qed jidinbu. F’ċertu sens, huma bħal dawk fl-​ewwel seklu li Pawlu ddeskriviehom bħala li “ma kellhomx tama” u bħala li kienu “mingħajr Alla fid-​dinja.”—Efes. 2:12.

13, 14. (a) X’inhi raġuni waħda għala dawk li ma jemmnux f’Alla u fid-​dnub ma jistgħux iġibu skuża? (b) In-​nuqqas taʼ twemmin lil ħafna x’wassalhom biex jagħmlu?

13 Fl-​ittra lir-​Rumani, Pawlu ppreżenta żewġ raġunijiet għala sfond bħal dan ma jistax ikun skuża—la dak iż-​żmien u lanqas illum. L-​ewwel raġuni hi li l-​ħolqien innifsu jagħti xhieda tal-​eżistenza taʼ Ħallieq. (Aqra Rumani 1:19, 20.) Dan hu fi qbil m’osservazzjoni li għamel Pawlu meta minn Ruma kiteb lill-​Ebrej: “Kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.” (Ebr. 3:4) Dan ir-​raġunar jipponta lejn il-​fatt li hemm Ħallieq li bena, jew ħalaq, l-​univers kollu kemm hu.

14 Allura Pawlu kellu bażi soda biex jikteb lir-​Rumani li kull min—inkluż l-​Iżraelin tal-​qedem—ta d-​devozzjoni tiegħu lil xbihat bla ħajja ‘ma jistax iġib skuża.’ L-​istess jistaʼ jingħad dwar dawk li ċedew għal prattiki sesswali immorali li jmorru kontra l-​użu naturali tal-​ġisem tar-​raġel u tal-​mara. (Rum. 1:22-​27) Billi rrefera għal raġunar bħal dan, Pawlu b’mod xieraq ikkonkluda li “kemm il-​Lhud kif ukoll il-​Griegi qegħdin ilkoll taħt id-​dnub.”—Rum. 3:9.

‘Xhud’

15. Min għandu l-​fakultà tal-​kuxjenza, u b’liema effett?

15 Il-​ktieb tar-​Rumani jidentifika raġuni oħra għala n-​nies għandhom jagħrfu li huma midinbin u li għandhom bżonn isibu mezz biex joħorġu minn din is-​sitwazzjoni traġika. Rigward il-​kodiċi tal-​liġi li Alla ta lil Iżrael tal-​qedem, Pawlu kiteb: “Kulmin dineb taħt il-​liġi jiġi ġudikat bil-​liġi.” (Rum. 2:12) Biex ikompli r-​raġunar tiegħu, hu jsemmi li n-​nies tal-​ġnus jew gruppi etniċi li mhumiex familjari maʼ din il-​kodiċi divina spiss “jagħmlu b’mod naturali l-​affarijiet tal-​liġi.” Uħud bħal dawn għala spiss jipprojbixxu l-​inċest, il-​qtil, u s-​serq? Pawlu identifika r-​raġuni: Għandhom kuxjenza.—Aqra Rumani 2:14, 15.

16. Il-​fatt li wieħed ikollu kuxjenza għala ma jfissirx neċessarjament li se jevita d-​dnub?

16 Minkejja dan, int x’aktarx rajt li mbilli wieħed ikollu kuxjenza li taġixxi bħal xhud ġewwieni ma jfissirx li se jsegwi l-​gwida tagħha. Dan jidher mill-​każ t’Iżrael tal-​qedem. Għalkemm l-​Iżraelin kellhom kemm kuxjenza mogħtija minn Alla kif ukoll liġijiet speċifiċi mingħand Alla kontra s-​serq u l-​adulterju, spiss marru kemm kontra l-​kuxjenza tagħhom kif ukoll kontra l-​Liġi taʼ Ġeħova. (Rum. 2:21-​23) Kienu ħatjin għal darbtejn, u b’hekk ċertament li kienu midinbin, billi ma żammewx mal-​livelli u r-​rieda t’Alla. Dan ħassar serjament ir-​relazzjoni li kellhom mal-​Ħallieq tagħhom.—Lev. 19:11; 20:10; Rum. 3:20.

17. Liema inkuraġġiment insibu fil-​ktieb tar-​Rumani?

17 Dak li kkunsidrajna mill-​ktieb tar-​Rumani forsi jpinġi stampa kerha tas-​sitwazzjoni umana, inkluż tagħna, quddiem Dak li Jistaʼ Kollox. Madankollu, Pawlu ma waqafx hemm. Billi kkwota l-​kliem taʼ David f’Salm 32:1, 2, l-​appostlu kiteb: “Henjin dawk li l-​għemejjel tagħhom kontra l-​liġi nħafrulhom u li dnubiethom ġew mgħottijin; hieni l-​bniedem li Ġeħova ma jitolbux kont taʼ dnubu.” (Rum. 4:7, 8) Iva, Alla għamilha possibbli li jaħfer id-​dnubiet mingħajr ma jikser il-​liġijiet ġusti tiegħu.

Aħbar Tajba Ffokata fuq Ġesù

18, 19. (a) Pawlu fuq liema aspett tal-​aħbar tajba ffoka fil-​ktieb tar-​Rumani? (b) Biex ingawdu l-​barkiet tas-​Saltna, x’għandna nirrikonoxxu?

18 Int forsi twieġeb, “Din verament aħbar tajba!” Tabilħaqq hekk hi, u ġġibna lura għall-​aspett tal-​aħbar tajba li Pawlu enfasizza fil-​ktieb tar-​Rumani. Bħalma ssemma, Pawlu kiteb: “Jien ma nistħix minħabba l-​aħbar tajba; fil-​fatt, hi l-​qawwa t’Alla għas-​salvazzjoni.”—Rum. 1:15, 16.

19 Din l-​aħbar tajba kienet iffokata fuq l-​irwol taʼ Ġesù fit-​twettiq tal-​iskop t’Alla. Pawlu setaʼ jħares ’il quddiem għall-​“jum meta Alla permezz taʼ Kristu Ġesù jiġġudika l-​affarijiet sigrieti tal-​bnedmin, skond l-​aħbar tajba.” (Rum. 2:16) Meta qal dan, ma kienx qed iċekken “is-​saltna tal-​Kristu u t’Alla” jew dak li se jagħmel Alla permezz tas-​Saltna. (Efes. 5:5) Imma wera li biex aħna ngħixu u ngawdu l-​barkiet li se jkun hemm taħt is-​Saltna t’Alla, irridu nirrikonoxxu (1) is-​sitwazzjoni tagħna bħala midinbin f’għajnejn Alla u (2) għala hemm bżonn li neżerċitaw il-​fidi f’Ġesù Kristu biex dnubietna jiġu maħfurin. Meta individwu jifhem u jaċċetta dawn l-​aspetti tal-​iskop t’Alla u jara kif dan jagħtih tama, b’mod xieraq ikun jistaʼ jesklama, “Iva, din verament aħbar tajba!”

20, 21. Fil-​ministeru tagħna, għala għandna nżommu f’moħħna l-​aħbar tajba li hi enfasizzata fil-​ktieb tar-​Rumani, u bil-​potenzjal għal liema riżultat?

20 Ċertament għandna nżommu f’moħħna dan l-​aspett tal-​aħbar tajba hekk kif inwettqu l-​ministeru Kristjan tagħna. B’referenza għal Ġesù, Pawlu kkwota l-​kliem t’Isaija: “Kulmin ipoġġi l-​fidi tiegħu fih ma jkunx diżappuntat.” (Rum. 10:11; Is. 28:16) Il-​messaġġ bażiku dwar Ġesù forsi ma jkunx stramb għal dawk li huma familjari maʼ dak li tgħid il-​Bibbja dwar id-​dnub. Però, għal oħrajn dan il-​messaġġ se jkun ġdid, xi ħaġa mhix magħrufa jew emmnuta ġeneralment fil-​kultura tagħhom. Hekk kif uħud bħal dawn jibdew jemmnu f’Alla u jafdaw fl-​Iskrittura, se jkollna bżonn nispjegawlhom l-​irwol taʼ Ġesù. L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra kif Rumani kapitlu 5 jiżviluppa dan l-​aspett tal-​aħbar tajba. Probabbilment se ssib dan l-​istudju utli fil-​ministeru tiegħek.

21 Kemm hu premjanti li ngħinu lil uħud taʼ qalb onesta biex jifhmu l-​aħbar tajba msemmija darba wara l-​oħra fil-​ktieb tar-​Rumani, l-​aħbar tajba li “fil-​fatt, hi l-​qawwa t’Alla għas-​salvazzjoni taʼ kulmin għandu l-​fidi.” (Rum. 1:16) Minbarra li ningħataw dan il-​premju, se naraw lil oħrajn jaqblu mas-​sentiment li kkwota Pawlu f’Rumani 10:15: “Kemm huma sbieħ saqajn dawk li jxandru aħbar tajba t’affarijiet tajbin!”—Is. 52:7.

[Nota taʼ taħt]

a Espressjonijiet simili jidhru f’kotba mnebbħin oħrajn.—Mk. 1:1; Atti 5:42; 1 Kor. 9:12; Flp. 1:⁠27.

Tiftakar Int?

• Il-​ktieb tar-​Rumani jenfasizza liema aspett tal-​aħbar tajba?

• Liema fatt għandna bżonn ngħinu lil oħrajn jifhmu?

• “L-​aħbar tajba dwar il-​Kristu” kif tistaʼ tfisser barkiet għalina u għal oħrajn?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kumment f’paġna 8]

L-​aħbar tajba enfasizzata fil-​ktieb tar-​Rumani involviet l-​irwol vitali taʼ Ġesù fl-​iskop t’Alla

[Stampa f’paġna 9]

Aħna lkoll twelidna b’difett fatali—id-​dnub!