Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Abraham Verament Kellu l-Iġmla?

Abraham Verament Kellu l-Iġmla?

L-​IĠMLA kienu fost l-​annimali domestiċi li Abraham irċieva mingħand il-​Fargħun, tgħid il-​Bibbja. (Ġen. 12:16) Meta l-​qaddej t’Abraham għamel vjaġġ twil lejn il-​Mesopotamja, “ħa għaxar iġmla mill-​iġmla taʼ sidu.” Għalhekk, il-​Bibbja b’mod ċar tgħid li Abraham kellu l-​iġmla madwar il-​bidu tat-​tieni millenju Q.E.K.—Ġen. 24:10.

Xi wħud ma jaċċettawhx dan. Il-​ktieb New International Version Archaeological Study Bible jirrapporta: “Xi studjużi ddibattew l-​awtentiċità storika taʼ dawn ir-​referenzi għall-​iġmla għax il-​maġġuranza jemmnu li dawn l-​annimali ma kinux ġeneralment immansati sa madwar is-​sena 1200 Q.K., ħafna wara ż-​żmien t’Abraham.” Għalhekk, kwalunkwe referenza Biblika għall-​iġmla ma tkunx eżatta għax l-​iġmla ma kinux jintużaw b’dan il-​mod fil-​perijodi taʼ żmien li jkopru dawn ir-​rakkonti Bibliċi.

Madankollu, xi studjużi oħrajn jargumentaw li għalkemm l-​immansar tal-​iġmla sar fattur importanti madwar it-​tmiem tat-​tieni millenju, dan ma jfissirx li l-​iġmla ma kinux jintużaw qabel. Il-​ktieb Civilizations of the Ancient Near East jgħid: “Riċerka reċenti ssuġġeriet li l-​immansar tal-​iġmla seħħ fix-​Xlokk tal-​Arabja xi żmien fit-​tielet millenju [Q.E.K.]. Oriġinarjament, dawn x’aktarx li kienu mrobbijin għall-​ħalib, il-​pil, il-​ġilda, u l-​laħam tagħhom, imma n-​nies probabbilment ma damux ma rrealizzaw li setgħu jużaw l-​iġmla biex iġorru t-​tagħbija.” Din id-​data li tmur lura qabel iż-​żmien t’Abraham tidher li hi appoġġata minn fdalijiet taʼ għadam u fdalijiet oħrajn arkeoloġiċi.

Teżisti wkoll evidenza bil-​miktub. L-​istess xogħol taʼ referenza jgħid: “Fil-​Mesopotamja, listi kunejformi jsemmu l-​bhima [il-​ġemel] u tidher fuq diversi siġilli, u dan jindika li l-​annimal għandu mnejn wasal fil-​Mesopotamja sal-​bidu tat-​tieni millenju,” jiġifieri, sa żmien Abraham.

Xi studjużi jemmnu li l-​merkanti tan-​Nofsinhar tal-​Arabja li kienu involuti fin-​negozju tal-​inċens użaw l-​iġmla biex iġorru l-​prodotti tagħhom lejn it-​Tramuntana, fejn kienu jaqsmu d-​deżert biex imorru lejn inħawi bħall-​Eġittu u s-​Sirja, u b’hekk introduċew l-​iġmla f’dawn l-​inħawi. Dan in-​negozju x’aktarx li kien komuni saħansitra mis-​sena 2000 Q.E.K. Taʼ interess, Ġenesi 37:25-​28 isemmi merkanti Ismagħelin li użaw l-​iġmla biex iġorru l-​inċens lejn l-​Eġittu madwar mitt sena wara ż-​żmien t’Abraham.

Forsi l-​iġmla ma kinux daqstant użati fil-​Lvant Qarib tal-​qedem fil-​bidu tat-​tieni millenju Q.E.K., iżda l-​evidenza donnha tikkonferma li kien hemm min kien jaf bihom. Għalhekk, The International Standard Bible Encyclopedia tikkonkludi: “M’għadux neċessarju li dak li jkun iqis ir-​rakkonti li fihom jissemmew l-​iġmla fi żmien il-​patrijarki bħala li mhumiex eżatti, ladarba hemm biżżejjed evidenza arkeoloġika tal-​immansar tal-​iġmla qabel żmien il-​patrijarki.”