Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Irgħu l-Merħla t’Alla li Hemm fil-Ħarsien Tagħkom”

“Irgħu l-Merħla t’Alla li Hemm fil-Ħarsien Tagħkom”

“Irgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħkom, mhux bilfors, imma minn jeddkom.”—1 PT. 5:2.

1. Il-​Kristjani liema ċirkustanzi kienu qed jiffaċċjaw meta Pietru kiteb l-​ewwel ittra tiegħu?

 XI ŻMIEN qabel ma Neruni beda jippersegwita lill-​Kristjani f’Ruma, l-​appostlu Pietru kiteb l-​ewwel ittra tiegħu. Ried isaħħaħ lil sħabu fit-​twemmin. Ix-​Xitan kien qed “iħuf,” jipprova jiblaʼ lill-​Kristjani. Biex jiqfulu, huma kellhom bżonn ‘jibqgħu f’sensihom’ u ‘jumiljaw ruħhom taħt l-​id setgħana t’Alla.’ (1 Pt. 5:6, 8) Kellhom bżonn ukoll jibqgħu magħqudin. Ma setgħux jaffordjaw li ‘jigdmu u jibilgħu lil xulxin,’ għax dan setaʼ jwassalhom biex ‘jinqerdu għalkollox minn xulxin.’—Gal. 5:15.

2, 3. Kontra min għandna nkunu qed niġġieldu, u x’se nikkunsidraw f’din is-​serje?

2 Illum, aħna niffaċċjaw sitwazzjoni simili. Ix-​Xitan qed ifittex opportunitajiet biex jiblagħna. (Riv. 12:12) U fil-​futur qarib se jkun hemm “tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja.” (Mt. 24:21) Sewwasew bħalma l-​Kristjani tal-​ewwel seklu kellhom joqogħdu attenti li ma jitlewmux bejniethom, hekk ukoll irridu nagħmlu aħna. Biex inwettqu dan, kultant ikollna bżonn l-​għajnuna t’anzjani kwalifikati.

3 Ejja nikkunsidraw kif l-​anzjani jistgħu jkabbru l-​apprezzament tagħhom għall-​privileġġ li jirgħu ‘l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħhom.’ (1 Pt. 5:2) Imbagħad se nirriflettu fuq il-​mod xieraq kif għandu jitwettaq ix-​xogħol pastorali. Fl-​artiklu li jmiss, se neżaminaw kif il-​kongregazzjoni tistaʼ ‘tistma lil dawk li qegħdin jaħdmu iebes fosthom u jippresiedu fuq’ il-​merħla. (1 Tess. 5:12) Konsiderazzjoni taʼ dawn il-​kwistjonijiet se tgħinna nieħdu waqfa soda kontra l-​Avversarju ewlieni tagħna, billi nirrikonoxxu li hu l-​wieħed li qed nissaraw kontrih.—Efes. 6:12.

Irgħu l-​Merħla t’Alla

4, 5. L-​anzjani kif għandhom iħarsu lejn il-​merħla? Agħti tixbiha.

4 Pietru inkuraġġixxa lill-​anzjani fost il-​Kristjani tal-​ewwel seklu biex iħarsu lejn il-​merħla fdata f’idejhom kif iħares lejha Alla. (Aqra l-1 Pietru 5:1, 2.) Għalkemm kien meqjus bħala pilastru fil-​kongregazzjoni, Pietru ma kellimx lill-​anzjani b’mod superjuri. Minflok, hu wissiehom bħala anzjani sħabu. (Gal. 2:9) Bi spirtu bħal taʼ Pietru, il-​Ġemgħa li Tiggverna llum tħeġġeġ lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni biex jistinkaw ħalli jwettqu r-​responsabbiltà kbira taʼ li jirgħu l-​merħla t’Alla.

5 L-​appostlu kiteb li l-​anzjani kellhom ‘jirgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħhom.’ Kien importanti ferm għalihom li jirrikonoxxu li l-​merħla hi taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù Kristu. L-​anzjani kellhom jagħtu kont taʼ kif baqgħu għassa fuq in-​nagħaġ t’Alla. Ejja ngħidu li ħabib tal-​qalb talbek tieħu ħsieb it-​tfal tiegħu waqt li hu ma jkunx hemmhekk. Ma tiħux ħsiebhom sew u titmagħhom? Jekk jimrad xi ħadd mit-​tfal, ma taċċertax ruħek li jingħata kwalunkwe għajnuna medika li jeħtieġ? B’mod simili, l-​anzjani fil-​kongregazzjoni għandhom ‘jirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla, li xtara bid-​demm taʼ Ibnu stess.’ (Atti 20:28) Huma jżommu f’moħħhom li kull nagħġa nxtrat bid-​demm prezzjuż taʼ Kristu Ġesù. Peress li jridu jagħtu kont, l-​anzjani jitimgħu, jipproteġu, u jieħdu ħsieb il-​merħla.

6. X’kienet ir-​responsabbiltà tar-​rgħajja tal-​qedem?

6 Aħseb dwar ir-​responsabbiltajiet li kellhom ir-​rgħajja letterali fi żminijiet Bibliċi. Kellhom jissaportu s-​sħana tal-​jum u l-​kesħa tal-​lejl sabiex jindokraw il-​merħla. (Ġen. 31:40) Huma saħansitra rriskjaw ħajjithom għan-​nagħaġ. It-​tfajjel ragħaj David ħeles lill-​merħla tiegħu minn bhejjem salvaġġi, inkluż iljun u ors. Rigward kull wieħed minnhom, David qal li ‘ħatfu minn ilħitu u darbu u qatlu.’ (1 Sam. 17:34, 35) Xi qlubija! Min jaf kemm ġie qrib ħalq il-​bhima! Xorta waħda, hu għamel kulma setaʼ biex isalva lin-​nagħaġ.

7. B’mod figurattiv, l-​anzjani kif jistgħu jaħtfu lin-​nagħaġ minn ħalq Satana?

7 Illum, l-​anzjani għandhom bżonn joqogħdu għassa kontra l-​attakki tax-​Xitan li huma bħal taʼ ljun. Dan jistaʼ jinvolvi l-​att kuraġġuż taʼ li, b’mod figurattiv, jaħtfu lin-​nagħaġ minn ħalq ix-​Xitan. Billi jaqbdu lill-​bhima salvaġġa minn ilħitha, biex ngħidu hekk, l-​anzjani jistgħu jsalvaw lin-​nagħaġ. Għandhom mnejn jirraġunaw m’aħwa li ma jkunux attenti u li jiġu ttantati min-​nases taʼ Satana. (Aqra Ġuda 22, 23.) M’għandniex xi ngħidu, l-​anzjani ma jwettqux dan mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġeħova. Huma jittrattaw b’tenerezza lil nagħġa midruba, billi jinfaxxawha u jidilkuha bil-​balzmu tal-​Kelma t’Alla li jtaffi l-​uġigħ.

8. L-​anzjani fejn jiggwidaw lill-​merħla, u kif?

8 Ragħaj letterali kien jieħu wkoll lill-​merħla lejn mergħa xierqa u post taʼ tisqija. Bl-​istess mod, l-​anzjani jidderieġu lill-​merħla lejn il-​kongregazzjoni, billi jinkuraġġixxu l-​attendenza regulari għal-​laqgħat sabiex il-​merħla tkun tistaʼ tiġi mitmugħa tajjeb u tingħata “l-​ikel fiż-​żmien xieraq.” (Mt. 24:45) L-​anzjani forsi jkollhom bżonn iqattgħu iktar ħin jgħinu lil dawk li huma morda spiritwalment biex jaċċettaw in-​nutriment mill-​Kelma t’Alla. Nagħġa li tbiegħdet forsi tkun qed tipprova tirritorna lejn il-​merħla. Minflok ma jintimidaw lil ħuhom, l-​anzjani jispjegawlu b’tenerezza l-​prinċipji Skritturali u juruh kif jistaʼ japplikahom f’ħajtu.

9, 10. L-​anzjani kif għandhom jieħdu ħsieb lil dawk li jkunu morda spiritwalment?

9 Meta timrad, liema tip taʼ tabib tippreferi? Wieħed li jqattaʼ ftit li xejn ħin jisimgħek u mbagħad malajr malajr jiktiblek riċetta sabiex ikun jistaʼ jara l-​pazjent li jmiss? Jew tippreferi tikkonsulta tabib li joqgħod jisimgħek, jispjegalek x’għandek, u jurik liema kuri huma possibbli?

10 Bl-​istess mod, l-​anzjani jistgħu jagħtu widen lill-​individwu marid spiritwalment u jgħinuh biex ifiq mill-​ferita, u b’hekk, b’mod figurattiv, “jidilkuh biż-​żejt f’isem Ġeħova.” (Aqra Ġakbu 5:14, 15.) Bħall-​balzmu minn Gilegħad, il-​Kelma t’Alla tistaʼ ttaffi l-​uġigħ tal-​marid. (Ġer. 8:22; Eżek. 34:16) Meta jiġu applikati, il-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinu lill-​wieħed inċert biex jerġaʼ jikseb il-​bilanċ spiritwali. Iva, l-​anzjani jagħmlu ħafna ġid ladarba jisimgħu t-​tħassib tan-​nagħġa marida u jitolbu magħha.

Mhux Bilfors Imma Minn Jeddkom

11. Xi jqanqal lill-​anzjani biex jirgħu l-​merħla t’Alla minn jeddhom?

11 Pietru mbagħad fakkar lill-​anzjani kif ix-​xogħol pastorali għandu u m’għandux isir. L-​anzjani għandhom jirgħu l-​merħla t’Alla, ‘mhux bilfors, imma minn jeddhom.’ Xi jqanqal lill-​anzjani biex jaqdu lil ħuthom minn jeddhom? Sewwa, x’kien li qanqal lil Pietru jirgħa u jitmaʼ lin-​nagħaġ taʼ Ġesù? Fattur ewlieni kien l-​imħabba u l-​affezzjoni tiegħu għall-​Mulej. (Ġw. 21:15-​17) Sforz l-​imħabba, l-​anzjani “ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom.” (2 Kor. 5:14, 15) Din l-​imħabba, flimkien mal-​imħabba tagħhom għal Alla u għal ħuthom, iġġiegħel lill-​anzjani jaqdu lill-​merħla, billi jiddedikaw l-​isforzi, ir-​riżorsi, u l-​ħin tagħhom biex jagħmlu hekk. (Mt. 22:37-​39) Huma jagħtu minnhom infushom, mhux kontra qalbhom, imma minn jeddhom.

12. L-​appostlu Pawlu sa liema punt ta minnu nnifsu?

12 L-​anzjani sa liema punt għandhom jagħtu minnhom infushom? Meta jieħdu ħsieb in-​nagħaġ, huma jimitaw lill-​appostlu Pawlu, saħansitra bħalma hu imita lil Ġesù. (1 Kor. 11:1) Peress li kellhom affezzjoni tenera għal ħuthom it-​Tessalonikin, Pawlu u sħabu kienu kuntenti ferm li ma jagħtuhomx ‘biss l-​aħbar tajba t’Alla, imma wkoll ruħhom stess.’ Meta għamlu dan, huma aġixxew bil-​ġentilezza, “bħal kif omm li treddaʼ tgħożż lil uliedha.” (1 Tess. 2:7, 8) Pawlu fehem kif omm li treddaʼ kienet tħossha dwar uliedha. Kienet tagħmel kollox għalihom, inkluż li tqum billejl biex titmagħhom.

13. L-​anzjani għandhom bżonn iżommu liema bilanċ?

13 L-​anzjani għandhom bżonn iżommu l-​bilanċ bejn ir-​responsabbiltajiet bħala rgħajja u l-​obbligi lejn il-​familja tagħhom stess. (1 Tim. 5:8) Il-​ħin li jqattgħu l-​anzjani mal-​kongregazzjoni hu ħin prezzjuż li jistgħu jqattgħuh mal-​familja tagħhom. Mod wieħed kif jibbilanċjaw iż-​żewġ responsabbiltajiet hu li kultant jistiednu lil oħrajn għal-​lejla tal-​Qima tal-​Familja tagħhom. Matul is-​snin, Masanao, anzjan fil-​Ġappun, stieden lil uħud mhux miżżewġin u lil familji bla missier spiritwalment għall-​istudju tal-​familja tiegħu. Maż-​żmien, xi wħud li ġew megħjunin saru anzjani huma stess u imitaw l-​eżempju mill-​aħjar taʼ Masanao.

Warrbu l-​Qligħ Diżonest —Irgħu l-​Merħla bil-​Ħerqa

14, 15. L-​anzjani għala għandhom joqogħdu għassa kontra “l-​imħabba tal-​qligħ diżonest,” u kif jistgħu jimitaw lil Pawlu f’dan ir-​rigward?

14 Pietru inkuraġġixxa wkoll lill-​anzjani biex jirgħu l-​merħla, “mhux għall-​imħabba tal-​qligħ diżonest, imma bil-​ħerqa.” Ix-​xogħol tal-​anzjani jieħu ammont konsiderevoli taʼ ħin, u madankollu huma ma jistennew ebda kumpens finanzjarju. Pietru ħass li kellu bżonn iwissi lill-​anzjani sħabu dwar il-​periklu li jirgħu l-​merħla “għall-​imħabba tal-​qligħ diżonest.” Dan il-​periklu hu evidenti fil-​ħajja lussuża li jgħixu l-​mexxejja reliġjużi taʼ “Babilonja l-​Kbira” waqt li ħafna nies jiġu sforzati jgħixu ħajja taʼ faqar. (Riv. 18:2, 3) Illum, l-​anzjani għandhom raġuni tajba biex joqogħdu għassa kontra kwalunkwe tendenza f’dan ir-​rigward.

15 Pawlu ħalla eżempju mill-​aħjar għall-​anzjani Kristjani. Għalkemm kien appostlu u setaʼ kien “taʼ piż finanzjarju” għall-​Kristjani f’Tessalonika, hu ‘ma kiel b’xejn mingħand ħadd.’ Minflok, ‘lejl u nhar ħadem bit-​taħbit u t-​tbatija.’ (2 Tess. 3:8) Ħafna anzjani taʼ żmienna, inkluż dawk li qegħdin fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar, iħallu eżempju mill-​aħjar f’dan ir-​rigward. Għalkemm jaċċettaw l-​ospitalità minn sħabhom fit-​twemmin, huma ma jkunu “taʼ piż finanzjarju” għal ħadd.—1 Tess. 2:9.

16. Xi jfisser li jirgħu l-​merħla “bil-​ħerqa”?

16 L-​anzjani jirgħu l-​merħla “bil-​ħerqa.” Il-​ħerqa tagħhom hi evidenti fl-​attitudni tagħhom taʼ sagrifiċċju persunali biex jgħinu lill-​merħla. Madankollu, dan ma jfissirx li jisforzaw lill-​merħla biex taqdi lil Ġeħova; l-​anzjani li jħobbu lanqas ma jinkuraġġixxu lil oħrajn biex jaqdu lil Alla bi spirtu kompetittiv. (Gal. 5:26) L-​anzjani jifhmu li kull nagħġa hi unika. Huma ħerqanin biex jgħinu lil ħuthom jaqdu lil Ġeħova bil-​ferħ.

Ma Jiddominawx fuq il-​Merħla Imma Huma taʼ Eżempju

17, 18. (a) L-​appostli għala kultant kellhom diffikultà jifhmu t-​tagħlim taʼ Ġesù dwar l-​umiltà? (b) Aħna f’liema sitwazzjoni simili nistgħu nsibu ruħna?

17 Kif iddiskutejna, l-​anzjani għandhom iżommu f’moħħhom li l-​merħla li qed jirgħu hi t’Alla, mhux tagħhom stess. Huma joqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex ma ‘jiddominawx fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla.’ (Aqra l-1 Pietru 5:3.) Kultant, l-​appostli taʼ Ġesù rsistew b’motiv ħażin. Bħal dawk li kienu qed jaħkmu lill-​ġnus, huma riedu pożizzjoni prominenti.—Aqra Marku 10:42-​45.

18 Illum, l-​aħwa rġiel li qed ‘jirsistu għal kariga taʼ indokratur’ jagħmlu sew jekk jeżaminaw ruħhom dwar għala qed jirsistu. (1 Tim. 3:1) Dawk li issa huma anzjani forsi jridu jistaqsu lilhom infushom bis-​sinċerità jekk għandhomx xewqa għal awtorità jew prominenza bħalma kellhom xi wħud mill-​appostli. Jekk l-​appostli kellhom diffikultà f’dan l-​aspett, allura l-​anzjani jistgħu japprezzaw li għandhom bżonn jaħdmu iebes biex jevitaw kwalunkwe tendenza dinjija li jgawdu awtorità fuq oħrajn.

19. L-​anzjani x’għandhom jiftakru meta jieħdu xi azzjoni biex jipproteġu lill-​merħla?

19 Huwa veru li l-​anzjani kultant ikollhom bżonn ikunu sodi, bħal meta jipproteġu lill-​merħla minn “ilpup ħorox.” (Atti 20:28-​30) Pawlu qal lil Titu biex jibqaʼ ‘jħeġġeġ u jwiddeb bl-​awtorità sħiħa.’ (Titu 2:15) Madankollu, anki meta jkollhom jieħdu azzjoni bħal din, l-​anzjani jipprovaw juru d-​dinjità lejn dawk li huma involuti. Huma jifhmu li minflok il-​kritika bl-​aħrax, il-​persważjoni bil-​ħlewwa hi ġeneralment iktar effettiva biex jilħqu l-​qlub u biex iqanqlu lil xi ħadd ħalli jsegwi t-​triq it-​tajba.

20. L-​anzjani kif jistgħu jimitaw lil Ġesù f’li jħallu eżempju mill-​aħjar?

20 L-​eżempju mill-​aħjar taʼ Kristu jimmotiva lill-​anzjani biex iħobbu lill-​merħla. (Ġw. 13:12-​15) Qlubna jitqanqlu hekk kif naqraw kif hu għallem lid-​dixxipli tiegħu fix-​xogħol tal-​ippritkar u taʼ li jagħmlu dixxipli. Il-​mudell tal-​umiltà tiegħu mess il-​qlub tad-​dixxipli tiegħu u mmotivahom biex jgħixu b’tali mod li juru li ‘b’umiltà jqisu lill-​oħrajn superjuri għalihom.’ (Flp. 2:3) Illum, l-​anzjani jiġu mqanqlin bl-​istess mod biex isegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, u huma, min-​naħa tagħhom, iridu li jkunu “eżempji għall-​merħla.”

21. L-​anzjani lejn liema premju jistgħu jħarsu ’l quddiem?

21 Pietru kkonkluda t-​twissija tiegħu lill-​anzjani billi rrefera għal wegħda li kienet se sseħħ fil-​futur. (Aqra l-1 Pietru 5:4.) L-​indokraturi midlukin se ‘jirċievu l-​kuruna tal-​glorja li ma tidbielx’ maʼ Kristu fis-​sema. Is-​sottorgħajja tan-​“nagħaġ oħrajn” se jkollhom il-​privileġġ li jirgħu l-​merħla t’Alla fuq l-​art taħt il-​ħakma tar-​“ragħaj ewlieni.” (Ġw. 10:16) L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti modi kif il-​membri tal-​kongregazzjoni jistgħu jappoġġaw lil dawk li huma maħturin biex jieħdu t-​tmexxija.

Bħala Reviżjoni

• Għala kien xieraq li Pietru jwissi lill-​anzjani sħabu biex jirgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħhom?

• L-​anzjani kif għandhom jirgħu lil uħud li huma morda spiritwalment?

• Xi jqanqal lill-​anzjani biex jirgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħhom?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 21]

Bħar-​rgħajja tal-​qedem, l-​anzjani llum iridu jipproteġu lin-​“nagħaġ” li hemm fil-​ħarsien tagħhom