Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ersaq Qrib Lejn Alla

Ġeħova Għandu Sentimenti?

Ġeħova Għandu Sentimenti?

JEKK it-​tweġiba hija iva, mela tqum mistoqsija oħra: Il-​kondotta tagħna teffettwa s-​sentimenti t’Alla? Jiġifieri, nistgħu aħna bl-​azzjonijiet tagħna nġiegħlu lil Alla jħossu ferħan jew imweġġaʼ? Xi filosfi tal-​qedem qalu li le. Huma sostnew li ħadd ma jistaʼ jinfluwenza lil Alla u li għalhekk Alla bilfors li mhux kapaċi jkollu sentimenti. Imma l-​Bibbja tpinġi stampa differenti, jiġifieri, li Ġeħova għandu sentimenti teneri u jimpurtah profondament minn dak li nagħmlu. Ikkunsidra l-​kliem li nsibu f’​Salm 78:40, 41.

Salm 78 jirrakkonta l-​aġir t’Alla maʼ Iżrael tal-​qedem. Wara li ħeles lill-​ġens mill-​jasar tal-​Eġittu, Ġeħova offra li jidħol f’relazzjoni speċjali magħhom. Hu wiegħed li jekk jibqgħu jobdu l-​liġijiet tiegħu, huma kienu se jsiru “l-​proprjetà speċjali” tiegħu u kienu se jintużaw b’mod straordinarju fit-​twettiq tal-​iskop tiegħu. Il-​poplu qabel u daħal fil-​patt tal-​Liġi. Għamlu huma dak li qablu li jagħmlu?—Eżodu 19:3-​8.

Is-​salmista jgħid: “Kemm-​il darba rribellaw kontrih fix-​xagħri.” (Vers 40) Il-​vers taʼ wara jżid jgħid: “Darba wara l-​oħra għaddew lil Alla minn prova.” (Vers 41) Innota li l-​kittieb jiddeskrivi drawwa taʼ ribelljoni. Din l-​attitudni ribelluża u li turi nuqqas taʼ rispett bdiet kmieni fl-​istorja tal-​poplu—fix-​xagħri ftit wara li nħelsu mill-​Eġittu. In-​nies bdew igergru kontra Alla u bdew iqajmu dubji dwar jekk kienx kapaċi u jekk riedx jieħu ħsiebhom. (Numri 14:1-​4) Xogħol taʼ referenza għat-​tradutturi tal-​Bibbja jgħid li l-​kliem “irribellaw kontrih” jistaʼ “jiġi tradott b’mod idjomatiku bħala ‘webbsu qalbhom kontra Alla’ jew ‘qalu “Le” lil Alla.’” Madankollu, sforz il-​ħniena tiegħu, Ġeħova kien jaħfer lill-​poplu tiegħu meta huma wrew indiema. Imma mbagħad kienu jerġgħu lura għal kif kienu qabel u jerġgħu jirribellaw, u baqgħu sejrin hekk.—Salm 78:10-​19, 38.

Ġeħova kif ħassu kull darba li l-​poplu tiegħu, li ma kienx sod fi ħsiebu, irribella? Vers 40 jgħid: “Ġegħluh iħossu mweġġaʼ!” Traduzzjoni oħra tgħid li “kemm-​il darba nikktuh.” Xogħol taʼ referenza tal-​Bibbja jispjega: “It-​tifsira hawnhekk hi li l-​kondotta tal-​Lhud ikkaġunat l-​uġigħ,—l-​istess bħalma tagħmel il-​kondotta taʼ tifel diżubbidjenti u ribelluż.” Sewwasew bħalma tifel stinat jistaʼ jikkaġuna ħafna wġigħ taʼ qalb, l-​Iżraelin ribellużi “weġġgħu lill-​Qaddis taʼ Israel.”—Vers 41.

X’nistgħu nitgħallmu minn dan is-​salm? Huwa rassiguranti li tara li Ġeħova għandu rabta soda mal-​aduraturi tiegħu u ma jaqtax qalbu minnhom malajr. Fl-​istess ħin, meta tikkunsidra li Ġeħova għandu sentimenti u li l-​kondotta tagħna tistaʼ teffettwa s-​sentimenti tiegħu, iġiegħlek taħseb. Il-​fatt li tkun taf dan kif jeffettwak? Iqanqlek tkun trid tagħmel dak li hu tajjeb?

Minflok ma nsegwu t-​triq tad-​dnub u nweġġgħu qalb Ġeħova, aħna nistgħu nagħżlu li naġixxu b’mod rett u nferrħulu qalbu. U dan hu eżatt dak li jitlob mill-​aduraturi tiegħu: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi.” (Proverbji 27:11) M’hemm xejn iktar prezzjuż li nistgħu nagħtu lil Ġeħova milli ngħixu b’tali mod li nferrħulu qalbu.

[Kumment f’paġna 13]

M’hemm xejn iktar prezzjuż li nistgħu nagħtu lil Ġeħova milli ngħixu b’tali mod li nferrħulu qalbu