Mur fil-kontenut

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

Għalfejn mara taʼ 60 sena waqfet tqim ix-​xbihat? X’ġiegħel qassis Xintù jitlaq xogħlu mill-​post taʼ qima u jsir ministru Kristjan? Mara li ġiet adottata mat-​twelid, kif setet tkampa maʼ emozzjonijiet taʼ dwejjaq minħabba li ġiet abbandunata? Ikkunsidra dawn in-​nies x’kellhom x’jgħidu.

“Jiena M’Għadnix Ilsira tax-Xbihat.”—ABA DANSOU

SENA TAT-​TWELID: 1938

POST TAT-​TWELID: IL-​BENIN

PASSAT: INQIM IX-​XBIHAT

IL-​PASSAT TIEGĦI: Jiena trabbejt f’So-​Tchahoué, villaġġ li jinsab f’żona kollu għadajjar. In-​nies taʼ dan il-​villaġġ jistadu u jrabbu baqar, mogħoż, nagħaġ, majjali, u għasafar. F’din iż-​żona m’hemmx toroq, allura n-​nies jużaw dgħajjes u kenuri biex jivvjaġġaw. Ġeneralment jibnu djarhom bl-​injam u bil-​ħaxix, għalkemm kultant jużaw ukoll il-​briks. L-​iktar li hemm huma nies foqra. Minkejja dan, m’hemmx kriminalità daqskemm issib fil-​bliet.

Meta kont għadni żgħira, missieri bagħat lili u lil oħti ikbar minni f’kunvent fejn jipprattikaw il-​maġija. Dak kien il-​bidu tagħna għal twemmin tradizzjonali. Meta kbirt bdejt inqim lill-​alla Dudua (Oduduwa) li ġie mill-​kultura Yoruba. Bnejt dar għal dan l-​alla, u regolarment offrejt sagrifiċċji taʼ ħxejjex, żejt tal-​palm, bebbux, tiġieġ, ħamiem, u annimali oħrajn. Ħafna drabi kont nonfoq il-​flus kollha li kelli fuqhom.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Meta bdejt nistudja l-​Bibbja, tgħallimt li Ġeħova hu l-​uniku Alla veru. Tgħallimt ukoll li meta nqimu m’għandniex nużaw xbihat. (Eżodu 20:4, 5; 1 Korintin 10:14) Irrealizzajt x’kelli nagħmel. Irmejt ix-​xbihat kollha, u naddaft id-​dar minn kull ħaġa li kellha x’taqsam mal-​idoli. Waqaft nikkonsulta mal-​ispirti u waqaft nieħu sehem f’ritwali lokali u riti taʼ funerali.

Bħala mara taʼ 60 sena ma kienx faċli għalija li nagħmel dawn il-​bidliet. Il-​ħbieb, il-​qraba, u l-​ġirien bdew jopponuni u bdew iwaqqgħuni għaċ-​ċajt. Għalhekk tlabt lil Ġeħova biex jagħtini l-​kuraġġ ħalli nagħmel dak li hu sewwa. Sibt faraġ fil-​kliem li nsibu fl-​iskrittura taʼ Proverbji 18:10, li jgħid: “Isem Ġeħova hu torri b’saħħtu. Fih jidħol jiġri l-​ġust u jingħata l-​protezzjoni.”

Xi ħaġa oħra li għenitni kienet li nattendi l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hemmhekk esperjenzajt imħabba Kristjana u ġejt impressjonata kif dawn in-​nies jipprovaw jgħixu skont il-​livelli morali għoljin tal-​Bibbja. Dak li rajt ikkonvinċieni li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jipprattikaw il-​vera reliġjon.

KIF IBBENEFIKAJT: Li napplika prinċipji tal-​Bibbja għenni biex ikolli relazzjoni tajba maʼ wliedi. Ħassejt ukoll toqol jitneħħa minn fuq spallejja. Kont nuża r-​riżorsi kollha tiegħi fuq ix-​xbihat bla ħajja li ma kienu tal-​ebda benefiċċju għalija. Issa nqim lil Ġeħova, li jipprovdi soluzzjoni għal kull problema li jkollna. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Kemm jien ferħana li m’għadnix ilsira tax-​xbihat. Minflok sirt ilsira taʼ Ġeħova! Fih sibt sigurtà vera u protezzjoni.

“Kont ilni nfittex lil Alla minn tfuliti.”—SHINJI SATO

SENA TAT-​TWELID: 1951

POST TAT-​TWELID: IL-​ĠAPPUN

PASSAT: QASSIS XINTÙ

IL-​PASSAT TIEGĦI: Jiena trabbejt f’raħal fil-​kampanja ġewwa Fukuoka Prefecture. Il-​ġenituri tiegħi kienu reliġjużi ħafna. Huma rabbewni nirrispetta lill-​allat Xintù. Mindu kont żgħir spiss kont naħseb kif nistaʼ niġi salvat, u kelli xewqa kbira li ngħin lil oħrajn fil-​problemi tagħhom. Niftakar meta kont l-​iskola elementari, wieħed mill-​għalliema kien staqsa lill-​klassi xi xtaqna nsiru meta nikbru. Sħabi tal-​klassi kellhom miri differenti minn tiegħi. Xi wħud xtaqu jsiru xjentisti, iżda l-​ħolma tiegħi kienet li naqdi lil Alla. Kulħadd kien daħaq bija.

Wara li spiċċajt l-​iskola, bdejt nistudja biex insir għalliem tar-​reliġjon. Matul it-​taħriġ tiegħi, iltqajt maʼ qassis Xintù li kien iqattaʼ l-​ħin liberu tiegħu jaqra minn ktieb bil-​qoxra sewda. Darba staqsieni, “Sato, taf x’inhu dan il-​ktieb?” Jiena għaraft il-​qoxra tal-​ktieb, għalhekk wiġibtu, “Il-​Bibbja.” Hu qalli, “Kull min irid isir qassis Xintù għandu jaqra dan il-​ktieb.”

Dak il-​ħin stess mort nixtri Bibbja. Poġġejt il-​Bibbja fuq xkaffa fejn tidher u ħadt ħsiebha. Imma minħabba l-​iskola ma kellix ċans naqraha. Meta spiċċajt l-​iskola bdejt naħdem f’post taʼ qima bħala qassis Xintù. Il-​ħolma taʼ tfuliti saret realtà.

Però malajr skoprejt illi li nkun qassis Xintù ma kienx dak li stennejt. Ħafna mill-​qassisin kienu juru ftit imħabba jew interess lejn oħrajn. Ħafna wkoll kienu neqsin mill-​fidi. Wieħed mis-​superjuri tiegħi wasal biex jgħidli: “Jekk trid tagħmel suċċess hawnhekk, trid titkellem biss dwar il-​filosofija. Huwa projbit li titkellem dwar il-​fidi.”

Kumenti bħal dawn ġegħluni nħossni diżappuntat bir-​reliġjon Xintù. Għalkemm komplejt bix-​xogħol tiegħi fil-​post tal-​qima, bdejt neżamina reliġjonijiet oħrajn. Minkejja dan, fl-​ebda reliġjon minnhom ma sibt xi ħaġa aħjar. Iktar ma eżaminajt reliġjonijiet, iktar ħassejtni skuraġġit. Ħassejt li fl-​ebda reliġjon ma kien hemm verità.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Fl-​1988, iltqajt maʼ Buddist li inkuraġġieni naqra l-​Bibbja. Ftakart fil-​qassis Xintù li snin qabel kien ħeġġiġni biex nagħmel l-​istess. Allura ddeċidejt li nismaʼ mill-​parir tiegħu. Dak li bdejt naqra mill-​Bibbja mill-​ewwel beda jinteressani. Xi kultant kont naqra l-​lejl kollu u nibqaʼ għaddej sakemm nara x-​xemx tielaʼ.

Dak li qrajt immotivani biex nitlob lill-​Alla tal-​Bibbja. Bdejt bit-​talba mudell li nsibu f’​Mattew 6:9-​13. Bdejt nitlob din it-​talba kull sagħtejn—saħansitra waqt li kont qed inwettaq is-​servizz tiegħi fil-​post taʼ qima bħala qassis Xintù.

Kelli ħafna mistoqsijiet dwar dak li kont qed naqra. Sadanittant iżżewwiġt u kont naf li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jgħallmu lin-​nies minn fuq il-​Bibbja minħabba li huma fil-​passat kienu żaru lill-​marti. Sibt waħda mix-​Xhieda u saqsejtha ħafna mistoqsijiet. Bqajt impressjonat kif l-​oħt wieġbet kull mistoqsija li kelli mill-​Bibbja. Għalhekk hi rranġat biex ix-​Xhieda jistudjaw il-​Bibbja miegħi.

Ftit wara, bdejt nattendi l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ma rrealizzajtx mill-​ewwel, iżda wara indunajt li fost ix-​Xhieda kien hemm uħud li fil-​passat kont aġixxejt b’mod maledukat magħhom. Minkejja dan, huma laqgħuni bi mħabba u ġegħluni nħossni komdu.

Waqt dawn il-​laqgħat tgħallimt li Alla jistenna li r-​raġel juri mħabba u rispett lejn il-​membri tal-​familja tiegħu. Dak iż-​żmien, ħajti kienet iffokata fuq xogħli bħala qassis, tant li kont traskurajt lil marti u liż-​żewġ uliedi. Irrealizzajt illi kont nismaʼ b’attenzjoni dak li kellhom x’jgħidu n-​nies li kienu jiġu fil-​post taʼ qima, però qatt ma kont nismaʼ dak li kellha x’tgħidli marti.

Hekk kif l-​istudju tiegħi beda miexi ’l quddiem, dak li bdejt nitgħallem dwar Ġeħova beda jressaqni eqreb lejh. Versi bħal taʼ pereżempju Rumani 10:13 laqtuni ħafna. Dan il-​vers jgħid: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jiġi salvat.” Kont ilni nfittex lil Alla minn tfuliti, u fl-​aħħar sibtu!

Ma bqajtx inħossni komdu fil-​post taʼ qima. Għall-​ewwel bdejt ninkwieta x’kienu se jaħsbu n-​nies jekk nitlaq ir-​reliġjon Xintù. Imma dejjem kont konvint li nitlaq jekk insib lill-​Alla l-​veru. Allura fir-​rebbiegħa tal-​1989 iddeċidejt li nismaʼ mill-​kuxjenza tiegħi. Tlaqt il-​post taʼ qima u fdajt ħajti f’idejn Ġeħova.

Li nitlaq il-​post taʼ qima ma kienx faċli. Is-​superjuri tiegħi ċanfruni u pprovaw iġġegħluni nibqaʼ hemm. Però, l-​iktar ħaġa diffiċli kienet kif se ngħid lill-​ġenituri tiegħi. Fi triqti lejn id-​dar tagħhom, ħassejtni tant ansjuż li qabadni wġigħ f’sidri u riġlejja ħassejthom bla saħħa! Waqaft kemm-​il darba biex nitlob lil Ġeħova għall-​kuraġġ.

Malli wasalt id-​dar tal-​ġenituri tiegħi, għall-​ewwel bdejt nibżaʼ nqajjem is-​suġġett. Għaddew sigħat. Fl-​aħħar, wara ħafna talb, spjegajt kollox lil missieri. Għedtlu li sibt lill-​Alla l-​veru u li se nitlaq ir-​reliġjon Xintù biex nibda naqdi lilu. Malli semaʼ dan, missieri nħasad u tnikket. Xi qraba ġew id-​dar biex jipprovaw ibiddluli fehmti. Ma ridtx inweġġaʼ lill-​familja tiegħi, però fl-​istess ħin kont naf li l-​aħjar deċiżjoni hi li naqdi lil Ġeħova. Maż-​żmien irbaħt ir-​rispett tal-​familja tiegħi.

Il-​ħajja tiegħi bħala qassis Xintù kienet saret parti minni. Minkejja li kont waqaft immur fil-​post taʼ qima, xorta kien għad kelli bżonn naġġusta l-​ħsibijiet tiegħi. Provajt ħafna li ninsa dik il-​ħajja, iżda kollox beda jfakkarni fiha.

Żewġ affarijiet għenuni neħles minn dawn il-​memorji. L-​ewwel ħaġa li għamilt, fittixt sew fid-​dar tiegħi biex insib kull ħaġa li kellha x’taqsam mar-​reliġjon li kelli. Ħraqt kollox—kotba, stampi, u saħansitra anki affarijiet li jiswew ħafna flus. Imbagħad, bdejt infittex opportunitajiet biex kemm jistaʼ jkun nassoċja max-​Xhieda. Il-​ħbiberija u l-​appoġġ tagħhom kienu taʼ għajnuna kbira għalija. Bil-​mod il-​mod, il-​passat tiegħi bdejt ninsieh.

KIF IBBENEFIKAJT: Kont nittraskura lill-​marti u lill-​uliedi. Minħabba f’hekk kienu jħossuhom abbandunati. Iżda meta bdejt inqattaʼ l-​ħin magħhom, kif tgħallem il-​Bibbja li għandhom jagħmlu l-​irġiel miżżewġin, sirna eqreb taʼ xulxin. Maż-​żmien marti bdiet taqdi lil Ġeħova miegħi, flimkien mat-​tifel, it-​tifla, u r-​raġel tagħha. Issa aħna magħqudin fil-​qima vera.

Meta nħares lura lejn il-​ħolma taʼ tfuliti, li naqdi lil Alla u ngħin lin-​nies, nirrealizza li sibt dak kollu li kont qed infittex—u iktar. M’għandix kliem biex nesprimi l-​gratitudni tiegħi lejn Ġeħova.

“Kont naf li hemm xi ħaġa nieqsa.”—LYNETTE HOUGHTING

SENA TAT-​TWELID: 1958

POST TAT-​TWELID: L-​AFRIKA T’ISFEL

PASSAT: EMOZZJONIJIET TAʼ DWEJJAQ MINĦABBA LI ĠEJT ABBANDUNATA

IL-​PASSAT TIEGĦI: Jiena twelidt fʼGermiston, belt fejn ma tantx hemm kriminalità. Il-​ġenituri tiegħi ħassew li ma setgħux jieħdu ħsiebi, allura fl-​età tenera tʼ14-​il ġurnata tawni għall-​adozzjoni. Ġejt adottata minn koppja li tant ħabbewni li kont inqishom bħala ommi u missieri. Wara li sirt naf il-​passat tiegħi, xorta waħda kelli ġlieda mal-​emozzjonijiet tiegħi taʼ dwejjaq minħabba li ħassejtni li ġejt abbandunata. Bdejt inħossni li m’iniex parti minn din il-​familja, u li l-​ġenituri adottivi tiegħi ma setgħux jifhmu kif kont qiegħda nħossni.

Meta kelli madwar 16-​il sena, kont immur fil-​ħwienet tax-​xorb fejn jiena u l-​ħbieb tiegħi konna noqogħdu niżfnu u nisimgħu l-​mużika live. Taʼ 17 bdejt inpejjep is-​sigaretti. Ridt inkun irqiqa bħall-​mudelli li kienu jidhru fuq ir-​riklami tas-​sigaretti. Meta għalaqt 19-​il sena, mort naħdem f’Johannesburg fejn malajr bdejt nassoċja maʼ klikka ħażina. Ma domtx ma bdejt nitkellem ħażin, inpejjep ħafna, u fil-​tmiem il-​ġimgħa kont nixrob ħafna.

Minkejja dan, kont attiva fiżikament. Regolarment kont nagħmel l-​aerobics, nilgħab l-​isquash u anki dħalt fit-​tim tal-​futbol tan-​nisa. Ukoll kont naħdem iebes fil-​karriera tiegħi. Sirt magħrufa fl-​industrija tal-​kompjuter. B’hekk kont komda finanzjarjament u n-​nies kienu jikkunsidrawni bħala mara taʼ suċċess. Però xorta waħda ħassejtni mdejqa ħafna, mitlufa, u diżappuntata b’ħajti. Fil-​fond taʼ qalbi ħassejt li kien hemm xi ħaġa nieqsa.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Meta bdejt nistudja l-​Bibbja, tgħallimt li Ġeħova huwa Alla taʼ mħabba. Tgħallimt ukoll li hu wriena din l-​imħabba billi tana l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Din hi bħal ittra personali biex jiggwida l-​passi tagħna. (Isaija 48:17, 18) Irrealizzajt li jekk irrid nibbenefika mill-​gwida kollha mħabba taʼ Ġeħova, kelli bżonn nagħmel bidliet kbar fil-​ħajja tiegħi.

Waħda mill-​bidliet kienet l-​għażla tal-​ħbieb tiegħi. Ħadt bis-​serjetà l-​kliem li nsibu fi Proverbji 13:20, li jgħid: “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-​istupidi se jaħbatlu ħażin.” Dan il-​prinċipju qanqalni biex nitlaq il-​ħbieb li kelli u nagħmel ħbieb ġodda fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

L-​akbar sfida li kelli kienet biex nieqaf inpejjep. Dan ma kienx faċli. Hekk kif irnexxieli negħleb dan l-​ostaklu, kelli nħabbat wiċċi maʼ sfida oħra. Minħabba li qtajt is-​sigaretti, żdidt iktar minn 13-​il kilo fil-​piż! Dan kien taʼ diżappunt kbir għalija, u domt madwar 10 snin biex inneħħi l-​piż li kont żidt. Però kont naf li dak li kelli nagħmel kien li naqtaʼ s-​sigaretti. Kontinwament kont nitlob lil Ġeħova, u hu tani s-​saħħa biex nirnexxi.

KIF IBBENEFIKAJT: Issa nħossni iktar b’saħħti u kuntenta. Ma komplejtx nipprova nsib il-​ferħ fil-​karriera sekulari tiegħi u fl-​affarijiet materjali. Minflok sibt il-​ferħ f’li naqsam il-​veritajiet tal-​Bibbja maʼ oħrajn. B’ferħ tlieta mill-​kollegi li kelli qabel qegħdin issa jaqdu lil Ġeħova miegħi u mar-​raġel tiegħi. Qabel mietu l-​ġenituri adottivi tiegħi, irnexxieli ngħidilhom dwar il-​wegħda li nsibu fil-​Bibbja taʼ rxoxt f’ġenna tal-​art.

Li nersaq qrib taʼ Ġeħova għenni nkampa mal-​emozzjonijiet taʼ dwejjaq minħabba li ġejt abbandunata. Hu għenni nħossni parti mill-​familja globali t’aħwa fit-​twemmin. Fosthom sibt ommijiet, missirijiet, u aħwa.—Marku 10:29, 30.

[Stampa]

Esperjenzajt imħabba Kristjana fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova

[Stampa]

Il-​post taʼ qima fejn kont naqdi bħala qassis Xintù