Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dħalt Int fil-Mistrieħ t’Alla?

Dħalt Int fil-Mistrieħ t’Alla?

“Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.”—EBR. 4:12.

1. (a) Kif nidħlu fil-​mistrieħ t’Alla llum? (b) Għala jistaʼ jkun diffiċli biex nobdu?

 FL-​ARTIKLU taʼ qabel tgħallimna li jekk nobdu lil Ġeħova u naħdmu id f’id mal-​organizzazzjoni tiegħu nidħlu fil-​mistrieħ t’Alla. L-​ubbidjenza tagħna turi lil Ġeħova li rridu li l-​iskop tiegħu jitwettaq. Imma kultant jistaʼ jkun diffiċli biex nobdu. Pereżempju, meta nitgħallmu li Ġeħova jridna nieqfu nagħmlu xi ħaġa li nieħdu gost nagħmluha, forsi jkun diffiċli biex nobduh minnufih. Jekk jiġrilna hekk, hemm bżonn li nitgħallmu nkunu ‘lesti li nobdu.’ (Ġak. 3:17) F’dan l-​artiklu, se nitkellmu dwar xi sitwazzjonijiet li jagħtuna opportunità nuru jekk aħniex verament lesti li nobdu dejjem.

2, 3. X’għandna nkomplu nagħmlu biex nogħġbu lil Ġeħova?

2 Meta mill-​Bibbja titgħallem li għandek bżonn tagħmel xi bidla f’ħajtek, tkun int lest li tobdi? L-​Iskrittura tgħidilna li hi r-​rieda t’Alla li jdaħħal fl-​organizzazzjoni tiegħu “l-​affarijiet mixtiqin tal-​ġnus kollha.” (Ħag. 2:7) M’għandniex xi ngħidu, il-​biċċa l-​kbira minna ma tantx konna mixtiqin meta l-​ewwel tgħallimna l-​verità. Madankollu, l-​imħabba għal Alla u għall-​għażiż Ibnu qanqlitna nagħmlu bidliet importanti fl-​attitudni u fid-​drawwiet tagħna sabiex nogħġbu lil Alla bis-​sħiħ. Finalment, wara ħafna talb u sforz min-​naħa tagħna, stajna nitgħammdu u nirċievu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Aqra Kolossin 1:9, 10.

3 Imma aħna xorta għadna imperfetti. Xorta għadna rridu nagħmlu bidliet f’ħajjitna u naħdmu iebes biex nagħmlu s-​sewwa. Imma Ġeħova jwegħedna li se jgħinna jekk inkomplu nagħmlu l-​almu tagħna biex nogħġbuh.

Meta Jkollna Bżonn Xi Parir

4. B’liema tliet modi nistgħu nirċievu xi parir Skritturali?

4 Qabel ma nagħmlu xi bidliet f’ħajjitna, irridu nkunu nafu x’għandna bżonn inbiddlu. Ġeħova jgħinna f’dan b’modi differenti. Jistaʼ juża xi taħdita fis-​Sala tas-​Saltna jew xi artiklu fir-​rivisti tagħna biex jurina li hemm xi ħaġa fil-​ħsieb jew fl-​azzjonijiet tagħna li hi żbaljata. Kultant anki wara li nisimgħu xi taħdita jew naqraw xi pubblikazzjoni, ma nifhmux li għandna bżonn nagħmlu xi bidliet, u allura Ġeħova jistaʼ juża ħu, jew oħt, fil-​kongregazzjoni biex jikkoreġina bil-​qalb tajba.—Aqra Galatin 6:1.

5. (a) Kultant b’liema modi naġixxu meta xi ħadd jikkoreġina? (b) Anzjani Kristjani għala għandhom ikomplu jgħinuna?

5 Mhuwiex faċli li naċċettaw xi parir mingħand bniedem imperfett, anki jekk il-​parir jingħatalna bit-​tattika u bl-​imħabba. Però, bħalma jindika Galatin 6:1, Ġeħova jikkmanda lil dawk bi kwalifiki spiritwali biex ‘jipprovaw’ jaġġustawna, u jagħmlu dan “bi spirtu taʼ ħlewwa.” Jekk inwieġbu b’mod favorevoli, se nsiru saħansitra iktar mixtiqin f’għajnejn Alla. M’għandniex xi ngħidu, fit-​talb tagħna spiss ngħidu lil Ġeħova li aħna imperfetti u li nagħmlu ħafna żbalji. Madankollu, meta xi ħadd jiġbdilna l-​attenzjoni lejn xi nuqqas speċifiku, it-​tendenza tkun li nipprovaw niġġustifikaw ruħna, inċekknu l-​problema, niddubitaw mill-​motiv taʼ min tana l-​parir, jew noġġezzjonaw għall-​mod kif ngħatalna l-​parir. (2 Slat. 5:11) U jekk il-​parir jolqotna fil-​laħam il-​ħaj—l-​azzjonijiet taʼ membru tal-​familja, l-​ilbies u d-​dehra tagħna, l-​indafa fiżika tagħna, jew xi tip taʼ rikreazzjoni li togħġobna, imma li Ġeħova jobgħod—għandna mnejn naġixxu b’mod negattiv, u dan jistaʼ jnikket lilna u anki lill-​ħu li qed jipprova jgħinna. Imma wara li nikkalmaw, ġeneralment nammettu li l-​parir kien xieraq.

6. Il-​kelma t’Alla kif tikxef il-​“ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb”?

6 It-​tema Skritturali għal dan l-​artiklu tfakkarna li l-​kelma t’Alla hi “qawwija.” Iva, il-​kelma t’Alla għandha l-​qawwa biex tbiddel il-​ħajjiet. Sewwasew bħalma għenitna nagħmlu bidliet meħtiġin qabel il-​magħmudija tagħna, hekk ukoll tgħinna nagħmlu bidliet wara. Fl-​ittra tiegħu lill-​Ebrej, Pawlu jikteb ukoll li l-​kelma t’Alla “tinfed tant li tifred ir-​ruħ u l-​ispirtu, u l-​ġogi u l-​mudullun tagħhom, u tistaʼ tagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.” (Ebr. 4:12) Fi kliem ieħor, meta nifhmu b’mod ċar l-​iskop t’Alla għalina, il-​mod li nwieġbu għalih jikxef dak li aħna fil-​ġewwieni tagħna. Kultant, ikun hemm differenza bejn dak li nidhru li aħna (ir-​“ruħ”) u dak li aħna verament (l-​“ispirtu”)? (Aqra Mattew 23:27, 28.) Ikkunsidra kif tirreaġixxi int fis-​sitwazzjonijiet li ġejjin.

Żomm il-​Pass mal-​Organizzazzjoni taʼ Ġeħova

7, 8. (a) Xi Kristjani Lhud għala riedu jkomplu jobdu xi partijiet mil-​Liġi Mosajka? (b) Għala nistgħu ngħidu li kienu qed jaġixxu kontra l-​iskop taʼ Ġeħova?

7 Ħafna minna nistgħu nikkwotaw bl-​amment Proverbji 4:18: “Il-​mogħdija tan-​nies sewwa hi bħal dawl qawwi li qed jiżdied iktar u iktar sal-​milja tal-​jum.” Dan ifisser li l-​kondotta tagħna u l-​fehma tagħna tal-​iskop t’Alla se jitjiebu maż-​żmien.

8 Bħalma ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel, wara l-​mewt taʼ Ġesù, ħafna Kristjani Lhud xorta riedu jobdu l-​Liġi Mosajka. (Atti 21:20) Għalkemm Pawlu spjega b’mod ċar li l-​Kristjani ma kinux għadhom taħt il-​Liġi, xi wħud ċaħdu r-​raġunar ispirat tiegħu. (Kol. 2:13-​15) Forsi ħassew li jekk ikomplu jobdu għall-​inqas partijiet mil-​Liġi, kienu se jevitaw li jiġu persegwitati. Kien x’kien il-​każ, Pawlu kiteb lill-​Kristjani Lhud u b’mod ċar qalilhom li ma setgħux jidħlu fil-​mistrieħ t’Alla jekk kienu se jirrifjutaw li jaħdmu fi qbil mal-​iskop Tiegħu. a (Ebr. 4:1, 2, 6; aqra Ebrej 4:11.) Biex jiksbu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, kien se jkollhom jaċċettaw il-​fatt li Ġeħova issa ried lill-​poplu tiegħu jaqdih b’mod differenti.

9. Kif għandna nħossuna meta l-​ilsir leali u għaqli jagħmel bidliet fil-​mod kif nifhmu xi ħaġa fil-​Bibbja?

9 Fi żminijiet moderni, kien hemm irfinar fil-​fehma tagħna taʼ ċertu tagħlim Bibliku. Dan m’għandux jinkwetana; għandu jkabbar il-​fiduċja tagħna fil-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli. Kultant, il-​Ġemgħa li Tiggverna, li tirrappreżenta lill-​ilsir leali u għaqli, tirrivedi kif nifhmu ċerti veritajiet. Jekk dawn l-​aħwa jiddeċiedu li hemm bżonn xi bidliet, ma jibżgħux jikkoreġu l-​mod kif spjegaw xi tagħlim fil-​passat jew jagħmlu l-​ispjegazzjonijiet tagħhom iktar ċari. Huma jafu li xi wħud se jgħidu affarijiet ħżiena dwar l-​ilsir leali u għaqli minħabba dawn il-​bidliet, imma din mhijiex l-​iktar ħaġa importanti għalihom. L-​iktar ħaġa importanti għalihom hi li jikkooperaw mal-​iskop t’Alla. Int kif tħossok meta l-​ilsir leali u għaqli jagħmel xi bidla fil-​mod kif nifhmu xi ħaġa fil-​Bibbja?—Aqra Luqa 5:39.

10, 11. (a) Xi studenti tal-​Bibbja x’għamlu meta saru jafu li għandhom jipprovaw modi ġodda taʼ ppritkar? (b) X’nitgħallmu minn dan l-​eżempju?

10 Ejja nikkunsidraw eżempju ieħor. Madwar 100 sena ilu, xi wħud mill-​Istudenti tal-​Bibbja li kienu jagħmlu taħditiet pubbliċi eċċellenti ħasbu li l-​aqwa mod għalihom biex jippritkaw kien billi jagħmlu taħditiet. Kienu jieħdu gost jitkellmu quddiem in-​nies. Xi wħud minnhom kienu jieħdu pjaċir ħafna meta n-​nies kienu jfaħħruhom għat-​taħditiet tagħhom. Madankollu, iktar tard sar evidenti li Ġeħova jixtieq li niesu jkunu beżlin f’diversi forom taʼ ppritkar, inkluż ix-​xogħol minn dar għal dar. Xi wħud minn dawk il-​kelliema tajbin ħafna ma ridux jagħmlu dan. It-​taħditiet tagħhom ġiegħlu lil oħrajn jaħsbu li kienu jħobbu u jobdu lil Ġeħova, imma l-​azzjonijiet tagħhom f’din is-​sitwazzjoni wrew li dan ma kienx minnu. Nafu li Ġeħova ma ħax pjaċir bl-​azzjonijiet tagħhom. Huma telqu mill-​organizzazzjoni tiegħu.—Mt. 10:1-​6; Atti 5:42; 20:20.

11 Anki għal ħafna mill-​Istudenti tal-​Bibbja oħrajn kien diffiċli biex jippritkaw minn dar għal dar, speċjalment fil-​bidu. Imma obdew u baqgħu leali lejn l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Wara xi żmien, sar iktar faċli għalihom biex jippritkaw minn dar għal dar. Ġeħova berikhom bil-​kbir. Int x’tagħmel meta l-​ilsir leali u għaqli jgħidlek biex tipprova mod taʼ ppritkar li qatt ma pprovajtu qabel? Tobdi anki jekk dan il-​mod taʼ ppritkar forsi tħossu diffiċli ħafna għalik?

Meta Xi Ħadd li Nħobbuh Jitlaq lil Ġeħova

12, 13. (a) Ġeħova għala jgħidilna biex ‘inneħħu lill-​bniedem mill-​agħar minn fostna’? (b) Xi ġenituri Kristjani liema sitwazzjoni diffiċli jistgħu jiffaċċjaw?

12 Ċertament li naqblu li biex nogħġbu lil Ġeħova għandna nobdu l-​kmand biex inkunu nodfa b’kull mod. (Aqra Titu 2:14.) Imma hemm sitwazzjonijiet li jistgħu jagħmluhielna diffiċli biex nobdu dan il-​kmand. Pereżempju, aħseb dwar din is-​sitwazzjoni: Koppja Kristjana leali għandhom biss iben wieħed u hu jitlaq mill-​verità. Jippreferi “t-​tgawdija temporanja tad-​dnub” iktar milli l-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova u mal-​ġenituri tiegħu, u għalhekk iż-​żagħżugħ jiġi maqtugħ mis-​sħubija.—Ebr. 11:25.

13 Il-​ġenituri jkollhom qalbhom maqsuma! Huma jafu li l-​Bibbja tgħid biex ‘ma jibqgħux jagħmluha maʼ min jissejjaħ ħu iżda jkun żieni jew rgħib jew idolatra jew żeblieħi jew sakranazz jew imbroljun; lanqas biss għandhom jieklu maʼ bniedem bħal dan.’ Tgħid ukoll: “Neħħu lill-​bniedem mill-​agħar minn fostkom.” (1 Kor. 5:11, 13) U huma jifhmu li l-​kelma “min” tinkludi membri tal-​familja li ma jgħixux fl-​istess dar magħhom. Imma minħabba l-​imħabba kbira tagħhom għal binhom, forsi jaħsbu: “Hemm bżonn li lit-​tifel inkellmuh kemm jistaʼ jkun. Ma nistgħux ngħinuh idur lura lejn Ġeħova jekk ma nistgħux inkellmuh.” b

14, 15. Il-​ġenituri x’għandhom jiftakru meta jiddeċiedu jekk għandhomx ikellmu lil binhom li jkun ġie maqtugħ mis-​sħubija?

14 Qalbna tingħafas għal dawn il-​ġenituri. Binhom kellu l-​għażla li jbiddel dak li kien qed jagħmel. Imma ried ikompli jagħmel dak li hu ħażin iktar milli ried ikun mal-​ġenituri tiegħu u mal-​kongregazzjoni. Il-​ġenituri jridu jgħinu lil binhom, imma ma jistgħux jikkontrollaw dak li jiddeċiedi li jagħmel. Mhux taʼ b’xejn ibatu daqstant!

15 Imma dawn il-​ġenituri għeżież x’se jagħmlu? Se jobdu d-​direzzjoni ċara taʼ Ġeħova? Huwa minnu li jistaʼ jkun hemm okkażjonijiet rari meta jkollhom bżonn ikellmu lil binhom minħabba xi kwistjoni neċessarja tal-​familja. Imma se jaħsbu li għandhom ħafna raġunijiet biex ikellmu lil binhom? Meta jieħdu d-​deċiżjoni tagħhom rigward dan, għandhom jiftakru dwar dak li Ġeħova jridhom jagħmlu. L-​iskop tiegħu hu li jżomm il-​kongregazzjoni nadifa u, jekk ikun possibbli, li jqanqal lil dawk li għamlu l-​ħażen biex jiġu f’sensihom. Ġenituri Kristjani kif jistgħu jappoġġaw dan l-​iskop?

16, 17. X’lezzjoni nitgħallmu mill-​eżempju t’Aron?

16 Aron, ħu Mosè, sab ruħu f’sitwazzjoni diffiċli minħabba dak li għamlu tnejn minn uliedu subien. Immaġina kif ħassu meta wliedu Nadab u Abiħu offrew nar illeġittimu lil Ġeħova u Hu qatilhom. M’għandniex xi ngħidu, dan temm is-​sħubija li dawn l-​irġiel setaʼ kellhom mal-​ġenituri tagħhom. Imma kien hemm xi ħaġa oħra li għamlet din is-​sitwazzjoni saħansitra iktar diffiċli għal Aron u familtu. Mosè qal lil Aron u lil uliedu subien oħrajn li Ġeħova ma ridhomx juru li kienu mnikktin. Mosè qal: “Tittraskurawx xagħarkom, u ċċarrtux ħwejjiġkom, sabiex ma tmutux u biex hu ma jagħdabx kontra l-​ġemgħa kollha.” (Lev. 10:1-​6) Il-​lezzjoni hi ċara. L-​imħabba tagħna għal Ġeħova trid tkun iktar b’saħħitha mill-​imħabba tagħna għal membri tal-​familja li mhumiex leali lejn Ġeħova.

17 Illum, Ġeħova ma joqtolx minnufih lil dawk li ma jobdux il-​liġijiet tiegħu. Hu jurihom imħabba u jagħtihom opportunità biex jieqfu mill-​azzjonijiet ħżiena tagħhom. Imma Ġeħova kif iħossu jekk il-​ġenituri ma jobdux il-​kmand tiegħu u jaħsbu li għandhom ħafna raġunijiet biex ikellmu lil binhom, jew lil binthom, li jkun ġie maqtugħ mis-​sħubija?

18, 19. Liema barkiet jistgħu jgawdu l-​membri tal-​familja jekk ikomplu jkunu leali lejn Ġeħova?

18 Ħafna jgħidu li rritornaw lejn il-​kongregazzjoni għax il-​ħbieb u l-​familja tagħhom baqgħu leali lejn Ġeħova u ma kellmuhomx. Pereżempju, waħda żagħżugħa qalet lill-​anzjani li waħda mill-​affarijiet li ġegħluha tbiddel ħajjitha kienet il-​mod kif aġixxa ħuha. Hu kien leali lejn Ġeħova u obda l-​kmand Tiegħu meta hi kienet maqtugħa mis-​sħubija. Dan ġegħelha tkun trid tirritorna lejn il-​kongregazzjoni.

19 Mela x’għandna bżonn nagħmlu? Għandna nobdu lil Ġeħova f’kull sitwazzjoni fil-​ħajja. Minħabba li aħna imperfetti, kultant dan se jkun diffiċli għalina. Imma għandna nemmnu b’qalbna kollha li dak li Ġeħova jgħidilna biex nagħmlu hu dejjem l-​aħjar għalina.

“Il-​Kelma t’Alla Hi Ħajja”

20. B’liema żewġ modi nistgħu nifhmu Ebrej 4:12? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

20 Meta f’Ebrej 4:12 kiteb: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja,” Pawlu ma kienx qed jitkellem dwar il-​Bibbja. c Il-​kuntest juri li kien qed jitkellem dwar il-​wegħdi t’Alla. Pawlu kien qed jgħid li l-​wegħdi t’Alla dejjem iseħħu. Dwar kelmtu, Ġeħova qal: “Ma terġax lura lejja mingħajr riżultati.” U qal: “Żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.” (Is. 55:11) Għalhekk, irridu nkunu paċenzjużi jekk Alla ma jwettaqx il-​wegħdi tiegħu meta rridu aħna. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova qed jaħdem biex l-​iskop tiegħu jitwettaq.—Ġw. 5:17.

21. Ebrej 4:12 kif jistaʼ jgħin lil uħud avanzati fl-​età jkomplu jaqdu lil Ġeħova?

21 Ħafna mill-​“folla kbira” issa ilhom snin sħaħ jaqdu lil Ġeħova. (Riv. 7:9) Ma stennewx li se jixjieħu f’din id-​dinja mill-​agħar. Imma għadhom qed jagħmlu l-​almu tagħhom fis-​servizz taʼ Ġeħova. (Salm 92:14) Huma jafu li l-​kelma t’Alla hi ħajja u li l-​wegħdi taʼ Ġeħova se jseħħu. (Ebr. 4:12) Huma jafu li qed jaħdem biex iwettaq l-​iskop tiegħu għall-​art u għall-​bnedmin. Peress li l-​iskop t’Alla hu importanti ħafna għalih, hu jħossu ferħan meta nuru li l-​iskop tiegħu hu importanti għalina wkoll. Matul dan is-​sebaʼ jum taʼ mistrieħ, xejn mhu se jwaqqaf lil Ġeħova milli jwettaq l-​iskop tiegħu. U hu jaf li l-​poplu tiegħu, bħala grupp, se jkompli jikkoopera mal-​iskop tiegħu. Imma xi ngħidu għalik? Dħalt int fil-​mistrieħ t’Alla?

[Noti taʼ taħt]

a Ħafna mexxejja reliġjużi Lhud ipprovaw jobdu kull dettall tal-​Liġi Mosajka. Imma meta Ġesù ġie fuq l-​art, ma ridux jemmnu li kien il-​Messija. Huma aġixxew kontra l-​iskop t’Alla.

b Ara l-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla,” paġni 207-​209.

c Illum, Alla jkellimna permezz tal-​Bibbja, li għandha l-​qawwa biex tbiddel ħajjitna. Għalhekk, dak li naqraw f’Ebrej 4:12 nistgħu napplikawh ukoll għall-​Bibbja.

X’Tiftakar?

• Illum, x’għandna bżonn nagħmlu biex nidħlu fil-​mistrieħ t’Alla?

• Meta mill-​Bibbja nifhmu dak li Alla jridna nagħmlu, kif nuru li rridu nogħġbu lil Alla?

• F’liema sitwazzjonijiet jistaʼ jkun diffiċli biex nagħmlu dak li Ġeħova jgħidilna biex nagħmlu? Imma għala hu importanti ħafna li nobduh?

• B’liema żewġ modi nistgħu nifhmu Ebrej 4:12?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 31]

Il-​ġenituri jkollhom qalbhom maqsuma!