Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ideat għall-Qima tal-Familja u l-Istudju Persunali

Ideat għall-Qima tal-Familja u l-Istudju Persunali

FIL-​BIDU tal-​2009, il-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja aġġustaw l-​iskeda tal-​laqgħat tagħhom. Iż-​żewġ laqgħat fost il-​ġimgħa ngħaqdu, u kulħadd ġie mħeġġeġ juża l-​lejla li s-​soltu kienet tintuża għal-​laqgħa biex minflok tintuża għall-​qima tal-​familja jew l-​istudju persunali. Qiegħed int tieħu vantaġġ mill-​arranġament il-​ġdid? Qiegħed tibbenefika bis-​sħiħ minnu?

Xi wħud ħasbu x’materjal għandhom jagħżlu biex jikkunsidrawh fil-​qima tal-​familja. Mhijiex l-​intenzjoni tal-​Ġemgħa li Tiggverna li tistabbilixxi programm wieħed għall-​familji kollha. Peress li ċ-​ċirkustanzi jvarjaw, huwa xieraq li kull kap tal-​familja jew individwu jevalwa kif din l-​okkażjoni taʼ kull ġimgħa tistaʼ tintuża bl-​aħjar mod.

Xi wħud kienu qed jippreparaw għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, imma l-​qima tal-​familja m’għandhiex għalfejn tkun limitata għal dan. Oħrajn kienu qed jaqraw, jiddiskutu, u anke jirreċtaw informazzjoni Skritturali, speċjalment għall-​benefiċċju tat-​tfal iż-​żgħar. Mhux dejjem ikun neċessarju jew anke mixtieq li jintuża l-​metodu taʼ mistoqsija u tweġiba, bħalma jsir f’laqgħat formali. Atmosfera rilassata spiss twassal għal diskussjoni stimulanti u bdil taʼ ideat. Atmosfera bħal din tippromwovi ħsib kreattiv, li jistaʼ jagħmel l-​okkażjoni memorabbli u taʼ pjaċir għal kulħadd.

Missier taʼ tlett itfal jikteb: “Dak li konna qegħdin nagħmlu aħna fil-​biċċa l-​kbira hu bbażat fuq il-​qari tal-​Bibbja. Ilkoll naqraw il-​kapitli minn qabel, it-​tfal jagħżlu xi punt għar-​riċerka, u mbagħad jippreżentaw dak li jkunu sabu. Michael [taʼ sebaʼ snin] spiss ipinġi stampa jew jikteb paragrafu. David u Kaitlyn [taʼ 13 u 15-​il sena] forsi jiktbu dwar rakkont Bibliku mill-​ħarsa t’osservatur. Pereżempju, meta konna qegħdin naqraw dwar l-​interpretazzjoni li ta Ġużeppi dwar il-​ħolma tal-​furnar u l-​kuppier tal-​Fargħun, Kaitlyn kitbet komponiment mill-​ħarsa taʼ priġunier li qed jara x-​xena tiżvolġi.”—Ġen., kap. 40.

Naturalment, is-​sitwazzjonijiet ivarjaw. Dak li jaħdem għal individwu jew familja mhux neċessarjament jaħdem għal ħaddieħor. Il-​kaxxa taʼ wara dan l-​artiklu tippreżenta għadd taʼ ideat li jistgħu jintużaw waqt perijodi tal-​qima tal-​familja jew l-​istudju persunali. Wisq probabbli tistaʼ taħseb f’ħafna oħrajn.

[Kaxxa/Stampa f’paġni 6, 7]

Għal familji b’adoloxxenti:

• Aqra u ddiskuti Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom.

• Immaġina li qed tgħix fi żminijiet Bibliċi. (Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Ġunju, 1996, paġna 11, paragrafi 17-​18.)

• Tkellem dwar miri li jintlaħqu malajr u dawk li jdumu iktar biex jintlaħqu.

• Minn żmien għal żmien, ara u ddiskuti vidjo bbażat fuq il-​Bibbja.

• Ikkunsidra s-​serje t’artikli fit-​Torri tal-​Għassa “Għaż-​Żgħażagħ.”

Għal koppji bla tfal:

• Iddiskuti kapitli 1, 3, 11-​16 tal-​ktieb Is-​Sigriet taʼ l-​Hena fil-​Familja.

• Aqsam dak li sibt mir-​riċerka fuq punti mill-​qari tal-​Bibbja.

• Ipprepara għall-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni jew l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa.

• Iddiskuti modi kif tistaʼ tespandi l-​ministeru tiegħek bħala koppja.

Għal aħwa mhux miżżewġin jew għal dawk fi djar maqsumin reliġjożament:

• Studja pubblikazzjonijiet ġodda li rċivejna fil-​konvenzjonijiet distrettwali.

• Aqra l-​Yearbook kurrenti u taʼ snin li għaddew.

• Agħmel riċerka dwar mistoqsijiet li huma komuni fit-​territorju tiegħek.

• Ipprepara preżentazzjonijiet għall-​ministeru tal-​għalqa.

Għal familji bi tfal żgħar:

• Irreċta xeni Bibliċi.

• Ilgħab logħob tal-​memorja, bħal dak fl-​artikli “Għal Reviżjoni Bħala Familja” fi Stenbaħ!

• Kultant, agħmel xi ħaġa kreattiva. (Ara “Studying the Bible—In the Zoo!” fi Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​8 taʼ Marzu, 1996, paġni 16-​19.)

• Ikkunsidra s-​serje t’artikli “Għallem lil Uliedek” li tidher fit-​Torri tal-​Għassa.