Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova —“L-Alla li Jagħti l-Paċi”

Ġeħova —“L-Alla li Jagħti l-Paċi”

“L-​Alla li jagħti l-​paċi jkun magħkom ilkoll.”—RUM. 15:33.

1, 2. Liema sitwazzjoni stressanti tiġi deskritta f’Ġenesi kapitli  32 u 33, u kif spiċċat?

 IL-​POST huwa viċin Penwel, ħdejn il-​wied taʼ Ġabbok fuq in-​naħa tal-​Lvant tax-​Xmara Ġordan. Għesaw semaʼ li ħuh it-​tewmi, Ġakobb, kien ġej lura d-​dar. Avolja għaddew 20 sena minn meta Għesaw biegħ id-​dritt tiegħu bħala l-​ewwel imwieled lil ħuh, Ġakobb beżaʼ li ħuh kien għadu rrabjat għalih u li ried joqtlu. Flimkien maʼ 400 raġel, Għesaw mar jiltaqaʼ maʼ ħuh, li kien ilu ma jkellmu. Ġakobb, li ma tantx kien qed jistenna li ħuh kien se jilqgħu tajjeb, ftit ftit jibgħatlu ruxxmata taʼ rigali li kienu jgħoddu mal-​550 annimal. Maʼ kull grupp t’annimali, il-​qaddejja taʼ Ġakobb jgħidu lil Għesaw li dawn kienu rigal mingħand ħuh.

2 Sa fl-​aħħar wasal il-​mument! Hekk kif Ġakobb bil-​kuraġġ kollu jimxi lejn Għesaw, hu jmil lejn l-​art—mhux darba, imma sebaʼ darbiet. Ġakobb kien diġà għamel l-​iktar ħaġa importanti li setaʼ jagħmel biex irattab qalb ħuh. Ġakobb talab lil Ġeħova biex jeħilsu minn idejn Għesaw. Iwiġibha dit-​talba Ġeħova? Iva. Il-​Bibbja tgħidilna, “Għesaw ġie jiġri jiltaqaʼ miegħu, ħaddnu, għannqu, u biesu.”—Ġen. 32:11-​20; 33:1-​4.

3. X’nitgħallmu mir-​rakkont taʼ Ġakobb u Għesaw?

3 Ir-​rakkont taʼ Ġakobb u Għesaw juri li għandna nagħmlu sforzi sinċieri u prattiċi biex nirranġaw kwistjonijiet meta jinqalgħu l-​problemi li għandhom mnejn jheddu l-​paċi li ngawdu fil-​kongregazzjoni Kristjana. Ġakobb ra li jkun fil-​paċi maʼ Għesaw, iżda dan ma kienx għaliex Ġakobb żbalja kontra ħuh u kellu għalfejn jitolbu maħfra. Le, Għesaw kien stmerr id-​dritt tiegħu tal-​ewwel imwieled u kien biegħu lil Ġakobb għal platt soppa. (Ġen. 25:31-​34; Ebr. 12:16) Madankollu, il-​mod kif Ġakobb resaq lejn Għesaw juri li għandna nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu fil-​paċi maʼ ħutna l-​Kristjani. Juri wkoll li l-​Alla l-​veru jbierek l-​isforzi bit-​talb tagħna biex nagħmlu l-​paċi m’oħrajn. Il-​Bibbja fiha għadd kbir taʼ eżempji oħrajn li jgħallmuna kif inkunu wħud li jġibu l-​paċi.

L-​Aqwa Eżempju Biex Insegwuh

4. Liema provvediment għamel Alla biex isalva lill-​umanità mid-​dnub u l-​mewt?

4 L-​iktar eżempju li jispikka taʼ wieħed li jġib il-​paċi huwa Ġeħova—“l-​Alla li jagħti l-​paċi.” (Rum. 15:33) Aħseb sa liema punt mar Ġeħova biex jgħinna jkollna relazzjoni taʼ paċi miegħu. Bħala dixxendenti midinba taʼ Adam u Eva, aħna jistħoqqilna “l-​ħlas li jagħti d-​dnub.” (Rum. 6:23) Xorta waħda, sforz l-​imħabba kbira tiegħu, Ġeħova għamel arranġament għas-​salvazzjoni tagħna billi bagħat lil Ibnu l-​maħbub mis-​sema biex jitwieled bħala bniedem perfett. U l-​Iben aċċetta minn qalbu. Hu ħalla lilu nnifsu jinqatel mill-​għedewwa t’Alla. (Ġw. 10:17, 18) L-​Alla l-​veru rxoxta lil Ibnu l-​maħbub, u dan wara ppreżenta lill-​Missier il-​valur tad-​demm imxerred tiegħu li kellu jservi taʼ fidwa biex isalva lil midinbin nedmin minn mewt eterna.—Aqra Ebrej 9:14, 24.

5, 6. Id-​demm imxerred taʼ Ġesù kif jeffettwa r-​relazzjoni li tħassret bejn Alla u l-​bnedmin midinba?

5 Il-​provvediment tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa tal-​Iben t’Alla kif jeffettwa r-​relazzjoni li tħassret bejn Alla u l-​bnedmin midinba? Isaija 53:5 jgħid: “Kellu fuqu s-​swat maħsub għall-​paċi tagħna, u minħabba l-​feriti tiegħu kellna l-​fejqan.” Il-​bnedmin ubbidjenti jistgħu issa jgawdu relazzjoni taʼ paċi m’Alla minflok ma jitqiesu bħala l-​għedewwa tiegħu. “Bih [b’Ġesù] għandna l-​ħelsien bil-​fidwa permezz taʼ demmu, iva, il-​maħfra tan-​nuqqasijiet tagħna.”—Efes. 1:7.

6 Il-​Bibbja tistqarr: “Alla raha ħaġa tajba li tgħammar fih [fi Kristu] il-​milja taʼ kollox.” Dan għaliex Kristu hu l-​mezz prinċipali li permezz tiegħu jitwettaq l-​iskop t’Alla. U x’inhu l-​iskop taʼ Ġeħova? Huwa biex “jerġaʼ jħabbeb l-​affarijiet l-​oħrajn kollha Miegħu billi jagħmel paċi magħhom permezz tad-​demm” imxerred taʼ Ġesù Kristu. “L-​affarijiet l-​oħrajn kollha” li Alla b’hekk iġib f’relazzjoni taʼ paċi miegħu huma “l-​affarijiet fis-​smewwiet” u “l-​affarijiet fuq l-​art.” X’inhuma dawn?—Aqra Kolossin 1:19, 20.

7. X’inhuma “l-​affarijiet fis-​smewwiet” u “l-​affarijiet fuq l-​art” li jinġiebu f’relazzjoni taʼ paċi m’Alla?

7 Il-​provvediment tal-​fidwa jagħmilha possibbli għal Kristjani midlukin, li ‘ġew dikjarati ġusti’ bħala wlied Alla, biex ‘igawdu l-​paċi m’Alla.’ (Aqra Rumani 5:1.) Huma jissejħu bħala “l-​affarijiet fis-​smewwiet” għaliex għandhom tama għas-​sema u “se jsaltnu għal fuq l-​art” u jaqdu bħala qassisin għal Alla. (Riv. 5:10) Min-​naħa l-​oħra, “l-​affarijiet fuq l-​art” jirreferu għal bnedmin nedmin li maż-​żmien se jgħixu ħajja taʼ dejjem fuq l-​art.—Salm 37:29.

8. Kif tiġi effettwat meta taħseb fil-​fond fuq dak kollu li Ġeħova għamel biex il-​bnedmin ikunu jistgħu jkunu fil-​paċi miegħu?

8 Filwaqt li Pawlu esprima l-​gratitudni mill-​qalb tiegħu għall-​provvediment taʼ Ġeħova, hu kiteb lill-​Kristjani midlukin f’Efesu: “Alla, li hu għani fil-​ħniena,  . . . tana l-​ħajja flimkien mal-​Kristu, saħansitra meta konna mejtin fin-​nuqqasijiet—bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa kontu salvati.” (Efes. 2:4, 5) Kemm jekk għandna tama għas-​sema u kemm jekk għall-​art, aħna midjunin bil-​kbir lejn Alla minħabba l-​ħniena u l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu. Qalbna timtela bil-​gratitudni hekk kif naħsbu fuq kulma għamel Ġeħova biex il-​bnedmin ikunu jistgħu jgawdu l-​paċi miegħu. Kultant ikollna xi problemi li jipperikolaw l-​unità u l-​paċi tal-​kongregazzjoni. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, m’għandniex aħna naħsbu fil-​fond b’apprezzament fuq l-​eżempju t’Alla u nitqanqlu biex inkunu wħud li jġibu l-​paċi?

Nitgħallmu Minn Dak li Għamlu Abraham u Iżakk

9, 10. Abraham kif wera li kien wieħed li jġib il-​paċi meta ttratta maʼ Lot meta qamet tensjoni fost ir-​rgħajja tagħhom?

9 Dwar il-​patrijarka Abraham, il-​Bibbja tgħid: “‘Abraham poġġa l-​fidi f’Ġeħova, u dan ngħaddlu bħala ġustizzja,’ u beda jissejjaħ ‘il-​ħabib taʼ Ġeħova.’” (Ġak. 2:23) Il-​fidi t’Abraham intweriet billi żamm il-​paċi m’oħrajn. Pereżempju, hekk kif in-​nagħaġ u l-​baqar t’Abraham żdiedu, żviluppat tensjoni bejn ir-​rgħajja tiegħu u dawk taʼ neputih Lot. (Ġen. 12:5; 13:7) Is-​soluzzjoni ovvja kienet li Abraham u Lot jisseparaw. Abraham kif kien se jittratta din is-​sitwazzjoni delikata? Minflok ma ħa vantaġġ mill-​età tiegħu u milli kien igawdi ħbiberija speċjali m’Alla, Abraham ħareġ taʼ wieħed li tassew iġib il-​paċi.

10 Abraham qal lin-​neputi tiegħu: “Jekk jogħġbok, ħa ma jkomplix ikun hemm tilwim bejni u bejnek u bejn ir-​rgħajja tiegħi u r-​rgħajja tiegħek, għax aħna aħwa.” Il-​patrijarka kompla: “Mhix l-​art kollha għad-​dispożizzjoni tiegħek? Jekk jogħġbok, infired minni. Jekk tmur lejn ix-​xellug, jien immur lejn il-​lemin; imma jekk tmur lejn il-​lemin, jien immur lejn ix-​xellug.” Lot għażel l-​iktar parti fertili tal-​art, iżda Abraham ma żammx f’qalbu għalih. (Ġen. 13:8-​11) Iktar tard, meta Lot ittieħed ilsir minn armati li ġew kontrih, Abraham ma qagħadx jaħsibha darbtejn biex isalva lil neputih.—Ġen. 14:14-​16.

11. Abraham kif kien wieħed li jżomm il-​paċi mal-​ġirien Filistin tiegħu?

11 Aħseb ukoll dwar kif Abraham żamm il-​paċi mal-​ġirien Filistin tiegħu fl-​art taʼ Kangħan. Il-​Filistin kienu “ħadu bil-​forza” bir bl-​ilma mħaffer mill-​qaddejja t’Abraham f’Bir-​xeba. Abraham, li kien salva lil neputih minn idejn erbaʼ slaten, kif kien se jirreaġixxi għal din l-​azzjoni? Minflok ma ġġieled u reġaʼ kiseb il-​bir tiegħu, Abraham għażel li jibqaʼ sieket dwar il-​kwistjoni. Maż-​żmien, is-​sultan Filisti żar lil Abraham biex jagħmel patt taʼ paċi. Kien biss wara li ġiegħel lil Abraham jaħlef li jkun qalbu tajba mad-​dixxendenti tas-​sultan Filisti li Abraham semma l-​kwistjoni tal-​bir misruq. Maħsud b’dak li semaʼ, is-​sultan ta l-​bir lura lil Abraham. Inkwantu għal Abraham, hu kompla jgħix fil-​paċi bħala resident barrani fil-​pajjiż.—Ġen. 21:22-​31, 34.

12, 13. (a) Iżakk kif mexa fuq l-​eżempju taʼ missieru? (b) Ġeħova kif bierek l-​isforzi taʼ Iżakk biex iżomm il-​paċi?

12 Iżakk, it-​tifel t’Abraham, kien iħobb il-​paċi l-​istess bħal missieru. Dan jidher mill-​mod kif Iżakk ittratta mal-​Filistin. Minħabba li waqaʼ l-​ġuħ fil-​pajjiż, Iżakk ħa lill-​familja tiegħu lejn it-​Tramuntana, minn Bir-​laħaj-​roj fir-​reġjun niexef tan-​Negeb għal ġot-​territorju iktar fertili tal-​Filistin f’Gerar. Hemm, Ġeħova bierek lil Iżakk bi ħsad tajjeb u kattarlu l-​annimali. Il-​Filistin bdew jgħiru għalih. Billi l-​Filistin ma ridux li Iżakk jistagħna bħalma għamel missieru, huma radmu l-​bjar li l-​qaddejja t’Abraham kienu ħaffru fir-​reġjun. Fl-​aħħar, is-​sultan Filisti qal lil Iżakk biex ‘jitlaq mill-​inħawi tagħhom.’ Ir-​raġel li kien iħobb il-​paċi, Iżakk, għamel kif qallu.—Ġen. 24:62; 26:1, 12-​17.

13 Wara li Iżakk telaq iżjed ’il bogħod, ir-​rgħajja tiegħu ħaffru bir ieħor. Ir-​rgħajja Filistin sostnew li l-​ilma kien tagħhom. Iżakk, bħal missieru Abraham, ma qagħadx jiġġieled fuq bir. Minflok, Iżakk reġaʼ qabbad lill-​qaddejja tiegħu jħaffru bir. Il-​Filistin sostnew li dan kien tagħhom ukoll. Biex iżomm il-​paċi, Iżakk ħa lill-​familja kbira tiegħu jerġaʼ lejn post ieħor. Hemm, il-​qaddejja tiegħu ħaffru bir li Iżakk semma Reħobot. Maż-​żmien, hu mar lejn ir-​reġjun iktar fertili f’Bir-​xeba, fejn Ġeħova bierku u qallu: “Tibżax, għax jien miegħek, u se nbierkek u nkattar lil nislek minħabba l-​qaddej tiegħi Abraham.”—Ġen. 26:17-​25.

14. Iżakk kif wera li kien wieħed li jġib il-​paċi meta s-​sultan Filisti ried li jagħmel patt taʼ paċi miegħu?

14 M’għandniex xi ngħidu, Iżakk kien kapaċi jiġġieled għad-​dritt tiegħu biex juża l-​bjar kollha li l-​qaddejja tiegħu kienu ħaffru. Wara kollox, is-​sultan Filisti u l-​uffiċjali tiegħu ġew iżuruh f’Bir-​xeba u riedu li jagħmlu patt taʼ paċi miegħu u qalu: “Aħna rajna li bla dubju Ġeħova qiegħed miegħek.” Xorta waħda, biex tinżamm il-​paċi, Iżakk għażel iżjed minn darba li jitlaq minn fejn kien milli joqgħod jiġġieled. Din id-​darba wkoll, Iżakk wera li kien wieħed li jġib il-​paċi. Ir-​rakkont storiku jgħid: “Għamlilhom festa [lil dawk li ġew iżuruh] u kielu u xorbu. L-​għada fil-​għodu qamu kmieni u ħalfu lil xulxin. Imbagħad Iżakk bagħathom . . . bis-​sliem.”—Ġen. 26:26-​31.

Nitgħallmu mit-​Tifel li Ġakobb Ħabb l-​Iktar

15. Ħut Ġużeppi għala ma kellhomx il-​ħila jkellmuh bil-​paċi?

15 It-​tifel taʼ Iżakk, Ġakobb, sar raġel “bla ħtija” meta kiber. (Ġen. 25:27) Bħalma ġie diskuss fil-​bidu, Ġakobb għamel dak li setaʼ biex iżomm il-​paċi maʼ ħuh Għesaw. Bla dubju, Ġakobb kien ibbenefika mill-​eżempju taʼ missieru Iżakk li dejjem żamm il-​paċi. X’nistgħu ngħidu dwar it-​tfal taʼ Ġakobb? Mit-​12-​il tifel li kellu, kien lil Ġużeppi li Ġakobb ħabb l-​iktar. Ġużeppi kien tifel ubbidjenti u taʼ rispett, kif ukoll setaʼ jiġi fdat minn Ġakobb. (Ġen. 37:2, 14) Madankollu, l-​aħwa ikbar taʼ Ġużeppi tant saru għajjurin għalih li ma kellhomx il-​ħila jitkellmu miegħu bil-​paċi. Bi krudeltà, huma biegħu lil Ġużeppi bħala lsir u qarrqu b’missierhom meta qalulu li Ġużeppi nqatel minn bhima selvaġġa.—Ġen. 37:4, 28, 31-​33.

16, 17. Ġużeppi kif wera lil ħutu li kien wieħed li jħobb il-​paċi?

16 Ġeħova wera li kien maʼ Ġużeppi. Maż-​żmien, Ġużeppi sar il-​prim ministru tal-​Eġittu—it-​tieni fil-​poter wara l-​Fargħun. Meta ġuħ kbir ġab lil ħut Ġużeppi l-​Eġittu, dawn lanqas biss għarfuh minħabba l-​ilbies Eġizzjan uffiċjali li kellu. (Ġen. 42:5-​7) Kemm setaʼ kien faċli għal Ġużeppi li jpattiha lil ħutu għall-​krudeltà li wrew miegħu u maʼ missierhom! Madankollu, minflok din it-​tpattija, Ġużeppi pprova jagħmel paċi magħhom. Meta kien ovvju li ħutu nidmu, hu qalilhom min kien, u qal: “Tħossukomx imweġġgħin u tirrabjawx għalikom infuskom għaliex begħtuni hawnhekk; għax Alla bagħatni qabilkom biex intom tibqgħu ħajjin.” Imbagħad bies lil ħutu kollha u beka fuqhom.—Ġen. 45:1, 5, 15.

17 Wara l-​mewt taʼ missierhom Ġakobb, ħut Ġużeppi ħasbu li dan kien se jagħmel vendetta minnhom. Hekk kif esprimew il-​biżaʼ tagħhom, Ġużeppi “nfaqaʼ jibki” u wieġeb: “Tibżgħux. Jien nibqaʼ nagħti l-​ikel lilkom u lit-​tfal ċkejknin tagħkom.” Ġużeppi, li kien iħobb il-​paċi, “farraġhom u bi kliemu serrħilhom moħħhom.”—Ġen. 50:15-​21.

“Inkiteb għall-​Istruzzjoni Tagħna”

18, 19. (a) Kif ibbenefikajt mid-​diskussjoni dwar l-​eżempji taʼ wħud li ġabu l-​paċi f’dan l-​artiklu? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

18 Pawlu kiteb: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-​istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura jkollna t-​tama.” (Rum. 15:4) Kif ibbenefikajna milli rajna mhux biss l-​eżempju superlattiv taʼ Ġeħova imma wkoll ir-​rakkonti Skritturali taʼ Abraham, Iżakk, Ġakobb, u Ġużeppi?

19 Jekk nirriflettu b’apprezzament fuq dak li Ġeħova għamel biex jerġaʼ jħabbibna miegħu, aħna se nitqanqlu nagħmlu kull ma nistgħu biex inżommu l-​paċi m’oħrajn. L-​eżempji taʼ Abraham, Iżakk, Ġakobb, u Ġużeppi juru li l-​ġenituri jistaʼ jkollhom effett pożittiv fuq uliedhom. Iktar minn hekk, dawn ir-​rakkonti juru wkoll li Ġeħova jbierek l-​isforzi taʼ dawk li jipprovaw iżommu l-​paċi. Mhux taʼ b’xejn li Pawlu jirreferi għal Ġeħova bħala “l-​Alla li jagħti l-​paċi”! (Aqra Rumani 15:33; 16:20.) L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti għala Pawlu enfasizza l-​bżonn li nirsistu għall-​paċi u kif nistgħu nkunu wħud li nġibu l-​paċi.

X’Tgħallimt?

• Ġakobb b’liema mod żamm il-​paċi meta kien se jiltaqaʼ maʼ Għesaw?

• Kif ġejt effettwat b’dak li għamel Ġeħova biex jgħin lill-​umanità tkun fil-​paċi miegħu?

• X’tgħallimt mill-​eżempji taʼ dawk li ġabu l-​paċi, jiġifieri, Abraham, Iżakk, Ġakobb, u Ġużeppi?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 23]

X’kien il-​pass l-​iktar importanti li ħa Ġakobb f’li jagħmel paċi maʼ Għesaw?