Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Taxxi—Għandek Tħallashom?

It-Taxxi—Għandek Tħallashom?

FTIT hemm nies li jieħdu pjaċir iħallsu t-​taxxi. Ħafna jħossu li l-​flus li jħallsu f’taxxa jinħlew minħabba l-​ineffiċjenza, l-​użu ħażin, jew il-​frodi sfaċċata. Iżda, xi wħud jirrifjutaw li jħallsu t-​taxxa għal raġunijiet morali. Residenti taʼ belt fil-​Lvant Nofsani, waqt li spjegaw id-​deċiżjoni tagħhom biex iżommu lura milli jħallsu t-​taxxi tagħhom, qalu: “M’aħniex se nħallsu għall-​balal li joqtlu lil uliedna.”

Sentimenti bħal dawn la huma rari u lanqas ġodda. Il-​mexxej Ħindu Mohandas K. Gandhi, li issa mejjet, esprima l-​waqfa kuxjenzjuża tiegħu b’dan il-​mod: “Wieħed li jappoġġa Stat organizzat b’mod militari—kemm jekk direttament u kemm jekk le—jieħu sehem fid-​dnub. Kull bniedem kbir jew żgħir jieħu sehem fid-​dnub billi jikkontribwixxi għall-​Istat bil-​ħlas tat-​taxxa.”

Bl-​istess mod, il-​filosfu Henry David Thoreau li għex fis-​seklu 19 qal li kien għal raġunijiet morali li rrifjuta li jħallas it-​taxxi li jintużaw biex jappoġġaw il-​gwerra. Hu staqsa: “Għandu ċittadin iħalli lil dak li jagħmel il-​liġi jieħu deċiżjonijiet li suppost jieħu ċ-​ċittadin fi qbil mal-​kuxjenza tiegħu stess? Allura għaliex kull bniedem għandu kuxjenza?”

Din il-​kwistjoni hi taʼ tħassib għall-​Kristjani għax il-​Bibbja tgħallem ċar li għandhom iżommu kuxjenza nadifa fl-​affarijiet kollha. (2 Timotju 1:3) Mill-​banda l-​oħra, il-​Bibbja wkoll tirrikonoxxi l-​awtorità tal-​gvernijiet biex jiġbru t-​taxxi. Hi tgħid: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-​awtoritajiet superjuri [gvernijiet umani], għax m’hemm l-​ebda awtorità jekk mhux minn Alla; l-​awtoritajiet li jeżistu tqiegħdu fil-​pożizzjonijiet relattivi tagħhom minn Alla. Għalhekk, intom obbligati li tkunu sottomessi, mhux biss minħabba din il-​korla imma wkoll minħabba l-​kuxjenza tagħkom. Għax huwa għalhekk ukoll li intom qed tħallsu t-​taxxi; għax l-​awtoritajiet huma l-​qaddejja pubbliċi t’Alla li jaqdu l-​ħin kollu dan l-​istess skop. Agħtu lil kulħadd dak li għandu jieħu, lil min jitlob it-​taxxa, it-​taxxa.”—Rumani 13:1, 5-​7.

Għal din ir-​raġuni, il-​Kristjani fl-​ewwel seklu kienu magħrufin sew għal li jħallsu minnufih it-​taxxi, avolja ammont mhux ħażin minnhom ikun mar għall-​appoġġ tal-​militar. L-​istess hu minnu dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fi żminijiet moderni. a Kif nistgħu nispjegaw din li tidher qisha kontradizzjoni? Għandu Kristjan jinjora l-​kuxjenza tiegħu meta jiġi biex iħallas it-​taxxi?

It-​Taxxi u l-​Kuxjenza

Taʼ min jinnota li ammont mit-​taxxi li l-​Kristjani tal-​ewwel seklu ġew istruwiti jħallsu ntuża għall-​militar. Din hi eżatt l-​istess kwistjoni taʼ kuxjenza li iktar tard qanqlet lil Gandhi u Thoreau jżommu lura milli jħallsu t-​taxxi.

Innota li l-​Kristjani obdew il-​kmand f’​Rumani kapitlu 13 mhux sempliċement għax riedu jevitaw il-​kastig imma wkoll “minħabba l-​kuxjenza” tagħhom. (Rumani 13:5) Iva, il-​kuxjenza taʼ Kristjan fil-​fatt tirrikjedi li jħallas it-​taxxa, anke jekk din tintuża biex tappoġġa attivitajiet li hu personalment ma jaqbilx magħhom. Biex nifhmu din il-​ħaġa li tidher qisha kontradizzjoni, irridu nagħrfu fatt importanti dwar il-​kuxjenza tagħna, il-​vuċi ġewwinija li tgħidilna jekk dak li nagħmlu hux tajjeb jew ħażin.

Kulħadd għandu vuċi ġewwinija bħal din, kif qal Thoreau, imma mhux bilfors tkun taʼ min jafdaha. Sabiex nogħġbu lil Alla, il-​kuxjenza tagħna għandha tinġieb fi qbil mal-​livelli morali tiegħu. Spiss ikollna naġġustaw il-​ħsib jew il-​ħarsa tagħna biex tiġi fi qbil maʼ t’Alla għax ħsibijietu huma superjuri għal tagħna. (Salm 19:7) Għalhekk, għandna nħabirku biex nifhmu l-​ħarsa t’Alla lejn il-​gvernijiet umani. X’inhi l-​ħarsa tiegħu?

Ninnotaw li l-​appostlu Pawlu sejjaħ il-​gvernijiet tal-​bnedmin “il-​qaddejja pubbliċi t’Alla.” (Rumani 13:6) Dan xi jfisser? Bażikament ifisser li huma jżommu l-​ordni u jwettqu dmirijiet taʼ valur għas-​soċjetà. Anke l-​iktar gvernijiet korrotti spiss jipprovdu servizzi bħall-​posta, l-​edukazzjoni għall-​pubbliku, it-​tifi tan-​nar, u l-​inforzar tal-​liġi. Għalkemm Alla hu konxju bis-​sħiħ tad-​difetti taʼ dawn l-​awtoritajiet magħmulin mill-​bnedmin, hu jittollera l-​eżistenza tagħhom għal xi żmien u jikkmanda li nħallsu t-​taxxi b’turija taʼ rispett għall-​arranġament tiegħu, jiġifieri, il-​fatt li jippermetti dawn il-​gvernijiet jaħkmu l-​umanità.

Madanakollu, Alla b’mod temporanju biss qed jippermetti l-​ħakma mill-​gvernijiet umani. Hija r-​rieda tiegħu li s-​Saltna tas-​sema tiegħu tieħu posthom kollha u li fl-​aħħar mill-​aħħar jirranġa l-​ħsara kollha li għamlet il-​ħakma umana fuq il-​bnedmin tul is-​sekli. (Danjel 2:44; Mattew 6:10) Iżda, sadattant, Alla ma tax awtorità lill-​Kristjani biex jieħdu sehem f’diżubbidjenza ċivili billi jirrifjutaw li jħallsu t-​taxxi jew billi jagħmlu xi ħaġ’oħra.

Xi ngħidu jekk, bħal Gandhi, xorta waħda tħoss li hu dnub li tħallas it-​taxxa li tappoġġa l-​gwerra? Bħalma jekk nitilgħu iktar fl-​għoli jkollna veduta aħjar taʼ post, hekk ukoll nistgħu iktar faċilment naġġustaw il-​ħsib tagħna biex ikun bħal t’Alla billi naħsbu dwar kemm il-​ħarsa tiegħu hi iktar għolja minn tagħna. Permezz tal-​profeta Isaija, Alla qal: “Daqskemm is-​smewwiet huma ogħla mill-​art, hekk triqati huma ogħla minn triqatkom, u ħsibijieti minn ħsibijietkom.”—Isaija 55:8, 9.

Awtorità Assoluta?

It-​tagħlim tal-​Bibbja fuq il-​ħlas tat-​taxxa ma jfissirx li l-​gvernijiet umani jistgħu jkollhom awtorità assoluta fuq is-​sudditi tagħhom. Ġesù għallem li Alla jagħti biss awtorità limitata lil dawn il-​gvernijiet. Meta ġie mistoqsi jekk kienx xieraq f’għajnejn Alla li jitħallsu t-​taxxi lill-​gvern Ruman li kien imexxi dak iż-​żmien, Ġesù wieġeb b’din l-​istqarrija profonda: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”—Marku 12:13-​17.

Il-​gvernijiet—rappreżentati minn “Ċesari”—jistampaw il-​flus u jgħinu biex jistabbilixxu l-​valur tagħhom. Għalhekk, mill-​ħarsa t’Alla għandhom id-​dritt li jitolbuhom lura fil-​forma taʼ taxxi. Però, Ġesù wera li “dak li hu t’Alla”—il-​ħajja u l-​qima tagħna—ma jistaʼ jingħata lil ebda istituzzjoni tal-​bniedem. Meta l-​liġijiet jew il-​ħtiġijiet tal-​bnedmin imorru kontra l-​liġijiet t’Alla, il-​Kristjani għandhom ‘jobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.’—Atti 5:29.

Il-​Kristjani llum għandhom mnejn ikunu ansjużi dwar il-​mod kif jintefqu ftit mit-​taxxi tagħhom, imma ma jipprovawx jindaħlu fl-​azzjonijiet tal-​gvern jew jinfluwenzawhom billi jiġġieldu kontrihom jew billi jirrifjutaw li jħallsu t-​taxxi. Dan kieku juri nuqqas taʼ fiduċja fis-​soluzzjoni t’Alla għall-​gwajijiet tal-​bnedmin. Minflok, bil-​paċenzja jistennew għall-​ħin imwaqqat t’Alla biex jintervieni fil-​kwistjonijiet tal-​bnedmin permezz tal-​ħakma t’Ibnu, Ġesù, li qal: “Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja.”—Ġwanni 18:36.

Il-​Benefiċċji taʼ li Nsegwu t-​Tagħlim tal-​Bibbja

Tistaʼ tikseb diversi benefiċċji billi ssegwi t-​tagħlim tal-​Bibbja dwar il-​ħlas tat-​taxxa. Int se tevita l-​kastig li hemm għal dawk li jiksru l-​liġi kif ukoll se tevita l-​biżaʼ li tinqabad. (Rumani 13:3-​5) Iktar importanti minn hekk, se żżomm kuxjenza nadifa quddiem Alla u se tonorah bil-​kondotta tiegħek taʼ li tobdi l-​liġi. Għalkemm għandek mnejn tesperjenza xi telf finanzjarju meta titqabbel maʼ dawk li ma jħallsux it-​taxxa jew saħansitra jqarrqu fiha, int tistaʼ tafda fil-​wegħda t’Alla li jieħu ħsieb lill-​qaddejja leali tiegħu. Il-​kittieb Bibliku David poġġieha b’dan il-​mod: “Kont żagħżugħ, u issa xjaħt, u madankollu qatt ma rajt lil xi ħadd ġust abbandunat għalkollox, lanqas lil uliedu jfittxu l-​ħobż.”—Salm 37:25.

Finalment, il-​fatt li tifhem u ssegwi l-​kmand tal-​Bibbja biex tħallas it-​taxxi jagħtik is-​serħan tal-​moħħ. Alla ma jżommokx responsabbli għal dak kollu li jagħmel il-​gvern bit-​taxxi li tħallas, l-​istess bħalma l-​liġi ma żżommokx responsabbli għal dak li jagħmel sid id-​dar bil-​kera li tħallas. Qabel ma tgħallem il-​verità tal-​Bibbja, raġel jismu Stelvio pprova jġib bidla politika għal snin sħaħ fl-​Ewropa tan-​Nofsinhar. Biex jispjega għala waqqaf l-​isforzi tiegħu, hu qal: “Kelli nammetti li l-​bniedem mhuwiex kapaċi jġib ġustizzja, paċi, u fratellanza fid-​dinja. Is-​Saltna t’Alla biss kapaċi ġġib soċjetà differenti u aħjar.”

Bħal Stelvio, jekk b’lealtà ‘tagħti lura lil Alla dak li hu t’Alla,’ int ukoll tistaʼ tgawdi dik iċ-​ċertezza. Se tara ż-​żmien meta Alla jġib ħakma ġusta fuq l-​art kollha u jirranġa l-​ħsara u l-​inġustizzja li ġabet il-​ħakma umana.

[Nota taʼ taħt]

a Għal informazzjoni dwar ir-​rekord tax-​Xhieda taʼ Ġeħova bħala wħud li jħallsu t-​taxxa, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Novembru, 2002, paġna 12, paragrafu 15, u tal-​1 taʼ Mejju, 1996, paġna 29, paragrafu 7.

[Kumment f’paġna 24]

Għandna bżonn naġġustaw il-​ħarsa tagħna biex tiġi fi qbil maʼ t’Alla għax ħsibijietu huma superjuri għal tagħna

[Kumment f’paġna 25]

Billi b’ubbidjenza jħallsu t-​taxxi, il-​Kristjani jżommu kuxjenza tajba quddiem Alla u juru li jafdaw li jieħu ħsiebhom

[Stampi f’paġna 24]

“Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla”

[Sors]

Copyright British Museum