Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jafek Lilek Ġeħova?

Jafek Lilek Ġeħova?

“Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu.”—2 TIM. 2:19.

1, 2. (a) Ġesù minn xiex kien jimpurtah? (b) Liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw?

 DARBA minnhom, Fariżew staqsa lil Ġesù: “Liema hu l-​akbar kmandament fil-​Liġi?” Ġesù wieġbu: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” (Mt. 22:35-​37) Ġesù kellu mħabba kbira għal Ġeħova. Il-​mod kif għex wera li hu verament kien jimpurtah minn dak li Ġeħova kien jaħseb dwaru. Għalhekk, ftit qabel mewtu, setaʼ jgħid li Alla kien jafu bħala wieħed li obda lealment il-​kmandamenti Tiegħu. B’hekk, Ġesù baqaʼ fl-​imħabba taʼ Ġeħova.—Ġw. 15:10.

2 Illum, ħafna jsostnu li jħobbu lil Alla. Mingħajr dubju, aħna ninkludu lilna nfusna magħhom. Madankollu, hemm mistoqsijiet importanti li għandna nikkunsidrawhom: ‘Alla jafni lili? Ġeħova kif iħares lejja? Magħruf jien bħala tiegħu?’ (2 Tim. 2:19) Xi privileġġ hu l-​ħsieb li jistaʼ jkollna relazzjoni mill-​qrib bħal din mal-​iktar persuna importanti fl-​univers!

3. (a) Għal xi wħud, għala hu diffiċli biex jemmnu li jistgħu jkunu taʼ Ġeħova? (b) X’jistaʼ jgħinhom ibiddlu dan il-​mod taʼ ħsib?

3 Madankollu, xi wħud li jħobbu ħafna lil Ġeħova jsibuha diffiċli biex jemmnu li jistgħu jkunu ħbieb m’Alla. Xi wħud jemmnu li ma jiswew xejn. Minħabba f’hekk, jaħsbu li ma jistgħux ikunu taʼ Ġeħova. Iżda, kemm nistgħu nkunu grati li Alla jistaʼ jarana minn perspettiva differenti! (1 Sam. 16:7) L-​appostlu Pawlu qal lil sħabu l-​Kristjani: “Jekk xi ħadd iħobb lil Alla, Alla jkun jafu lil dan.” (1 Kor. 8:3) L-​imħabba tiegħek għal Alla hi ħtieġa importanti biex hu jkun jafek. Ikkunsidra: Għala qed taqra din ir-​rivista? Għala qed tistinka biex taqdi lil Ġeħova b’qalbek, b’ruħek, b’moħħok, u b’saħħtek kollha? Jekk int iddedikajt ruħek lil Alla u tgħammidt, x’wasslek biex tieħu dawn il-​passi? Il-​Bibbja tispjega li Ġeħova, li jeżamina l-​qlub, jiġbed lil uħud mixtiqin lejh. (Aqra Ħaggaj 2:7; Ġwanni 6:44.) Għalhekk, tistaʼ tikkonkludi li int qed taqdi lil Ġeħova għax hu ġibdek lejh. Hu qatt ma jitlaq lil uħud li ġibed lejh jekk huma jibqgħu leali. Alla jqishom bħala li huma prezzjużi ħafna, u jħobbhom ferm.—Salm 94:14.

4. Għala għandna dejjem naħsbu dwar kemm hi prezzjuża l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

4 Ladarba Ġeħova ġibidna lejh, għandna bżonn inżommu ruħna fl-​imħabba tiegħu. (Aqra Ġuda 20, 21.) Ftakar, il-​Bibbja turi li hu possibbli li tinġarr mal-​kurrent jew li titbiegħed minn Alla. (Ebr. 2:1; 3:12, 13) Pereżempju, eżatt qabel l-​istqarrija li nsibu fit-​2 Timotju 2:19, l-​appostlu Pawlu semma lil Imeni u Filetu. Jidher li dawn iż-​żewġt irġiel xi darba kienu jaqdu lil Ġeħova, imma iktar tard telqu mill-​verità. (2 Tim. 2:16-​18) Ftakar ukoll li fil-​kongregazzjonijiet fil-​Galazja, xi wħud li Alla kien jafhom ma baqgħux fid-​dawl spiritwali li xi darba kienu jgawdu. (Gal. 4:9) Jalla qatt ma nieħdu ħafif ħafif il-​waqfa prezzjuża tagħna m’Alla.

5. (a) Liema kwalitajiet neħtieġu biex Alla jkun jafna? (b) Liema eżempji se nikkunsidraw?

5 Hemm xi kwalitajiet li neħtiġuhom jekk irridu li Ġeħova jkun jafna. (Salm 15:1-​5; 1 Pt. 3:4) Il-​fidi u l-​umiltà ddistingwew lil xi wħud li Alla kien jafhom. Ejja neżaminaw l-​eżempji taʼ żewġt irġiel biex naraw kif dawn il-​kwalitajiet għamluhom għeżież għal Ġeħova. Se naraw ukoll raġel li kien kburi u li minħabba f’hekk ġie miċħud minn Alla. Nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet importanti minn dawn l-​eżempji.

Il-​Missier taʼ Dawk li Jkollhom il-​Fidi

6. (a) Abraham liema fidi wera fil-​wegħdi taʼ Ġeħova? (b) Ġeħova kif kien jafu lil Abraham?

6 Abraham kien raġel li “poġġa l-​fidi f’Ġeħova.” Fil-​fatt, hu jissejjaħ “il-​missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-​fidi.” (Ġen. 15:6; Rum. 4:11) Bil-​fidi, Abraham telaq daru, lil ħbiebu, u l-​affarijiet li kellu biex imur f’art imbiegħda. (Ġen. 12:1-​4; Ebr. 11:8-​10) Ħafna snin wara, il-​fidi t’Abraham kienet għadha b’saħħitha. Dan kien evidenti meta kien lest li jobdi l-​kmand taʼ Ġeħova u “kważi offra lil [ibnu] Iżakk.” (Ebr. 11:17-​19) Abraham wera l-​fidi fil-​wegħdi taʼ Ġeħova, u għalhekk Alla kien iqisu speċjali; hu verament kien jafu lil Abraham. (Aqra Ġenesi 18:19.) Ġeħova ma kienx biss konxju li Abraham jeżisti; kien jgħożżu bħala ħabib.—Ġak. 2:22, 23.

7. Abraham x’kien jaf dwar il-​wegħdi taʼ Ġeħova, u dan kif effettwah?

7 Taʼ interess, Abraham ma rċiviex il-​wirt tal-​art li kien ġie mwiegħed matul ħajtu. Ukoll, hu lanqas ra lil nislu jsir “bħar-​ramel li hemm f’xatt il-​baħar.” (Ġen. 22:17, 18) Għalkemm dawn il-​wegħdi ma twettqux matul il-​ħajja t’Abraham, hu baqaʼ juri fidi soda f’Ġeħova. Kien jaf li jekk Alla ta kelmtu, kien daqslikieku diġà seħħet. Iva, Abraham għex ħajtu fi qbil maʼ din il-​fidi. (Aqra Ebrej 11:13.) Magħrufin aħna minn Ġeħova bħala li għandna fidi simili għal t’Abraham?

Uri l-​Fidi Billi Tistenna lil Ġeħova Jaġixxi

8. X’inhuma xi affarijiet li l-​biċċa l-​kbira min-​nies jixxennqu ħafna għalihom?

8 Forsi hemm affarijiet li nixxennqu ħafna għalihom bħal li niżżewġu, ikollna t-​tfal, u saħħa tajba. Dawn huma xewqat naturali u xierqa. Imma ħafna minna forsi ma naqtgħux ix-​xewqat kollha tagħna. Jekk hemm xi ħaġa li nixxennqu ħafna għaliha imma li ma jistax ikollna issa, x’se nagħmlu? Il-​mod kif naġixxu f’din is-​sitwazzjoni jistaʼ juri kemm hi b’saħħitha l-​fidi tagħna.

9, 10. (a) Xi wħud kif ipprovaw jissodisfaw ix-​xewqat tagħhom? (b) Kif tħossok dwar it-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla?

9 Kemm ma jkunx għaqli li nipprovaw nissodisfaw dawn ix-​xewqat b’mod li jmur kontra l-​għerf divin. Dan jistaʼ jipperikola l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Pereżempju, xi wħud għażlu xi tipi taʼ kura li jmorru kontra l-​parir taʼ Ġeħova. Oħrajn aċċettaw xogħol li jżommhom ’il bogħod mill-​familji tagħhom jew mil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Xi wħud żviluppaw relazzjoni romantika maʼ xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova. Jekk Kristjan jagħmel hekk, ikun hu verament qed jipprova jkun magħruf minn Ġeħova? Kif kien iħossu Ġeħova kieku Abraham tilef il-​paċenzja rigward it-​twettiq tal-​wegħdi li Alla kien għamillu? Jew kieku Abraham ħa l-​kwistjonijiet f’idejh biex jerġaʼ jissetilja u jagħmel isem ċelebri għalih innifsu minflok ma stenna lil Ġeħova? (Qabbel Ġenesi 11:4.) Kien hu se jibqaʼ magħruf minn Ġeħova b’mod favorevoli?

10 X’inhuma l-​affarijiet li tixxennaq ħafna għalihom? Il-​fidi tiegħek hi b’saħħitha biżżejjed biex tistenna lil Ġeħova, li jwiegħed li jissodisfa x-​xewqat xierqa tiegħek? (Salm 145:16) Xi wegħdi taʼ Ġeħova għandhom mnejn ma jitwettqux malajr daqskemm inkunu nixtiequ. Imma jekk inkomplu ngħixu b’mod li juri li għandna fidi bħal t’Abraham, Ġeħova mhux se jinsiena, imma se jippremjana.—Ebr. 11:6.

Kuntrast Bejn l-​Umiltà u l-​Kburija

11. Koraħ x’kien għamel għal bosta snin?

11 Se naraw eżempji taʼ żewġt irġiel li aġixxew b’mod oppost, Mosè u Koraħ. Dak li għamlu jgħinna nifhmu li dak li Ġeħova jaħseb dwarna jiddependi minn kemm nuru rispett għad-​deċiżjonijiet tiegħu u għall-​mod kif jagħmel l-​affarijiet. Koraħ kien Levita mill-​Keħatin. Hu x’aktarx li kellu l-​opportunità li jara dak li għamel Ġeħova biex jeħles lill-​Iżraelin mill-​Baħar l-​Aħmar. Ukoll, hu għandu mnejn kellu sehem mill-​ġudizzju taʼ Ġeħova kontra l-​Iżraelin diżubbidjenti ħdejn il-​Muntanja Sinaj, u forsi għen biex tinġarr l-​arka tal-​patt. (Eżo. 32:26-​29; Num. 3:30, 31) Jidher li hu kien leali lejn Ġeħova għal bosta snin, u minħabba f’hekk, ħafna Iżraelin kienu jirrispettawh.

12. X’ġara mill-​ħbiberija taʼ Koraħ m’Alla minħabba l-​kburija tiegħu?

12 Imma fi triqtu lejn l-​Art Imwiegħda, Koraħ ħaseb li kien hemm xi ħaġa ħażina fil-​mod kif Ġeħova kien qed imexxi l-​ġens. Hu ried jagħmel xi bidliet. Imbagħad 250 raġel ieħor mill-​ġens ngħaqdu maʼ Koraħ. Huma kienu żguri li Ġeħova kien jafhom u li kellhom l-​approvazzjoni tiegħu. Huma qalu lil Mosè u lil Aron: “Biżżejjed għalikom, għax il-​ġemgħa kollha huma lkoll qaddisin u Ġeħova qiegħed f’nofshom.” (Num. 16:1-​3) Dan kien mod taʼ ħsib u aġir kburi ħafna. Mosè qalilhom: “Ġeħova se jgħarraf min hu tiegħu.” (Aqra Numri 16:5.) Sa tmiem il-​ġurnata taʼ wara, Koraħ u dawk kollha li ssieħbu miegħu fir-​ribelljoni kienu mejtin.—Num. 16:31-​35.

13, 14. Mosè b’liema modi wera l-​umiltà tiegħu?

13 B’kuntrast, Mosè kien “bil-​wisq l-​iktar ġwejjed mill-​bnedmin kollha li kienu fuq wiċċ l-​art.” (Num. 12:3) Hu wera kemm kien ġwejjed u umli billi kien determinat li jsegwi d-​direzzjoni taʼ Ġeħova. (Eżo. 7:6; 40:16) Fil-​Bibbja ma naqrawx li Mosè kien il-​ħin kollu ma jaqbilx mal-​mod kif Ġeħova jagħmel l-​affarijiet jew li kien jirrabja minħabba li kellu jsegwi l-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova. Pereżempju, rigward il-​kostruzzjoni tat-​tabernaklu, Ġeħova ta istruzzjonijiet sal-​inqas dettall, bħal pereżempju l-​kulur tal-​ħajt u l-​għadd t’anelli li kellhom jintużaw biex jagħmlu d-​drappijiet tat-​tinda. (Eżo. 26:1-​6) Jekk indokratur uman fl-​organizzazzjoni t’Alla jagħtik istruzzjonijiet li jidhru dettaljati żżejjed, għandek mnejn kultant tħossok frustrat. Madankollu, Ġeħova hu indokratur perfett. Lill-​qaddejja tiegħu jagħtihom xogħol x’jagħmlu, u jafda li se jagħmluh sew. Meta jagħti ħafna dettalji, hemm raġuni tajba. Mosè ma rrabjax maʼ Ġeħova jew ħaseb li Ġeħova ma kienx qed jurih rispett għax tah ħafna istruzzjonijiet dettaljati. Lanqas ħaseb li Ġeħova kien qed joħnoqlu l-​libertà tiegħu. Mosè qal lill-​ħaddiema biex jagħmlu eżattament dak li Ġeħova kien ikkmandahom. (Eżo. 39:32) Dan kien mod taʼ ħsib u aġir umli. Mosè kien jaf li dan kien ix-​xogħol taʼ Ġeħova u li Ġeħova kien sempliċement qed juża lilu biex jagħmlu.

14 L-​umiltà taʼ Mosè kienet evidenti wkoll meta ffaċċja ċirkustanzi negattivi li effettwawh personalment. F’okkażjoni minnhom, Mosè rrabja u naqas milli jqaddes lil Alla meta ttratta mat-​tgergir tan-​nies. Minħabba f’hekk, Ġeħova qal lil Mosè li hu ma kienx se jdaħħal lill-​poplu fl-​Art Imwiegħda. (Num. 20:2-​12) Hu u ħuh, Aron, kienu ssaportew it-​tgemgim tal-​Iżraelin għal snin sħaħ. U issa, minħabba żball wieħed, Mosè ma kienx se jieħu dak li kien ilu tant jistenna! Mosè x’għamel? Mingħajr dubju hu kien diżappuntat, imma aċċetta umilment id-​deċiżjoni taʼ Ġeħova. Hu kien jaf li Ġeħova hu Alla ġust, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja. (Dt. 3:25-​27; 32:4) Meta taħseb f’Mosè, ma tarahx bħala wieħed li Ġeħova kien jafu?—Aqra Eżodu 33:12, 13.

L-​Ubbidjenza Lejn Ġeħova Teħtieġ l-​Umiltà

15. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li għamel Koraħ, li kien kburi?

15 Jistaʼ biss ikollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova jekk naċċettaw l-​aġġustamenti li jsiru. Hemm bżonn ukoll li nuru rispett lejn dawk li Ġeħova juża biex imexxu lill-​kongregazzjoni. X’se nagħmlu meta dawn l-​irġiel jieħdu deċiżjonijiet jew ibiddlu l-​mod kif isiru l-​affarijiet fil-​kongregazzjoni? Minħabba li fdaw fil-​mod tagħhom stess taʼ kif jagħmlu l-​affarijiet, Koraħ u s-​segwaċi tiegħu ma baqgħux ħbieb taʼ Ġeħova. Kienu kburin u ftit li xejn urew fidi. Koraħ ħaseb li Mosè kien sempliċement raġel xiħ li jieħu d-​deċiżjonijiet hu stess, imma nesa li fir-​realtà kien Ġeħova li kien qed jiggwida lill-​ġens. B’hekk, Koraħ ma weriex lealtà lejn dawk li Alla kien qed juża. Koraħ missu stenna lil Ġeħova jaġixxi. Ġeħova setaʼ għenu jifhem għala l-​affarijiet kienu b’dak il-​mod jew setaʼ biddel l-​affarijiet kieku kien hemm il-​bżonn. Minħabba li Koraħ aġixxa b’dan il-​mod, illum aħna ma niftakrux fis-​snin tas-​servizz leali tiegħu lejn Ġeħova. Ġeneralment naħsbu fih bħala xi ħadd li m’obdiex lil Ġeħova minħabba l-​kburija tiegħu.

16. L-​eżempju umli taʼ Mosè kif jistaʼ jgħinna?

16 Dan ir-​rakkont jipprovdi twissija serja għall-​anzjani u għal oħrajn fil-​kongregazzjoni llum. Jeħtieġ l-​umiltà biex tistenna lil Ġeħova u ssegwi d-​direzzjonijiet minn dawk maħturin biex jieħdu t-​tmexxija. Nuru li aħna umli u ġwejdin bħalma kien Mosè? Nagħrfu l-​pożizzjoni taʼ dawk li jieħdu t-​tmexxija fostna u nissottomettu ruħna għad-​direzzjonijiet li nirċievu? Nikkontrollaw is-​sentimenti tagħna meta niġu diżappuntati? Jekk nagħmlu dawn l-​affarijiet, se jkollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. L-​umiltà u s-​sottomissjoni tagħna se jagħmluna għeżież għalih.

Ġeħova Jaf lil Dawk li Huma Tiegħu

17, 18. X’jistaʼ jgħinna biex jibqaʼ jkollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova?

17 Huwa taʼ benefiċċju li nirriflettu fuq dawk l-​uħud li Ġeħova ġibed lejh u li kien jafhom b’mod favorevoli. Abraham u Mosè kienu imperfetti u kellhom xi nuqqasijiet, bħalma għandna aħna. Madankollu, huma kienu magħrufin minn Ġeħova bħala li huma tiegħu. Però, l-​eżempju taʼ Koraħ juri li jistaʼ jkun possibbli li aħna nitbiegħdu minn Ġeħova, u b’hekk ma jibqax iktar jafna b’approvazzjoni. Kull wieħed u waħda minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu: ‘Ġeħova kif jarani? X’nistaʼ nitgħallem minn dawn l-​eżempji Bibliċi?’

18 Tistaʼ tikseb faraġ kbir mill-​fatt li taf li Ġeħova jqis bħala tiegħu lil uħud leali li ġibed lejh. Kompli żviluppa l-​fidi, l-​umiltà, u kwalitajiet oħrajn li jagħmluk iktar għażiż għal Alla tagħna. Il-​fatt li Ġeħova jkun jafna mingħajr dubju hu privileġġ prezzjuż li jġibilna sodisfazzjon fil-​ħajja tagħna issa, u barkiet mill-​isbaħ fil-​futur.—Salm 37:⁠18.

Tiftakar Int?

• Liema waqfa prezzjuża tistaʼ tgawdi maʼ Ġeħova?

• Kif tistaʼ timita l-​fidi t’Abraham?

• Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn Koraħ u Mosè?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 26]

Għandna l-​fidi li Ġeħova se jwettaq għalkollox il-​wegħdi tiegħu, bħalma kellu Abraham?

[Stampa f’paġna 28]

Koraħ ma kienx lest jissottomettu ruħu umilment għad-​direzzjoni

[Stampa f’paġna 29]

Magħruf int minn Ġeħova bħala wieħed li umilment tissottometti ruħek għad-​direzzjonijiet?