Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

1 Alla Hu Misteru—Huwa Minnu Dan?

1 Alla Hu Misteru—Huwa Minnu Dan?

Dak li għandek mnejn smajt: “Alla jaħdem b’mod misterjuż.”

“L-​intimità [t’Alla] bħala Trinità Qaddisa hu misteru li ma tilħqux ir-​raġuni waħedha.”—Il-​Katekiżmu tal-​Knisja Kattolika, Nru. 237.

Dak li tgħallem il-​Bibbja: Ġesù qal li dawk li ‘jieħdu għarfien dwar l-​uniku Alla veru’ se jirċievu barkiet. (Ġwanni 17:3) Imma kif nistgħu nieħdu għarfien dwar Alla jekk hu misteru? Alla mhux talli ma jaħbix min hu, imma talli jixtieq li kulħadd isir jafu.—Ġeremija 31:34.

Sintendi, qatt ma se nkunu nafu kollox dwar Alla. Dan hu mistenni għax il-​ħsibijiet u t-​triqat tiegħu huma ogħla minn tagħna.—Ekkleżjasti 3:11; Isaija 55:8, 9.

Kif jgħinek il-​fatt li tkun taf il-​verità: Jekk Alla ma jistax jiġi mifhum mill-​bnedmin, mela allura huwa għalxejn li tipprova ssir tafu. Madankollu, hu mhux biss jgħinna nifhmuh imma wkoll jgħinna niżviluppaw ħbiberija mill-​qrib miegħu. Alla ddeskriva lir-​raġel leali Abraham bħala “l-​ħabib tiegħi,” u s-​Sultan David taʼ Iżrael kiteb: “L-​intimità maʼ Ġeħova hi taʼ dawk li jibżgħu minnu.”—Isaija 41:8; Salm 25:14.

Taħseb li hu impossibbli li jkollok ħbiberija intima m’Alla? Forsi għall-​ewwel iva, imma nnota x’jgħid Atti 17:27: “[Alla] m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” B’liema mod? Permezz tal-​Bibbja, Alla jagħtina dak li għandna bżonn biex insiru nafuh sew. a

Hu jgħidilna li jismu Ġeħova. (Isaija 42:8) Fil-​Bibbja nsibu kif ittratta lill-​umanità sabiex insiru nafu x’tip t’Alla hu. Iktar minn hekk, Alla jurina l-​emozzjonijiet tiegħu. Hu “ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità.” (Eżodu 34:6) L-​azzjonijiet tagħna jistgħu jeffettwaw is-​sentimenti tiegħu. Pereżempju, il-​ġens taʼ Iżrael tal-​qedem “ġegħluh iħossu mweġġaʼ” meta rribellaw kontrih, filwaqt li dawk kollha li b’mod għaqli jobduh, iferrħuh.—Salm 78:40; Proverbji 27:11.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar dak li tgħid il-​Bibbja dwar Alla, ara kapitlu 1 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 4]

Jekk Alla hu Trinità misterjuża, kif nistgħu nsiru nafuh verament?

[Sors tal-Istampa f’paġna 4]

The Trinity c.1500, Flemish School, (16th century) / H. Shickman Gallery, New York, USA / The Bridgeman Art Library International