Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

5 Alla Jaċċetta l-Qima Sinċiera Kollha—Huwa Minnu Dan?

5 Alla Jaċċetta l-Qima Sinċiera Kollha—Huwa Minnu Dan?

Dak li għandek mnejn smajt: “Sewwasew bħalma ħafna mogħdijiet u toroq iwasslu għall-​istess destinazzjoni, hemm ukoll ħafna toroq li jwassluk għal għand Alla. Kull individwu għandu jsib it-​triq tiegħu stess li twasslu għal għand Alla.”

Dak li tgħallem il-​Bibbja: Irridu nkunu sinċieri fil-​qima tagħna, u nevitaw il-​qerq u l-​ipokrisija. Ġesù qal lill-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu għala Alla kien ċaħadhom: “Sewwa pprofetizza dwarkom Isaija, ja ipokriti, bħalma hu miktub, ‘Dan il-​poplu jonorani b’xofftejh, imma qalbu mbiegħda minni.’” (Marku 7:6) Iżda, is-​sinċerità waħedha mhijiex garanzija li Alla se jaċċetta l-​qima tagħna.

Ġesù għamel dan ċar billi kixef id-​difett ewlieni fil-​qima li kienu jagħtu dawn il-​mexxejja reliġjużi u s-​segwaċi tagħhom. Hu rrefera għalihom bil-​kliem t’Alla: “Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-​kmandi tal-​bnedmin.” (Marku 7:7) Il-​qima tagħhom kienet “għalxejn” għax kienu jaħsbu li kien iktar importanti li jsegwu t-​tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom milli jkunu ċerti li qed jagħmlu dak li Alla jeħtieġ minnhom.

Minflok ma tappoġġa t-​twemmin li hemm ħafna toroq aċċettabbli biex nersqu lejn Alla, il-​Bibbja tgħallem li hemm waħda biss. Mattew 7:13, 14 jgħid: “Idħlu mill-​bieb id-​dejjaq; għax wiesgħa u spazjuża hi t-​triq li tieħu għall-​qerda, u ħafna jgħaddu minnha; filwaqt li dejjaq hu l-​bieb u mħarbta hi t-​triq li tieħu għall-​ħajja, u ftit huma dawk li jsibuha.”

Kif jgħinek il-​fatt li tkun taf il-​verità: Immaġina kif kont tħossok li kieku tħarriġt xhur sħaħ biex tiġri maratona u spiċċajt it-​tellieqa fl-​ewwel post, imma mbagħad ġejt skwalifikat għax mingħajr ma kont taf ksirt waħda mir-​regoli. Forsi tħoss li l-​isforz tiegħek kien kollu għalxejn. Tistaʼ tiġri xi ħaġa bħal din fil-​qima tagħna lil Alla?

Billi qabbel il-​qima tagħna maʼ kompetizzjoni atletika, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Anki jekk xi ħadd jitqabad fil-​logħob, ma jiġix inkurunat jekk ma jkunx tqabad skond ir-​regoli.” (2 Timotju 2:5) Aħna niksbu l-​favur t’Alla billi nqimuh “skond ir-​regoli,” jiġifieri, bil-​mod li japprova hu. Ma nistgħux nagħżlu t-​triq tagħna li twassal għal għand Alla, sewwasew bħalma ġerrej ma jistax jiġri fejn irid u xorta waħda jistenna li jkun ir-​rebbieħ tat-​tellieqa.

Biex nogħġbu lil Alla, l-​ebda gideb dwaru m’għandu jinstab fil-​qima tagħna. Ġesù qal: “L-​aduraturi veri jqimu lill-​Missier bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwanni 4:23) Nitgħallmu t-​triq vera li twassal għal għand Alla mill-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.—Ġwanni 17:17. a

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar il-​qima li Alla japprova, ara kapitlu 15 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?

[Kumment f’paġna 8]

Ir-​reliġjonijiet kollha jgħallmu lin-​nies biex iqimu lil Alla bil-​mod li japprova hu?