Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Għala kien hemm is-​sarrafa tal-​flus fit-​tempju taʼ Ġerusalemm?

Ftit qabel mewtu, Ġesù tkellem dwar inġustizzja kbira li kienet qed isseħħ fit-​tempju. Il-​Bibbja tgħid: “Ġesù . . . keċċa ’l barra lil dawk kollha li kienu qed ibigħu u jixtru fit-​tempju, u qaleb l-​imwejjed tas-​sarrafa tal-​flus u l-​bankijiet taʼ dawk li kienu jbigħu l-​ħamiem. U qalilhom: ‘Hu miktub, “Dari tissejjaħ dar tat-​talb,” imma intom qed tagħmluha għar tal-​ħallelin.’”—Mattew 21:12, 13.

Lhud u proseliti Lhud tal-​ewwel seklu vvjaġġaw minn ħafna artijiet u bliet lejn it-​tempju f’Ġerusalemm, u kienu jieħdu magħhom muniti tal-​lokal tagħhom. Madankollu, huma kellhom jużaw muniti aċċettabbli biex iħallsu t-​taxxa annwali tat-​tempju, biex jixtru xi annimali għas-​sagrifiċċju, u biex jagħmlu offerti volontarji oħrajn. B’hekk, is-​sarrafa tal-​flus kienu jsarrfu l-​flus li n-​nies kienu jieħdu magħhom minn postijiet differenti f’muniti aċċettabbli, imma kienu jżommu parti mill-​flus bħala ħlas. Hekk kif kienu joqorbu l-​festi Lhud, dawn is-​sarrafa tal-​flus kienu jarmaw l-​imwejjed fil-​Bitħa tal-​Ġentili tat-​tempju.

Il-​kritika taʼ Ġesù li s-​sarrafa tal-​flus kienu qed jagħmlu t-​tempju “għar tal-​ħallelin” b’mod evidenti tindika li l-​flus li kienu qed jieħdu għas-​servizzi tagħhom kienu m’ogħla s-​sema.

Is-​siġar taż-​żebbuġ għala kienu taʼ valur b’mod partikulari fi żminijiet Bibliċi?

Is-​siġar taż-​żebbuġ u l-​għelieqi bid-​dwieli kienu fost il-​barkiet li Alla wiegħed lin-​nies tiegħu jekk jibqgħu leali lejh. (Dewteronomju 6:10, 11) Sal-​lum, is-​siġra taż-​żebbuġ hi stmata ferm fi nħawi fejn tikber. Tistaʼ tipproduċi ħafna frott għal mijiet taʼ snin mingħajr ħafna attenzjoni. Siġra kultivata tistaʼ tiffjorixxi saħansitra fix-​xagħri u tiflaħ perijodi spissi taʼ nixfa. Jekk is-​siġra titqaċċat, l-​għeruq itellgħu diversi friegħi li jistgħu jikbru fi zkuk ġodda.

Fi żminijiet Bibliċi, il-​qoxra u l-​weraq tas-​siġra kienu taʼ valur għax kienu jintużaw bħala mediċina li setgħet tnaqqas id-​deni. Il-​gomma tar-​raża li ddemmaʼ minn friegħi qodma u li għandha riħa taʼ vanilja kienet tintuża biex issir il-​fwieħa. Madankollu, is-​siġra kienet tintuża l-​iktar bħala sors taʼ ikel—iż-​żebbuġ tagħha u speċjalment iż-​żejt tagħha. Żebbuġa misjura mingħajr għadma hi nofsha żejt.

Siġra tajba tistaʼ tagħti daqs 57 litru żejt kull sena. Iż-​żejt taż-​żebbuġa kien jintuża wkoll bħala fjuwil għal-​lampi, għal skopijiet ċerimonjali u reliġjużi, bħala prodott kosmetiku għall-​ġisem u għax-​xagħar, u bħala mediċina biex idewwi l-​ġrieħi u jserraħ it-​tbenġil.—Eżodu 27:20; Levitiku 2:1-​7; 8:1-​12; Rut 3:3; Luqa 10:33, 34.