Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Familja Tiegħek Kif Tistaʼ Tkun Hienja?

Il-Familja Tiegħek Kif Tistaʼ Tkun Hienja?

Tgħallem mill-​Kelma t’Alla

Dan l-​artiklu jqajjem mistoqsijiet li forsi ġieli staqsejt u juri fejn tistaʼ ssib it-​tweġibiet fil-​Bibbja tiegħek. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-​tweġibiet miegħek.

1. Iż-​żwieġ għala hu vitali biex ikun hemm l-​hena fil-​familja?

Ġeħova, l-​Alla l-​hieni, oriġina ż-​żwieġ. Dan hu vitali għall-​hena fil-​familja għax ma jipprovdix biss sħubija imma wkoll ambjent sigur li fih jitrabbew it-​tfal. Alla kif iħares lejn iż-​żwieġ? Hu jrid li jkun unjoni reġistrata permanenti u legali bejn raġel u mara. (Luqa 2:1-​5) Alla jrid li l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin ikunu leali lejn xulxin. (Ebrej 13:4) Ġeħova jippermetti li l-​Kristjani jiddivorzjaw u jerġgħu jiżżewġu biss jekk il-​parti l-​oħra tikkommetti adulterju.—Aqra Mattew 19:3-​6, 9.

2. Raġel u martu kif għandhom jittrattaw lil xulxin?

Ġeħova ħalaq lill-​irġiel u lin-​nisa biex jaħdmu flimkien id f’id. (Ġenesi 2:18) Bħala l-​kap tal-​familja, ir-​raġel għandu jieħu t-​tmexxija f’li jipprovdi materjalment għal familtu u f’li jgħallimhom dwar Alla. Għandu jkollu mħabba mhix egoistika għal martu. L-​irġiel u n-​nisa miżżewġin għandhom iħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Ladarba l-​irġiel u n-​nisa kollha huma imperfetti, li jitgħallmu jaħfru hu fundamentali għall-​hena fiż-​żwieġ.—Aqra Efesin 4:31, 32; 5:22-​25, 33; 1 Pietru 3:7.

3. Għandek tabbanduna żwieġ li mhuwiex hieni?

Jekk int u l-​parti l-​oħra tesperjenzaw id-​diffikultajiet, irsistu biex tittrattaw lil xulxin bi mħabba. (1 Korintin 13:4, 5) Il-​Kelma t’Alla ma tirrikkmandax is-​separazzjoni bħala mod kif jissolvew il-​problemi fiż-​żwieġ. Madankollu, f’sitwazzjonijiet estremi, Kristjan ikollu jiddeċiedi jekk huwiex sewwa li jissepara jew le.—Aqra l-1 Korintin 7:10-​13.

4. Tfal, Alla xi jrid għalikom?

Ġeħova jridkom tkunu henjin. Hu jagħtikom l-​aħjar pariri dwar kif tgawdu ż-​żgħożija tagħkom. Iridkom tibbenefikaw mill-​għerf u mill-​esperjenza tal-​ġenituri tagħkom. (Kolossin 3:20) Ġeħova japprezza kulma tagħmlu biex tfaħħruh.—Aqra Ekkleżjasti 11:9–12:1; Mattew 19:13-​15; 21:15, 16.

5. Ġenituri, uliedkom kif jistgħu jsibu l-​hena?

Għandkom taħdmu iebes biex tipprovdu l-​ikel, il-​kenn, u l-​ilbies għal uliedkom. (1 Timotju 5:8) Imma sabiex uliedkom isibu l-​hena, għandkom bżonn ukoll tgħallmuhom iħobbu lil Alla u jitgħallmu minnu. (Efesin 6:4) L-​eżempju tagħkom f’li turu mħabba lejn Alla jistaʼ jinfluwenza profondament qalb uliedkom. Meta tkun ibbażata fuq il-​Kelma t’Alla, l-​istruzzjoni tagħkom tistaʼ ssawwar il-​ħsib taʼ wliedkom b’mod pożittiv.—Aqra Dewteronomju 6:4-​7; Proverbji 22:6.

It-​tfal jibbenefikaw meta tinkuraġġuhom u tfaħħruhom. Jeħtieġu wkoll il-​korrezzjoni u d-​dixxiplina. Taħriġ bħal dan jipproteġihom minn kondotta li tistaʼ tisirqilhom l-​hena. (Proverbji 22:15) Madankollu, id-​dixxiplina qatt m’għandha tkun ħarxa jew krudila.—Aqra Kolossin 3:21.

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jippubblikaw diversi kotba li huma miktubin speċjalment biex jgħinu lill-​ġenituri u lit-​tfal. Dawn il-​kotba huma bbażati fuq il-​Bibbja.—Aqra Salm 19:7, 11.

Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 14 taʼ dan il-​ktieb, Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.