Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Iddefendiet lill-Poplu t’Alla

Iddefendiet lill-Poplu t’Alla

Imita l-​Fidi Tagħhom

ESTER ipprovat tikkalma lilha nfisha hekk kif resqet lejn il-​bitħa tal-​palazz f’Susan. Ma kinitx xi ħaġa faċli. Il-​kastell kien imżejjen bi skulturi mnaqqxin taʼ barrin bil-​ġwienaħ, arċieri, u ljuni magħmulin minn briks u miksijin b’lostru kulurit, u kellu kolonni tal-​ġebel skanalat u statwi impressjonanti. Kien jinsab fuq pjattaformi kbar ħdejn il-​Muntanji Zagros miksijin bis-​silġ u kien jagħti għal fuq l-​ilmijiet puri tax-​Xmara Choaspes. Dan kollu kien ifakkar lil kull viżitatur fil-​qawwa immensa tar-​raġel li kienet sejra tara, dak li sejjaħ lilu nnifsu “s-​sultan il-​kbir.” Kien ukoll żewġha.

Żewġha! Kemm kien differenti Aħasweru mit-​tip taʼ raġel li kwalunkwe tfajla Lhudija leali għandha mnejn stenniet! a Dan ma imitax eżempji bħal t’Abraham, raġel li bl-​umiltà aċċetta d-​direzzjoni t’Alla biex jismaʼ minn martu, Sara. (Ġenesi 21:12) Is-​sultan ftit li xejn kien jaf dwar l-​Alla t’Ester, Ġeħova, jew dwar il-​Liġi Tiegħu. Iżda Aħasweru kien jafha sew il-​liġi Persjana, inkluż il-​liġi li kienet tipprojbixxi l-​istess ħaġa li Ester kienet sejra tagħmel. Din x’kienet? Il-​liġi kienet tgħid li kull min kien jidher quddiem il-​monarka Persjan mingħajr ma jsejjaħlu s-​sultan kien ħaqqu l-​mewt. Ester ma kinitx ġiet imsejħa, imma xorta waħda kienet sejra għand is-​sultan. Hekk kif qorbot lejn il-​bitħa taʼ ġewwa, fejn setgħet tidher mit-​tron tas-​sultan, għandha mnejn ħassitha riesqa lejn mewtha.—Ester 4:11; 5:1.

Għala ħadet riskju bħal dan? U x’nistgħu nitgħallmu mill-​fidi taʼ din il-​mara rimarkevoli? L-​ewwel, ejja naraw kif Ester spiċċat f’din il-​pożizzjoni mhix komuni bħala sultana fil-​Persja.

“Wiċċha Ħelu”

Ester kienet orfni. Ftit li xejn nafu dwar il-​ġenituri li semmewha Ħadassa, kelma Ebrajka għal “riħana,” pjanta sabiħa li tagħmel fjuri bojod. Meta mietu l-​ġenituri t’Ester, wieħed mill-​qraba tagħha, raġel qalbu tajba jismu Mordekaj, tħassarha. Kien kuġinuha, imma Mordekaj kien ħafna akbar minnha. Lil Ester ħadha f’daru u ttrattaha bħala bintu stess.—Ester 2:5-​7, 15.

Mordekaj u Ester għexu bħala eżiljati Lhud f’dik il-​belt kapitali Persjana, fejn x’aktarx li kellhom jiffaċċjaw ċerta stmerrija minħabba r-​reliġjon tagħhom u l-​Liġi li pprovaw isegwu. Imma Ester ċertament li saret eqreb taʼ kuġinuha hekk kif għallimha dwar Ġeħova, l-​Alla taʼ ħniena li kien ħeles lill-​poplu Tiegħu mill-​inkwiet bosta drabi fil-​passat—u kien se jerġaʼ jeħilsu. (Levitiku 26:44, 45) B’mod ċar, bejn Ester u Mordekaj żviluppat rabta taʼ mħabba u lealtà.

Milli jidher, Mordekaj kien jaħdem bħala tip t’uffiċjal fil-​palazz f’Susan, u spiss kien ikun bilqiegħda f’bieb il-​palazz flimkien maʼ qaddejja oħrajn tas-​sultan. (Ester 2:19, 21; 3:3) Ma nafux kif it-​tfajla Ester kienet tqattaʼ l-​ħin tagħha hi u tikber, għalkemm nistgħu ngħidu li ħadet ħsieb kuġinuha, li kien akbar minnha, u daru, li x’aktarx kienet dar żgħira fin-​naħa tal-​belt li kienet iktar fqira, in-​naħa l-​oħra tax-​xmara mill-​palazz irjali. Forsi kienet tieħu gost tmur is-​suq f’Susan, fejn arġentieri tad-​deheb u tal-​fidda, u merkanti oħrajn kienu jbigħu l-​prodotti tagħhom. Ester żgur m’għaddilhiex minn moħħha li dawn l-​affarijiet lussużi kellhom isiru affarijiet normali għaliha fil-​futur; ma kellhiex idea dwar dak li kien hemm jistennieha.

Sultana Titneħħa mill-​Kariga Tagħha

Ġurnata minnhom, f’Susan qamet għagħa għax kulħadd kien qed jitkellem dwar l-​inkwiet li kien inqalaʼ fid-​dar tas-​sultan. F’festa kbira, li fiha Aħasweru pprovda ikel u nbid tajjeb għall-​irġiel nobbli tiegħu, is-​sultan iddeċieda li jsejjaħ lis-​sultana sabiħa tiegħu, Vasti, li hi wkoll kienet għamlet ikla kbira għan-​nisa. Imma Vasti rrifjutat li tmur. Umiljat u rrabjat ħafna, is-​sultan staqsa lil dawk li kienu jagħtuh il-​pariri kif għandu jikkastiga lil Vasti. X’kien ir-​riżultat? Hi tneħħiet mill-​kariga tagħha bħala sultana. Imbagħad il-​qaddejja tas-​sultan bdew ifittxu madwar l-​art kollha għal tfajliet verġni li kienu sbieħ; minn fosthom is-​sultan kien se jagħżel sultana ġdida.—Ester 1:1–2:4.

Nistgħu nimmaġinaw lil Mordekaj minn żmien għal żmien iħares b’affezzjoni lejn Ester u jinnota bejn bi kburija u bejn bi tħassib li l-​kuġina ż-​żgħira tiegħu kienet kibret—u kienet saret sabiħa ħafna. Naqraw: “It-​tfajla kienet sabiħa f’suritha u wiċċha ħelu.” (Ester 2:7) Is-​sbuħija fiżika hi pjaċevoli, imma trid tkun marbuta mal-​għerf u l-​umiltà. Inkella, tistaʼ tnissel il-​vanità, il-​kburija, u kwalitajiet koroh oħrajn. (Proverbji 11:22) Qatt rajt dan jiġri? Fil-​każ t’Ester, is-​sbuħija x’kienet se tkun—t’għajnuna jew taʼ xkiel? Iż-​żmien kellu jagħti parir.

Il-​qaddejja tas-​sultan innotaw lil Ester. Fit-​tfittxija tagħhom firduha minn Mordekaj u ħaduha fil-​palazz grandjuż in-​naħa l-​oħra tax-​xmara. (Ester 2:8) Żgur li l-​firda kienet diffiċli għalihom it-​tnejn, għax kienu bħal missier u bint. Mordekaj ċertament li ma riedx li t-​tifla adottata tiegħu tiżżewweġ lil xi ħadd li ma kellux l-​istess twemmin, anki jekk kien sultan, imma ma kellux kontroll fuq is-​sitwazzjoni. Min jaf kemm Ester semgħet b’attenzjoni l-​pariri taʼ Mordekaj qabel ma firduhom! Hekk kif ittieħdet lejn il-​kastell taʼ Susan, moħħha kien mimli mistoqsijiet. X’tip taʼ ħajja kien se jkollha?

Intgħoġbot “Minn Kulmin Kien Jaraha”

Ester sabet ruħha f’dinja li kienet ġdida għalkollox u stramba għaliha. Kienet fost “ħafna tfajliet” li kienu nġabru minn ħafna postijiet fl-​Imperu Persjan. Id-​drawwiet, il-​lingwi, u l-​attitudnijiet tagħhom żgur li kienu jvarjaw ħafna. It-​tfajliet ġew fdati f’idejn uffiċjal jismu Ħegaj, u kellu jsirilhom trattament taʼ sbuħija estensiv, programm taʼ sena sħiħa li kien jinvolvi massaġġi bi żjut ifuħu. (Ester 2:8, 12) Ambjent u mod taʼ ħajja bħal dan faċilment setgħu jġiegħlu lil dawn it-​tfajliet isiru ossessjonati bid-​dehra persunali tagħhom, flimkien mal-​vanità u l-​kompetizzjoni. Ester kif ġiet effettwata?

Ħadd ma setaʼ kien iktar konċernat dwar Ester milli kien Mordekaj. Naqraw li jum wara l-​ieħor, kien imur viċin kemm jistaʼ jkun tad-​dar tan-​nisa u jipprova jitkixxef kif kienet Ester. (Ester 2:11) Hekk kif semaʼ xi tagħrif dwarha, forsi mingħand qaddejja fid-​dar li kienu lesti jikkooperaw miegħu, hu żgur li ħassu kburi ħafna biha. Għala?

Ester tant impressjonat lil Ħegaj li ttrattaha b’qalb tajba bl-​imħabba kbira, u taha sebaʼ tfajliet biex ikunu qaddejja tagħha u l-​aqwa post fid-​dar tan-​nisa. Ir-​rakkont saħansitra jgħid: “Sadanittant Ester baqgħet tingħoġob minn kulmin kien jaraha.” (Ester 2:9, 15) Kienet is-​sbuħija waħedha se timpressjona lil kulħadd b’mod daqstant profond? Le, Ester ma kinitx biss sabiħa fil-​għajn.

Pereżempju, naqraw: “Ester ma kienet qalet xejn dwar il-​poplu tagħha u qrabatha, għax Mordekaj stess kien ikkmandaha biex ma titkellimx.” (Ester 2:10) Mordekaj kien wissa lit-​tfajla biex tkun diskreta dwar il-​wirt Lhudi tagħha; bla dubju ra li fost il-​membri rjali Persjani kien hemm ħafna preġudizzju kontra l-​poplu tiegħu. Kemm feraħ Mordekaj meta sar jaf li issa, avolja Ester ma kinitx miegħu, xorta waħda wriet l-​istess spirtu għaqli u ubbidjenti!

Iż-​żgħażagħ illum jistgħu bl-​istess mod iferrħu qalb il-​ġenituri u dawk li jieħdu ħsiebhom. Meta l-​ġenituri tagħhom ma jkunux qed jarawhom—anki jekk ikunu mdawrin b’nies li huma superfiċjali, immorali, jew kattivi—jistgħu jirreżistu influwenzi ħżiena u jżommu mal-​livelli li jafu li huma sewwa. Meta jagħmlu hekk, bħal Ester, iferrħu qalb Missierhom tas-​sema.—Proverbji 27:11.

Meta wasal il-​waqt biex Ester tittieħed quddiem is-​sultan, ngħatat l-​opportunità tagħżel kwalunkwe ħaġa li ħasbet li setaʼ kellha bżonn, forsi biex issebbaħ lilha nfisha iktar. Però, fi qbil mal-​parir taʼ Ħegaj, bil-​modestja ma talbet xejn ħlief dak li ngħatalha. (Ester 2:15) Probabbilment intebħet li s-​sbuħija waħedha ma kinitx se tirbaħ qalb is-​sultan; iktar kien se jispikka spirtu modest u umli f’dak il-​palazz. Sewwa ħasbet?

Ir-​rakkont iwieġeb: “Is-​sultan sar iħobb lil Ester iżjed min-​nisa l-​oħrajn kollha, u b’hekk inġibed lejha u wrieha qalb tajba bl-​imħabba iktar mill-​verġni l-​oħrajn kollha. U hu poġġa l-​velu rjali fuq rasha u għamilha sultana minflok Vasti.” (Ester 2:17) Bilfors li ma kienx faċli għal din it-​tfajla Lhudija umli biex tidra din il-​bidla f’ħajjitha—kienet is-​sultana l-​ġdida, mart l-​iktar monarka setgħan fuq l-​art dak iż-​żmien! Kibritilha rasha minħabba l-​pożizzjoni l-​ġdida tagħha?

’Il bogħod minn hekk! Ester baqgħet tobdi lill-​missier adottiv tagħha, Mordekaj. Ir-​rabta tagħha man-​nies Lhud żammitha sigrieta. Iżjed minn hekk, meta Mordekaj sar jaf bi pjan biex Aħasweru jiġi assassinat, Ester b’ubbidjenza qalet lis-​sultan bit-​twissija tiegħu, u dawk li kienu fasslu l-​pjan inqabdu. (Ester 2:20-​23) Xorta waħda hi wriet il-​fidi f’Alla tagħha billi wriet spirtu umli u ubbidjenti. L-​ubbidjenza ma tantx titqies bħala virtù llum; id-​diżubbidjenza u r-​ribelljoni huma komuni. Imma nies taʼ fidi ġenwina jgħożżu l-​ubbidjenza, kif kienet tagħmel Ester.

Il-​Fidi t’Ester Tgħaddi Minn Prova

Raġel jismu Ħaman kiseb il-​prominenza fil-​palazz t’Aħasweru. Is-​sultan ħatru bħala l-​prim ministru, u b’hekk għamlu l-​konsulent ewlieni tiegħu u t-​tieni l-​akbar persuna fl-​imperu. Is-​sultan saħansitra ħareġ digriet li kull min jara lil dan l-​uffiċjal kellu jmil quddiemu. (Ester 3:1-​4) Din il-​liġi kienet problema għal Mordekaj. Hu kien jemmen li għandu jobdi lis-​sultan imma mhux jekk dan kien ifisser li kien se juri nuqqas taʼ rispett lejn Alla. Ħaman kien “Agagi.” Dan milli jidher ifisser li kien dixxendent t’Agag, is-​sultan Għamaleki li nqatel minn Samwel, il-​profeta t’Alla. (1 Samwel 15:33) L-​Għamalekin tant kienu mill-​agħar li għamlu lilhom infushom għedewwa taʼ Ġeħova u taʼ Iżrael. Bħala poplu, l-​Għamalekin kienu kundannati minn Alla. b (Dewteronomju 25:19) Lhudi leali kif setaʼ jmil quddiem Għamaleki rjali? Mordekaj ma setax. Hu ma mielx quddiemu. Sal-​lum il-​ġurnata, irġiel u nisa taʼ fidi ssograw ħajjithom biex iżommu maʼ dan il-​prinċipju: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.”—Atti 5:29.

Ħaman kien inkorlat. Imma ma kienx biżżejjed għalih li jsib mod kif joqtol lil Mordekaj. Hu ried jeqred lill-​poplu kollu taʼ Mordekaj! Ħaman kellem lis-​sultan, u tefaʼ dell ikrah fuq il-​Lhud. Mingħajr ma semmiehom b’isimhom, hu ta x’jifhem li ma kienu jiswew għal xejn, poplu “mxerred u separat fost il-​popli.” Saħansitra agħar minn hekk, hu qal li ma kinux jobdu l-​liġijiet tas-​sultan; għaldaqstant kienu ribelli perikolużi. Hu offra li jagħti somma kbira ħafna taʼ flus lit-​teżorerija tas-​sultan biex tkopri l-​ispejjeż tal-​qtil tal-​Lhud kollha fl-​imperu. c Aħasweru ta lil Ħaman iċ-​ċurkett tas-​siġill tas-​sultan innifsu biex jissiġilla kwalunkwe ordni li kellu f’moħħu.—Ester 3:5-​10.

Fi żmien qasir, xi messaġġiera kienu għaddejjin bil-​ħeffa fuq iż-​żwiemel sejrin f’kull rokna tal-​imperu vast biex iwasslu s-​sentenza tal-​mewt lin-​nies Lhud. Immaġina l-​impatt taʼ din il-​proklamazzjoni meta waslet f’Ġerusalemm li kienet ’il bogħod. Hemmhekk kien hemm fdal Lhud li kienu marru lura mill-​eżilju f’Babilonja u li kienu qed jitħabtu biex jerġgħu jibnu belt li kien għad ma kellhiex sur biex jiddefendiha. Forsi Mordekaj ħaseb fihom, kif ukoll fi sħabu u qrabatu stess f’Susan, meta semaʼ bl-​aħbar terribbli. Imnikket għall-​aħħar, ċarrat ħwejġu, libes ilbies magħmul mill-​ixkora u tefaʼ l-​irmied fuq rasu, u beda jgħajjat għajjat kbir f’nofs il-​belt. Madankollu, Ħaman qagħad jixrob mas-​sultan, u ma tqanqalx min-​niket li kien ikkaġuna fost il-​ħafna Lhud u l-​ħbieb tagħhom f’Susan.—Ester 3:12–4:1.

Mordekaj kien jaf li kellu jieħu azzjoni. Imma x’setaʼ jagħmel? Ester semgħet bl-​għali tiegħu u bagħtitlu xi ħwejjeġ, imma Mordekaj irrifjuta li jitfarraġ. Forsi kien ilu jaħseb għala Alla tiegħu, Ġeħova, kien ħalla lill-​għażiża Ester tittiħidlu u ssir is-​sultana taʼ ħakkiem pagan. Issa r-​raġuni donnha kienet qed tfiġġ. Mordekaj bagħat messaġġ lis-​sultana, u fiha talab lil Ester bil-​ħrara biex tmur quddiem is-​sultan, ħalli tiddefendi lill-​“poplu tagħha.”—Ester 4:4-​8.

Ester bilfors li ħasset qtigħ il-​qalb meta semgħet il-​messaġġ. Din kienet l-​akbar prova tal-​fidi tagħha. Ħassitha mbeżżgħa, kif uriet b’mod ċar fir-​risposta tagħha lil Mordekaj. Fakkritu fil-​liġi tas-​sultan. Jekk xi ħadd jidher quddiem is-​sultan mingħajr ma jsejjaħlu kien jingħata s-​sentenza tal-​mewt. Kien biss jekk is-​sultan imidd ix-​xettru tad-​deheb tiegħu li l-​ħati kien jinħeles. U Ester, kellha xi raġuni għala setgħet tistenna li tintwera ħniena bħal din, speċjalment meta tqis dak li ġara lil Vasti meta rrifjutat li tmur quddiem is-​sultan meta sejħilha? Hi qalet lil Mordekaj li s-​sultan kien ilu 30 jum ma jistidinha tmur ħdejh! Ladarba kien ilu żmien twil ma jsejħilha, bir-​raġun setgħet ħasbet jekk kienx għad kellha l-​favur tas-​sultan. dEster 4:9-​11.

Mordekaj wieġeb b’mod sod biex lil Ester isaħħilha l-​fidi. Hu assiguraha li jekk ma tiħux azzjoni hi, il-​Lhud kienu se jiksbu salvazzjoni minn sors ieħor. Imma kif setgħet tistenna li tinħeles ladarba l-​persekuzzjoni ħraxet? Hawnhekk Mordekaj wera l-​fidi kbira tiegħu f’Ġeħova, li qatt ma kien se jħalli lill-​poplu Tiegħu jiġi meqrud għalkollox u l-​wegħdi Tiegħu ma jitwettqux. (Ġożwè 23:14) Imbagħad Mordekaj staqsa lil Ester: “Min jaf jekk kienx għal żmien bħal dan li int ksibt dinjità rjali?” (Ester 4:12-​14) Mordekaj kellu fiduċja sħiħa f’Alla tiegħu, Ġeħova. Xi ngħidu għalina?—Proverbji 3:5, 6.

Fidi Iktar b’Saħħitha mill-​Biżaʼ mill-​Mewt

Għal Ester kien wasal il-​mument deċiżiv. Staqsiet lil Mordekaj biex jgħid lil-​Lhud biex isumu magħha għal tlett ijiem, u temmet il-​messaġġ tagħha bi stqarrija sempliċi taʼ fidi u kuraġġ li dwiet tul is-​sekli: “Fil-​każ li għandi mmut, immut.” (Ester 4:15-​17) F’dawk it-​tlett ijiem żgur li talbet b’ħerqa li f’ħajjitha qatt ma kienet talbet biha qabel. Però, fl-​aħħar kien wasal il-​waqt. Libset l-​isbaħ ilbies irjali tagħha, ħalli tagħmel l-​almu tagħha biex togħġob lis-​sultan. Imbagħad marret.

Bħalma ġie deskritt fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, Ester resqet lejn il-​palazz tas-​sultan. Nistgħu biss nimmaġinaw il-​ħsibijiet ansjużi u t-​talb bil-​ħrara li kienu għaddejjin minn moħħha u qalbha. Daħlet fil-​bitħa, minn fejn setgħet tara lil Aħasweru fuq it-​tron tiegħu. Forsi pprovat taqra l-​espressjoni taʼ wiċċu. Jekk kellha tistenna, żgur li l-​ħin ratu eternità. Imma l-​mument għadda—żewġha raha. Veru, ma kienx qed jistennieha, imma l-​espressjoni tiegħu rtabet. Medd ix-​xettru tad-​deheb tiegħu!—Ester 5:1, 2.

Ester kien irnexxielha tidher quddiem is-​sultan. Kienet ħadet waqfa għal Alla tagħha u għall-​poplu tagħha, u b’hekk ħalliet eżempju taʼ fidi mill-​isbaħ għall-​qaddejja kollha t’Alla tul iż-​żminijiet.

[Noti taʼ taħt]

a Hu mifhum minn ħafna li Aħasweru hu Serse I, li ħakem fuq l-​Imperu Persjan kmieni fil-​ħames seklu Q.E.K.

b Ħaman għandu mnejn kien fost l-​aħħar ftit Għamalekin, ladarba l-​“fdal” tagħhom inqered lura fi żmien is-​Sultan Ħeżekija.—1 Kronaki 4:43.

c Ħaman offra 10,000 talent tal-​fidda, li llum jiswew mijiet taʼ miljuni taʼ ewro. Jekk Aħasweru kien Serse I, il-​flus għandhom mnejn għamlu l-​offerta taʼ Ħaman saħansitra iktar attraenti. Serse kien tilef fortuna kbira fil-​gwerra diżastruża tiegħu kontra l-​Griegi, milli jidher qabel ma żżewweġ lil Ester.

d Serse I kien magħruf li jbiddel ħsiebu u jitilgħulu. L-​istorjografu Grieg Erodotu niżżel bil-​miktub xi eżempji mill-​gwerra taʼ Serse kontra l-​Greċja. Is-​sultan ordna li jinbena pont li jifflowtja għad-​dgħajjes fuq l-​istrett tal-​Ellespont. Meta l-​pont iġġarraf minħabba maltempata, Serse ordna li l-​inġiniera tinqatgħalhom rashom u saħansitra qabbad lill-​irġiel tiegħu “jikkastigaw” lill-​Ellespont billi jsawtu l-​ilma filwaqt li nqrat b’leħen għoli proklamazzjoni insolenti. Fl-​istess kampanja, meta raġel għani talab bil-​ħrara biex ibnu jiġi skużat milli jingħaqad mal-​armata, Serse ordna li l-​iben jinqataʼ fi tnejn, u mbagħad ġismu tqiegħed fejn jidher bħala twissija.

[Stampa f’paġna 19]

Mordekaj kellu raġuni tajba jkun kburi bit-​tifla adottata tiegħu

[Stampa f’paġna 20]

Ester kienet taf li l-​umiltà u l-​għerf kienu ħafna iktar importanti mid-​dehra persunali

[Stampa f’paġni 22, 23]

Ester issograt ħajjitha biex tipproteġi lill-​poplu t’Alla