Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meta Għandna Nibqgħu Mqajmin

Meta Għandna Nibqgħu Mqajmin

Għallem lil Uliedek

GĦANDEK mnejn taqbel li hu importanti li tibqaʼ mqajjem meta tkun l-​iskola. Ħafna jaqbadhom in-​nagħas meta jkunu fil-​klassi, imma biex titgħallem, trid tibqaʼ mqajjem. Forsi tattendi wkoll laqgħat li fihom tistudja l-​Bibbja.

X’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ mqajjem? a Idea waħda hi li tmur torqod iktar kmieni filgħaxija. Forsi jkun t’għajnuna wkoll jekk tieħu nagħsa waranofsinhar. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu minn żagħżugħ li marret għajnu bih tard bil-​lejl waqt taħdita li kien qed jagħti l-​appostlu Pawlu. Iftaħ il-​Bibbja f’Atti kapitlu 20, versi 7 sa 12, u ara x’ġara.

Pawlu kien qed iżur il-​kongregazzjoni li kienet fil-​belt taʼ Troas li kellha port. Il-​Bibbja tgħid li Pawlu “kien se jitlaq l-​għada” b’dgħajsa. Allura, “tawwal id-​diskors tiegħu sa nofsillejl.” Naqraw: “Wieħed żagħżugħ li kien jismu Ewtiku kien bil-​qiegħda f’ħoġor it-​tieqa u raqad fil-​fond waqt li Pawlu kien għadu jitkellem.” Imbagħad x’ġara?

Ewtiku waqaʼ mit-​tieqa “għal isfel mit-​tielet sular.” Pawlu u l-​oħrajn niżlu jiġru t-​taraġ malajr kemm setgħu, imma Ewtiku kien mal-​art—mejjet! Tistaʼ timmaġina kemm ħassewhom imnikktin?— Il-​Bibbja tgħid li Pawlu qabad lil Ewtiku f’idejh u għannqu. Pawlu ma damx ma għajjat bil-​ferħ: ‘Tinkwetawx, m’għandu xejn!’ Alla kien qajjem lil Ewtiku mill-​mewt!

X’nistgħu nitgħallmu dwar Alla minn dak li ġara lil Ewtiku?— Ħaġa waħda hi li Ġeħova, Missierna tas-​sema, jistaʼ jqajjem lill-​mejtin mill-​mewt, inkluż liż-​żgħażagħ. Ġeħova jifhimkom u jħobbkom, iva, saħansitra iktar mill-​ġenituri tagħkom. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu wera kif inhu Missieru billi ħa liċ-​ċkejknin f’dirgħajh u berikhom. Irxoxta wkoll lil xi żgħażagħ, inkluż tifla taʼ 12-​il sena.

Il-​fatt li taf li Missierek tas-​sema jħobbok, kif iġiegħlek tħossok?— Iġegħelna nħobbu lil Ġeħova lura u nkunu rridu nobdu dak li jgħid Hu. Taf kif nistgħu nuru li nħobbuh?— Mod wieħed hu billi ngħidu li nħobbuh. Ġesù qal: “Jien inħobb lill-​Missier.” Imma Ġesù mhux biss qal li jħobb lil Alla. Hu wera li jħobbu b’dak li għamel.

Ġesù obda lil Alla. “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu,” qal Ġesù. Jekk nagħmlu l-​istess, se nagħmlu l-​almu tagħna biex nibqgħu mqajmin meta suppost ħalli nogħġbu lil Ġeħova u lil Ibnu, Ġesù.

Aqra mill-​Bibbja Tiegħek

Atti 20:7-​12

Luqa 8:49-​56

Ġwanni 8:29; 14:31

[Nota taʼ taħt]

a Jekk qed taqra mat-​tfal, is-​sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-​tfal jesprimu ruħhom.