Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ibqgħu Għassa”—Għala Daqstant Importanti?

“Ibqgħu Għassa”—Għala Daqstant Importanti?

“X’SE jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?” (Mt. 24:3) Biex iwieġeb din il-​mistoqsija, Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu sinjal li kien ċar, dettaljat, li jintgħaraf, u li ma jħalli l-​ebda dubju, bħalma hu mniżżel f’Mattew kapitlu 24, Marku kapitlu 13, u Luqa kapitlu 21. Hu żied: “Ibqgħu għassa.”—Mt. 24:42.

Jekk is-​sinjal fih innifsu kellu jkun tant evidenti, għalfejn din it-​twissija miżjuda? Ikkunsidra dawn iż-​żewġ possibbiltajiet. L-​ewwel, id-​distrazzjonijiet għandhom mnejn iħajru lil xi wħud ma jagħtux kas is-​sinjal. Dan jirriżulta fit-​telf tal-​ispiritwalità u taʼ li wieħed joqgħod għassa. It-​tieni, Kristjan għandu mnejn jagħraf dettalji partikulari tas-​sinjal imma minħabba l-​affarijiet taʼ madwaru ma jħossux effettwat direttament. Imbagħad jistaʼ jirraġuna li t-​“tribulazzjoni kbira,” it-​tmiem tal-​profezija taʼ Ġesù, kienet għadha ’l bogħod mhux ħażin u li għalhekk kien għadu mhux neċessarju li ‘jibqaʼ għassa.’—Mt. 24:21.

“Ma Tawx Kas”

Ġesù fakkar lis-​segwaċi tiegħu dwar in-​nies li kienu jgħixu fi żmien Noè. L-​ippritkar taʼ Noè, il-​bini tal-​arka kolossali, u l-​vjolenza li kienet preżenti ma setgħux ma jiġux innotati. Minkejja dan, il-​maġġuranza “ma tawx kas.” (Mt. 24:37-​39) Attitudni simili lejn it-​twissijiet hija komuni llum. Pereżempju, tabelli tal-​limitu tal-​veloċità jagħtu messaġġ ċar, iżda ħafna jinjorawhom. L-​awtoritajiet ħafna drabi jkollhom jagħmlu s-​sleeping policemen fit-​toroq tal-​bliet biex iġiegħlu lis-​sewwieqa jnaqqsu l-​veloċità. Bl-​istess mod, Kristjan jistaʼ jkun konxju tas-​sinjal tal-​aħħar jiem imma xorta waħda jkun involut f’attivitajiet li mhumiex konsistenti mat-​tifsir tiegħu. Arielle, tfajla mill-​Afrika tal-​Punent, esperjenzatu dan.

Arielle kienet tieħu pjaċir tara l-​logħob tal-​handball tan-​nisa fuq it-​televixin. Meta l-​iskola tagħha organizzat tim, il-​prospett li tilgħab naqqas l-​attenzjoni tagħha għall-​perikli li setaʼ jkun hemm għall-​ispiritwalità tagħha. Hi nkitbet biex tkun goalkeeper. X’ġara mbagħad? Hi tispjega: “Xi wħud minn sħabi tat-​tim kellhom għarajjes li kienu jieħdu d-​drogi u jpejpu. Huma kienu jidħqu bija għax kont differenti, imma ħsibt li stajt inkampa maʼ dan. Bla mistenni, il-​logħba nfisha bdiet tħassar l-​ispiritwalità tiegħi. Il-​handball imlieli moħħi u qalbi. Fis-​Sala tas-​Saltna, minflok ma kont inkun moħħni fil-​laqgħat Kristjani kont inkun moħħni fil-​handball. Il-​personalità Kristjana tiegħi sofriet ukoll. L-​imħabba tiegħi għal-​logħob saret xewqa kbira li nirbaħ. Kont nipprattika ħafna biex nissodisfa l-​ispirtu kompetittiv ġdid tiegħi. Bdejt inħossni stressata. Sa ħbiberiji ssagrifikajt għall-​handball!

“Il-​qofol taʼ kollox wasal meta t-​tim taʼ kontrina ngħata penalti f’waħda mil-​logħbiet. Kont preparata li niddefendi l-​lasta. Qabel ma rrealizzajt, kont tlabt lil Ġeħova biex jgħinni nwaqqaf il-​ballun! Din il-​ġrajja ġegħlitni nirrealizza kemm kienet ġarrbet ħsara l-​ispiritwalità tiegħi. Kif erġajt irkuprajtha?

“Kont rajt id-​DVD tagħna Young People Ask—What Will I Do With My Life? a Iddeċidejt li nerġaʼ narah u did-​darba nieħdu iktar bis-​serjetà. Wara kollox, kont qiegħda fl-​istess sitwazzjoni taʼ André, iż-​żagħżugħ fid-​drama. Tajt kas b’mod speċjali taʼ dak li ssuġġerixxa anzjan lil André biex jagħmel—aqra u aħseb fuq Filippin 3:8. Dan kien li kelli bżonn. Tlaqt mit-​tim.

“X’differenza għamel dan! L-​ispirtu kompetittiv tiegħi u l-​istress li ġab miegħu sparixxew. Ħassejtni iktar ferħana u eqreb tal-​ħbieb Kristjani tiegħi. L-​attivitajiet spiritwali saru jfissru iktar għalija. Bdejt nikkonċentra waqt il-​laqgħat u rġajt bdejt nieħu pjaċir fihom. Il-​ministeru tiegħi wkoll ħa spinta ’l quddiem. Issa naqdi bħala pijuniera awżiljarja regolarment.”

Jekk hemm xi ħaġa li ttellfek milli tagħti kas is-​sinjal li tana Ġesù, ħu passi serji bħalma għamlet Arielle. Tistaʼ tipprova xi ħaġa minn dan li ġej. Fittex fil-​Watch Tower Publications Index, li ntqal li hu mappa għal teżori moħbija. Hemm issib referenzi għal pariri għaqlin u esperjenzi reali taʼ kif oħrajn iffaċċjaw it-​tentazzjonijiet. Ibbenefika bis-​sħiħ mil-​laqgħat Kristjani billi tipprepara tajjeb u tieħu n-​noti. Xi wħud sabu li tgħinhom jekk joqogħdu bilqiegħda fuq quddiem tas-​sala. Meta l-​udjenza tkun tistaʼ tipparteċipa, ipprova kkummenta fil-​bidu. Iktar minn hekk, ibqaʼ mqajjem spiritwalment billi tqabbel aħbarijiet kurrenti maʼ aspetti tas-​sinjal u karatteristiki oħrajn tal-​“aħħar jiem.”—2 Tim. 3:1-​5; 2 Pt. 3:3, 4; Riv. 6:1-​8.

“Uru li Intom Lesti”

Is-​sinjal tal-​aħħar jiem hu internazzjonali, jeffettwa “l-​art abitata kollha.” (Mt. 24:7, 14) Miljuni taʼ nies jgħixu f’postijiet milqutin ħażin minn mard li jittieħed, nuqqas taʼ ikel, terremoti, u ġrajjiet oħra mbassra. B’kuntrast, ħafna oħrajn jgħixu f’ċertu kwiet u paċi. Jekk qatt ma esperjenzajt personalment xi aspetti tas-​sinjal, għandek tirraġuna li t-​tribulazzjoni kbira għadha ’l bogħod ħafna? Dan ma jkunx għaqli.

Aħseb, pereżempju, fuq dak li bassar Ġesù dwar “mard li jittieħed u nuqqas taʼ ikel.” (Lq. 21:11) L-​ewwel, hu ma qalx li dawn kienu se jeffettwaw il-​postijiet kollha fl-​istess ħin jew fuq l-​istess skala. Minflok, qal li dawn kienu se jseħħu “f’post wara l-​ieħor.” Għalhekk, ma nistgħux nistennew li l-​istess ġrajjiet iseħħu kullimkien fl-​istess ħin. It-​tieni, ftit wara li semma n-​nuqqas taʼ ikel, Ġesù indika li wħud mis-​segwaċi tiegħu kellhom joqogħdu attenti li ma jiklux iżżejjed: ‘Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel żejjed.’ (Lq. 21:34) B’hekk, il-​Kristjani kollha m’għandhomx jistennew li jesperjenzaw l-​aspetti kollha tas-​sinjal. Minflok, Ġesù qal: “Meta taraw dawn l-​affarijiet iseħħu, kunu afu li s-​saltna t’Alla tkun qrib.” (Lq. 21:31) Il-​komunikazzjoni moderna tħallina naraw l-​aspetti kollha tas-​sinjal, minkejja dak li nesperjenzaw personalment fl-​inħawi tagħna.

Ftakar ukoll li Ġeħova diġà waqqaf “il-​jum u s-​siegħa” biex tibda t-​tribulazzjoni kbira. (Mt. 24:36) Il-​mod kif jiżvolġu l-​ġrajjiet fuq l-​art mhux se jbiddel din id-​data.

Ġesù wissa ’l-​Kristjani kullimkien: “Uru li intom lesti.” (Mt. 24:44) Dejjem għandna nkunu lesti. Ovvjament, ma nistgħux nieħdu sehem f’attivitajiet teokratiċi 24 siegħa kuljum. Barra minn hekk, ħadd minna ma jaf x’se nkunu qed nagħmlu xħin tibda t-​tribulazzjoni kbira. Xi wħud għandhom mnejn ikunu qed jaħdmu fl-​għalqa jew jieħdu ħsieb il-​faċendi tad-​dar. (Mt. 24:40, 41) Mela, x’nistgħu nagħmlu biex nuru li aħna lesti?

Emmanuel, Victorine, u s-​sitt ibniet tagħhom jgħixu f’post fl-​Afrika fejn ma jħossux l-​impatt kollu tal-​ġrajjiet kollha li jifformaw is-​sinjal. Għalhekk iddeċidew li jkollhom diskussjoni spiritwali kuljum biex tgħinhom juru li huma lesti. Emmanuel jispjega: “Kien diffiċli li nsibu ħin konvenjenti għalina lkoll. Spiċċajna għażilna n-​nofs siegħa taʼ bejn is-​sitta u s-​sitta u nofs taʼ filgħodu. Wara li nikkunsidraw l-​iskrittura tal-​jum, nippreparaw xi ftit paragrafi minn waħda mill-​pubblikazzjonijiet għall-​istudju tal-​kongregazzjoni taʼ matul il-​ġimgħa.” Għenhom dan il-​programm jibqgħu mqajmin? Dażgur! Emmanuel huwa l-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani fil-​kongregazzjoni. Victorine spiss taqdi bħala pijuniera awżiljarja u għenet ’il ħafna jaċċettaw il-​verità. Il-​bniet tagħhom kollha qed jagħmlu progress spiritwali.

Ġesù jwissina: “Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin.” (Mk. 13:33) Tħalli xejn itellfek milli tibqaʼ għassa spiritwalment. Minflok, agħti kas il-​pariri tajbin fil-​pubblikazzjonijiet tagħna u fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni bħalma għamlet Arielle. Bħall-​familja taʼ Emmanuel, ipprova agħmel xi ħaġa kuljum biex turi li int lest u ‘ibqaʼ għassa.’

[Nota taʼ taħt]

a Drama taż-​żmien modern dwar kif Kristjan żagħżugħ issielet biex jagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejn Ġeħova.

[Stampa f’paġna 4]

Diskussjonijiet spiritwali taʼ kuljum jgħinu lil Emmanuel u ’l-​familja tiegħu ‘juru li huma lesti’