Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Farraġ lill-Imnikktin Kollha’

‘Farraġ lill-Imnikktin Kollha’

“Ġeħova dilikni . . . biex infarraġ lill-​imnikktin kollha.”—IS. 61:1, 2.

1. Ġesù x’għamel għall-​imnikktin, u għala?

 ĠESÙ KRISTU qal: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġw. 4:34) Meta Ġesù wettaq l-​inkarigu tiegħu mogħti minn Alla, hu wera l-​istess kwalitajiet meraviljużi taʼ Missieru. Fost dawn hemm l-​imħabba kbira taʼ Ġeħova għan-​nies. (1 Ġw. 4:7-​10) L-​appostlu Pawlu semma turija waħda taʼ dik l-​imħabba meta ddeskriva lil Ġeħova bħala “l-​Alla taʼ kull faraġ.” (2 Kor. 1:3) Ġesù wera mħabba bħal din meta għamel dak li kien imbassar fil-​profezija t’Isaija. (Aqra Isaija 61:1, 2.) Ġesù qara minn din il-​profezija fis-​sinagoga f’Nazaret u applika l-​kliem tagħha għalih innifsu. (Lq. 4:16-​21) Matul il-​ministeru kollu tiegħu, Ġesù bi mħabba farraġ lill-​imnikktin u tahom inkuraġġiment u paċi tal-​moħħ.

2, 3. Is-​segwaċi taʼ Kristu għala għandhom bżonn jimitaw lilu f’li jagħtu l-​faraġ?

2 Is-​segwaċi kollha taʼ Ġesù għandhom bżonn jimitawh billi jfarrġu ’l dawk li huma mnikktin. (1 Kor. 11:1) Pawlu qal: “Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin.” (1 Tess. 5:11) Issa iktar minn qatt qabel, għandna bżonn infarrġu lil oħrajn ladarba l-​umanità qed tiffaċċja “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Tim. 3:1) Iktar u iktar nies b’qalb onesta madwar id-​dinja qed iħabbtu wiċċhom maʼ nies li l-​kliem u l-​għemejjel tagħhom jikkaġunaw niket, uġigħ taʼ qalb, u dwejjaq.

3 Bħalma bassret il-​profezija tal-​Bibbja, f’dawn l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar, ħafna nies “iħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-​ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” Attitudnijiet bħal dawn huma agħar minn qatt qabel għax “in-​nies mill-​agħar u l-​impusturi jibqgħu sejrin mill-​ħażin għall-​agħar.”—2 Tim. 3:2-​4, 13.

4. X’ġara lill-​kundizzjonijiet tad-​dinja fi żmienna?

4 Dan kollu m’għandux jissorprendina, għax il-​Kelma t’Alla tagħmilha ċara li “d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġw. 5:19) “Id-​dinja kollha” tinkludi l-​elementi politiċi, reliġjużi, u kummerċjali, kif ukoll il-​modi li juża Satana biex ixerred il-​propaganda. Mingħajr dubju, Satana x-​Xitan bix-​xieraq jissejjaħ “il-​ħakkiem tad-​dinja” u “l-​alla taʼ din is-​sistema.” (Ġw. 14:30; 2 Kor. 4:4) Il-​kundizzjonijiet madwar id-​dinja jkomplu jmorru għall-​agħar għax Satana issa għandu rabja kbira għax jaf li baqagħlu biss ftit żmien qabel ma Ġeħova jneħħih min-​nofs. (Riv. 12:12) Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Alla mhux se jħalli lil Satana u s-​sistema mill-​agħar tiegħu jibqgħu għal ħafna iktar, u li l-​kwistjoni li Satana qajjem rigward is-​sovranità taʼ Ġeħova se tkun setiljata!—Ġen., kap. 3; Ġob, kap. 2.

L-​Aħbar Tajba Qed Tiġi Pritkata Madwar id-​Dinja Kollha

5. Il-​profezija dwar ix-​xogħol tal-​ippritkar kif qed titwettaq f’dawn l-​aħħar jiem?

5 Matul dan il-​perijodu diffiċli fl-​istorja umana, dak li bassar Ġesù qed jitwettaq. Hu qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mt. 24:14) Dan ix-​xogħol globali t’għoti taʼ xhieda dwar is-​Saltna t’Alla qed isir fuq skala li dejjem tikber. Illum, iktar minn 7,500,000 Xhud taʼ Ġeħova, f’iktar minn 107,000 kongregazzjoni madwar id-​dinja, qed jippritkaw dwar is-​Saltna t’Alla, l-​istess bħalma Ġesù għamilha t-​tema tal-​ippritkar u t-​tagħlim tiegħu. (Mt. 4:17) Minħabba x-​xogħol tal-​ippritkar li qed nagħmlu llum, qed jingħata faraġ kbir lill-​imnikktin. Biss biss, f’sentejn reċenti, total taʼ 570,601 persuna tgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova!

6. X’taħseb dwar it-​tkabbir tax-​xogħol tal-​ippritkar tagħna?

6 Nistgħu naraw kemm hu tassew mifrux dan ix-​xogħol tal-​ippritkar l-​iktar meta nqisu l-​fatt li issa x-​Xhieda taʼ Ġeħova jittraduċu u jqassmu letteratura Biblika b’iktar minn 500 lingwa. Ħadd qatt m’għamel xogħol bħal dan! L-​eżistenza, ix-​xogħol, u t-​tkabbir tal-​parti tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-​art huma tassew straordinarji. Mingħajr il-​gwida u l-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis b’saħħtu t’Alla, kien ikun impossibbli li ssir ħaġa bħal din f’dinja fil-​kontroll taʼ Satana. Peress li l-​aħbar tajba qed tiġi pritkata madwar l-​art abitata kollha, faraġ mill-​Iskrittura issa mhux gawdut biss minn aduraturi sħabna imma wkoll minn uħud imnikktin li jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna.

Farraġ lill-​Aduraturi Sħabek

7. (a) Għala ma nistgħux nistennew li Ġeħova jneħħi kull sitwazzjoni taʼ niket issa? (b) Kif nafu li huwa possibbli għalina li nissaportu l-​persekuzzjoni u t-​tribulazzjoni?

7 Minħabba li ngħixu f’dinja mimlija ħażen u tbatija, żgur li se nħabbtu wiċċna maʼ xi sitwazzjonijiet li jikkaġunaw in-​niket. Ma nistgħux nistennew li Alla jneħħi l-​kaġuni kollha taʼ dwejjaq jew taʼ niket sakemm jiġi biex jeqred din is-​sistema. Sadattant, hekk kif niffaċċjaw il-​persekuzzjoni mbassra, l-​integrità tagħna lejn Alla bħala wħud li nappoġġaw is-​sovranità universali tiegħu tkun fil-​periklu. (2 Tim. 3:12) Madanakollu, bl-​għajnuna u l-​faraġ taʼ Missierna tas-​sema nistgħu nkunu bħall-​Kristjani midlukin f’Tessalonika tal-​qedem, li ssaportew il-​persekuzzjonijiet u t-​tribulazzjonijiet bis-​sabar u l-​fidi.—Aqra t-2 Tessalonikin 1:3-​5.

8. Liema evidenza Skritturali hemm li Ġeħova jfarraġ lill-​qaddejja tiegħu?

8 M’hemm l-​ebda dubju li Ġeħova jipprovdi l-​faraġ meħtieġ għall-​qaddejja tiegħu. Pereżempju, meta l-​ħajja tal-​profeta Elija kienet mhedda mir-​reġina mill-​agħar Ġeżabel, il-​profeta beżaʼ u ħarab, u saħansitra qal li xtaq imut. Imma minflok ma ċanfar lil Elija, Ġeħova farrġu u qawwilu qalbu biex iwettaq xogħlu bħala profeta. (1 Slat. 19:1-​21) Li Ġeħova jfarraġ lin-​nies tiegħu jidher ukoll fl-​esperjenza tal-​kongregazzjoni Kristjana tal-​ewwel seklu. Pereżempju, naqraw dwar perijodu meta “l-​kongregazzjoni fil-​Lhudija u l-​Galilija u s-​Samarija kollha ssaħħet u daħlet f’perijodu taʼ paċi.” Iktar minn hekk, “baqgħet tiżdied waqt li mxiet fil-​biżaʼ taʼ Ġeħova u fil-​faraġ taʼ l-​ispirtu qaddis.” (Atti 9:31) Kemm aħna grati li aħna wkoll għandna “l-​faraġ taʼ l-​ispirtu qaddis”!

9. Il-​fatt li nitgħallmu dwar Ġesù, għala jistaʼ jfarraġna?

9 Bħala Kristjani, aħna tfarraġna meta tgħallimna dwar Ġesù Kristu u bdejna nimxu fil-​passi tiegħu. Ġesù qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mt. 11:28-​30) Li nitgħallmu dwar il-​mod inkuraġġanti kif Ġesù ttratta lin-​nies u mbagħad li nimitaw l-​eżempju pożittiv tiegħu fih innifsu hu t’għajnuna kbira f’li ntaffu l-​istress li għandna mnejn nesperjenzaw.

10, 11. Fil-​kongregazzjoni, min għandu mnejn ikun jistaʼ jagħti l-​faraġ?

10 Ukoll nistgħu niġu mfarrġin minn Kristjani sħabna. Pereżempju, ikkunsidra kif l-​anzjani fil-​kongregazzjoni jgħinu lil dawk li jħabbtu wiċċhom maʼ sitwazzjonijiet taʼ niket. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Hemm xi ħadd marid [spiritwalment] fostkom? Ħa jsejjaħ għandu lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih.” B’liema riżultat? “It-​talb tal-​fidi jfejjaq lill-​marid, u Ġeħova jqajmu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.” (Ġak. 5:14, 15) Membri oħrajn tal-​kongregazzjoni jistgħu jipprovdu l-​faraġ ukoll.

11 In-​nisa spiss isibuha iktar faċli li jkellmu nisa oħra dwar diversi problemi. Aħwa nisa akbar fl-​età u taʼ iktar esperjenza speċjalment jistgħu jagħtu parir tajjeb ħafna lil aħwa nisa iżgħar. Dawn in-​nisa Kristjani akbar u maturi forsi diġà għaddew minn sitwazzjonijiet simili f’ħajjithom. Is-​simpatija u l-​kwalitajiet femminili tagħhom jistgħu jkunu t’għajnuna kbira. (Aqra Titu 2:3-​5.) Naturalment, l-​anzjani u oħrajn jistgħu u għandhom ‘jikkonslaw lid-​dipressi’ fostna. (1 Tess. 5:14, 15) U jkun tajjeb li nżommu f’moħħna li Alla “jfarraġna fit-​tribulazzjoni kollha tagħna, biex inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk li jkunu f’kull xorta taʼ tribulazzjoni.”—2 Kor. 1:4.

12. Għala hu vitali li nattendu l-​laqgħat Kristjani?

12 Mod veru importanti kif tikseb il-​faraġ hu billi tkun preżenti fil-​laqgħat Kristjani fejn diskussjonijiet mill-​Bibbja jinkuraġġuna. Aħna naqraw li Ġuda u Sila “inkuraġġew lill-​aħwa b’ħafna taħditiet u saħħewhom.” (Atti 15:32) Qabel u wara l-​laqgħat ikun hemm konversazzjoni li tibni bejn il-​membri tal-​kongregazzjoni. Għalhekk, anke jekk insofru minħabba sitwazzjoni li tnikkitna, ejja ma niżolawx lilna nfusna, għax m’aħniex se ntejbu l-​affarijiet billi nagħmlu hekk. (Prov. 18:1) Minflok, nagħmlu tajjeb li nsegwu l-​parir imnebbaħ tal-​appostlu Pawlu: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-​jum.”—Ebr. 10:24, 25.

Tfarraġ mill-​Kelma t’Alla

13, 14. Uri kif l-​Iskrittura tistaʼ tfarraġna.

13 Kemm jekk aħna Kristjani mgħammdin u kemm jekk aħna individwi li għadna nibdew nitgħallmu dwar Alla u l-​iskopijiet tiegħu, nistgħu nsibu faraġ kbir fil-​Kelma miktuba t’Alla. Pawlu kiteb: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-​istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura jkollna t-​tama.” (Rum. 15:4) L-​Iskrittura Mqaddsa tistaʼ tfarraġna u tagħmilna ‘kapaċi għalkollox, armati bis-​sħiħ għal kull għemil tajjeb.’ (2 Tim. 3:16, 17) Żgur li se nitfarrġu bil-​kbir ladarba nkunu nafu l-​verità dwar l-​iskopijiet t’Alla u jkollna tama ġenwina għall-​futur. Għalhekk, ejjew nużaw bis-​sħiħ il-​Kelma t’Alla u l-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja li jistgħu jfarrġuna u jkunu taʼ benefiċċju għalina b’ħafna modi.

14 Ġesù tana eżempju mill-​aħjar billi uża l-​Iskrittura biex jgħallem u jfarraġ lil oħrajn. Pereżempju, waħda mid-​drabi meta deher wara l-​irxoxt tiegħu, hu ‘spjega ċar l-​Iskrittura’ lil żewġ dixxipli minn tiegħu. Hekk kif kellimhom, qalbhom intmesset profondament. (Lq. 24:32) B’imitazzjoni tal-​eżempju eċċellenti taʼ Ġesù, l-​appostlu Pawlu ‘rraġuna mill-​Iskrittura.’ F’Berea, is-​semmiegħa tiegħu “laqgħu l-​kelma bl-​akbar ħeġġa u kienu jeżaminaw bir-​reqqa l-​Iskrittura kuljum.” (Atti 17:2, 10, 11) Kemm hu xieraq li naqraw il-​Bibbja kuljum, u b’hekk nibbenefikaw minnha u mill-​pubblikazzjonijiet Kristjani mħejjijin biex jagħtuna faraġ u tama f’dawn iż-​żminijiet kollhom inkwiet!

Modi Oħra Kif Oħrajn Jitfarrġu

15, 16. X’inhuma xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex ngħinu u nfarrġu l-​Kristjani sħabna?

15 Aħna nistgħu ngħinu, u b’hekk infarrġu lill-​Kristjani sħabna b’diversi modi prattiċi. Pereżempju, għandna mnejn nagħmlu xi xirja għall-​aduraturi sħabna anzjani jew morda. Forsi ngħinu lil oħrajn bil-​faċendi tad-​dar tagħhom, u b’hekk nuru interess personali fihom. (Flp. 2:4) Forsi nistgħu nikkumplimentaw lill-​aduraturi sħabna fuq il-​kwalitajiet tajbin tagħhom, bħal pereżempju l-​imħabba, il-​kuraġġ, u l-​fidi tagħhom.

16 Bi sforz biex infarrġu lill-​uħud avanzati fl-​età, aħna nistgħu nżuruhom u nisimgħu bir-​reqqa x’jgħidulna dwar dak li għaddew minnu u dwar il-​barkiet li kellhom fis-​servizz lejn Ġeħova. Billi nagħmlu dan, inkunu qed niġu inkuraġġiti u mfarrġin aħna! Għandna mnejn naqraw il-​Bibbja jew pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja lil dawk li nżuru. Forsi nistgħu nikkunsidraw l-​artiklu kurrenti għall-​istudju taʼ kull ġimgħa tat-​Torri tal-​Għassa jew il-​materjal li se jiġi diskuss fl-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni għal dik il-​ġimgħa. Aħna forsi nistgħu naraw wieħed mid-​DVDs tagħna magħhom. U nistgħu naqraw jew nirrakkontaw esperjenzi inkuraġġanti misjubin fil-​pubblikazzjonijiet tagħna.

17, 18. Bħala l-​qaddejja leali taʼ Ġeħova, għala nistgħu nkunu ċerti li se jappoġġana u jfarraġna?

17 Jekk ninnotaw li ħu jew oħt għandha bżonn il-​faraġ, nistgħu nsemmuha fit-​talb privat tagħna. (Rum. 15:30; Kol. 4:12) Hekk kif inkampaw personalment mal-​problemi tal-​ħajja u b’mod diliġenti nipprovaw infarrġu lil oħrajn, aħna jistaʼ jkollna l-​istess fidi u konvinzjoni bħas-​salmista li kanta: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik. Hu qatt ma jħalli lill-​ġust jogħtor.” (Salm 55:22) Tabilħaqq, Ġeħova dejjem se jkun hemm biex ifarraġna u jappoġġana bħala l-​qaddejja leali tiegħu.

18 Alla qal lill-​aduraturi tiegħu tal-​qedem: “Jien—jien hu li qed infarraġkom.” (Is. 51:12) Ġeħova se jagħmel l-​istess għalina u se jbierek il-​kliem u l-​għemejjel tajbin tagħna hekk kif infarrġu lill-​imnikktin. Kemm jekk it-​tama tagħna hi għas-​sema u kemm jekk għall-​art, kull wieħed u waħda minna jistaʼ jiġi mfarraġ minn kliem Pawlu lill-​Kristjani sħabu midlukin bl-​ispirtu: “Jalla l-​Mulej tagħna Ġesù Kristu nnifsu u Alla Missierna, li ħabbewna u b’qalb tajba mhix mistħoqqa tawna faraġ dejjiemi u tama sabiħa, ifarrġu lil qlubkom u jissodawkom f’kull għemil u kelma tajba.”—2 Tess. 2:16, 17.

Tiftakar Int?

• Kemm hu mifrux ix-​xogħol tagħna taʼ li nfarrġu lill-​imnikktin?

• X’inhuma xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex infarrġu lil oħrajn?

• Liema prova Skritturali hemm li Ġeħova jfarraġ lill-​poplu tiegħu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 28]

Tieħu sehem f’li tfarraġ lill-​imnikktin?

[Stampa f’paġna 30]

Kemm iż-​żgħar u kemm il-​kbar jistgħu jkunu taʼ inkuraġġiment