Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

X’għandi nagħmel meta jkolli mistoqsija dwar xi ħaġa li naqra mill-​Bibbja jew meta jkolli bżonn parir dwar problema personali?

Proverbji 2:1-​5 jħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna biex ‘jibqaʼ jfittex’ għall-​abbiltà li jifhem u d-​dixxerniment bħallikieku qed ifittex għal “teżori moħbijin.” Dan jagħtina x’nifhmu li għandna nħabirku f’li nagħmlu riċerka għat-​tweġibiet tal-​mistoqsijiet tagħna mill-​Bibbja u f’li nsibu soluzzjonijiet għall-​problemi personali tagħna. Kif nistgħu nagħmlu dan?

Il-​ktieb Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, paġni 33 sa 38, janalizza “Kif Tagħmel Riċerka” billi tuża għodod li ġew provduti mill-​“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45) Paġna 36 tispjega kif wieħed jistaʼ juża l-​Watch Tower Publications Index, li kull edizzjoni tiegħu hi maqsuma f’indiċi skont is-​suġġett u indiċi skont l-​iskritturi. Dan jagħmilha possibbli biex jew tfittex permezz taʼ kliem ewlieni jew permezz taʼ versi mill-​Bibbja, u b’hekk issib lista taʼ referenzi biex tfittex fihom. Kun paċenzjuż f’li tfittex għat-​tweġiba jew għall-​gwida speċifika li teħtieġ. Tinsiex, int qed tfittex għal “teżori moħbijin,” u dan jieħu l-​ħin u l-​isforz.

Ovvjament, hemm xi suġġetti u skritturi li l-​pubblikazzjonijiet tagħna ma tkellmux dwarhom speċifikament. U anke fejn tkellimna dwar skrittura partikulari mill-​Bibbja, forsi ma ddiskutejniex il-​mistoqsija speċifika li jkollok f’moħħok. Ukoll, xi rakkonti Bibliċi jqajmu mistoqsijiet għax id-​dettalji kollha mhumiex imniżżlin fl-​Iskrittura. Għaldaqstant, ma nistgħux insibu tweġibiet pronti għal kull mistoqsija li tqum. F’każ bħal dan, għandna nevitaw li nispekulaw dwar affarijiet li sempliċement ma jistgħux jitwieġbu, li ma mmorrux insiru involuti f’li niddibattu ‘mistoqsijiet għal riċerka minflok ma nwasslu biex naqsmu xi ħaġa mingħand Alla li ssaħħaħ il-​fidi.’ (1 Tim. 1:4; 2 Tim. 2:23; Titu 3:9) La l-​uffiċċju tal-​fergħa u lanqas il-​kwartieri ġenerali mhuma f’pożizzjoni li janalizzaw u jwieġbu l-​mistoqsijiet kollha bħal dawn li ma ġewx diskussi fil-​letteratura tagħna. Aħna nistgħu nkunu sodisfatti li l-​Bibbja tipprovdi biżżejjed informazzjoni biex tiggwidana fil-​ħajja imma wkoll tħalli barra biżżejjed dettalji li minħabba fihom ikollna bżonn irrawmu fidi soda fl-​Awtur Divin tagħha.—Ara paġni 185 sa 187 tal-​ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah.

Xi ngħidu jekk għamilt dak kollu li stajt biex tfittex dwar kwistjoni li teffettwak personalment imma xorta ma sibtx il-​gwida jew is-​soluzzjoni li għandek bżonn? Tiddejjaqx tavviċina lil aduratur sieħbek matur, forsi wieħed mill-​anzjani lokali. Huma għandhom għarfien tal-​Bibbja konsiderevoli kif ukoll esperjenza tal-​ħajja Kristjana. L-​għajnuna bilanċjata tagħhom se tkun tassew xierqa jekk għandek bżonn parir dwar problema jew deċiżjoni personali, għaliex huma jafuk u huma qrib tiegħek u tas-​sitwazzjoni li tkun fiha. U qatt tinsa titlob lil Ġeħova speċifikament dwar dak li jinkwetak u itolbu jiggwida l-​ħsib tiegħek permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu, “għax Ġeħova jagħti l-​għerf . . . u d-​dixxerniment.”—Prov. 2:6; Lq. 11:13.