Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Missirijiet Kif Jistgħu Jibqgħu Qrib Uliedhom Subien?

Il-Missirijiet Kif Jistgħu Jibqgħu Qrib Uliedhom Subien?

“PA, KIF taf daqshekk?” Ibnek qatt issorprendiek b’mistoqsija bħal din? Dak iż-​żmien, int x’aktarx li ħassejtek kburi li int missier. Imma kieku ibnek aġixxa fuq dak li għedtlu—kieku applika l-​pariri għaqlin li tajtu u ħasad il-​benefiċċju—bla dubju qalbek kienet timtela b’ferħ saħansitra akbar. aProverbji 23:15, 24.

Madankollu, matul is-​snin, ibnek baqaʼ jammirak bħalma kien jagħmel fil-​passat? Jew donnu jidher li hekk kif jikber, ir-​rispett lejk dejjem qed jonqos? Kif tistaʼ tibqaʼ qrib ibnek hekk kif minn tifel isir raġel? L-​ewwel, ejja nikkunsidraw ftit mill-​isfidi li jiffaċċjaw il-​missirijiet.

Tliet Sfidi Komuni

1. NUQQAS TAʼ ĦIN: F’ħafna pajjiżi, il-​missirijiet jaqilgħu l-​biċċa l-​kbira mid-​dħul għall-​familja. Spiss, xogħolhom jirrikjedi li ma jkunux id-​dar għall-​biċċa l-​kbira mill-​jum. F’xi postijiet, il-​missirijiet ftit li xejn iqattgħu ħin maʼ wliedhom. Pereżempju, stħarriġ li sar dan l-​aħħar fi Franza sab li l-​missirijiet hemmhekk iqattgħu bħala medja inqas minn 12-​il minuta kuljum jieħdu ħsieb uliedhom.

AĦSEB DWAR DAN: Kemm tqattaʼ ħin maʼ ibnek? Fil-​ġimgħa jew fil-​ħmistax li ġejjin, għala ma tniżżilx l-​ammont taʼ ħin totali li tqattaʼ miegħu kuljum? Ir-​riżultati jistgħu jissorprenduk.

2. NUQQAS TAʼ EŻEMPJU TAJJEB: Xi rġiel ftit li xejn kellhom kuntatt maʼ missierhom stess. “Ma tantx kelli kuntatt maʼ missieri,” jgħid Jean-​Marie, li jgħix fi Franza. Jean-​Marie kif ġie effettwat? “Dan ħalaqli problemi li qatt ma immaġinajt,” jgħid hu. “Perkażu, insibha diffiċli biex ikolli konversazzjonijiet siewja maʼ wliedi stess.” F’każi oħrajn, l-​irġiel jafuh sew lil missierhom, imma r-​relazzjoni taʼ bejn missier u iben ma tantx hi tajba. Philippe, li għandu 43 sena, jgħid: “Missieri kien isibha diffiċli biex jurini affezzjoni. Minħabba f’hekk, ikolli naħdem iebes biex nuri iktar affezzjoni maʼ ibni.”

AĦSEB DWAR DAN: Tħoss int li r-​relazzjoni li għandek maʼ missierek teffettwa l-​mod kif tittratta lil ibnek? Innotajt li qed issegwi d-​drawwiet tajbin jew ħżiena taʼ missierek? Kif?

3. NUQQAS TAʼ PARIRI BILANĊJATI: Xi kulturi jċekknu l-​irwol tal-​missier fit-​trobbija tat-​tfal. “Fejn trabbejt jien,” jgħid Luca, li trabba f’pajjiż fl-​Ewropa tal-​Punent, “in-​nies kienu jħossu li t-​trobbija tat-​tfal kienet xogħol il-​mara.” F’kulturi oħrajn, il-​missirijiet jiġu inkuraġġiti biss biex jiddixxiplinaw b’mod strett lil uliedhom, u xejn iktar. Pereżempju, George trabba f’pajjiż Afrikan. Hu jgħid: “Fil-​kultura tiegħi, il-​missirijiet ma jilagħbux maʼ wliedhom għax jibżgħu li dan se jnaqqas mill-​awtorità tal-​missier. Għalhekk, dejjem sibtha diffiċli biex sempliċement ingawdi l-​kumpanija taʼ ibni.”

AĦSEB DWAR DAN: Fil-​komunità tiegħek, il-​missirijiet liema rwol huma mistennijin li jkollhom? Jiġu mgħallmin biex iħarsu lejn it-​trobbija tat-​tfal bħala x-​xogħol tal-​mara? Huma l-​missirijiet inkuraġġiti biex jesprimu l-​imħabba u l-​affezzjoni għal uliedhom subien, jew huma ideat bħal dawn meqjusin bħala banali?

Jekk int missier li tiffaċċja waħda jew iktar minn dawn l-​isfidi, kif tistaʼ tirnexxi? Ikkunsidra s-​suġġerimenti li ġejjin.

Ibda Waqt li Ibnek Ikun Għadu Żgħir

Is-​subien donnhom jitwieldu bix-​xewqa li jimitaw lil missierhom. Għalhekk, waqt li ibnek ikun għadu żgħir, ħu vantaġġ minn din ix-​xewqa. Kif tistaʼ tagħmel dan? U meta tistaʼ ssib il-​ħin biex tqattgħu miegħu?

Kull meta jkun possibbli, inkludi lil ibnek fl-​attivitajiet tiegħek taʼ kuljum. Pereżempju, jekk qed tagħmel xi faċendi, qabbdu jgħinek. Agħti lil ibnek xkupa żgħira jew pala ċkejkna. Bla dubju, hu se jitgħaxxaq jaħdem maġenb l-​eroj u l-​mudell tiegħu, missieru! Forsi l-​faċendi tiegħek jieħdu ftit iktar ħin; imma se ssaħħaħ ir-​rabta taʼ bejnietkom, u se tkun qed tgħallmu attitudni tajba lejn ix-​xogħol. Żmien twil ilu, il-​Bibbja inkuraġġiet lill-​missirijiet biex jinkludu lil uliedhom fl-​attivitajiet tagħhom taʼ kuljum u biex jużaw dawn l-​okkażjonijiet ħalli jikkomunikaw magħhom u jgħallmuhom. (Dewteronomju 6:6-​9) Dan il-​parir għadu jgħodd.

Minbarra li taħdem maʼ ibnek, agħmel il-​ħin biex tilgħab miegħu. Il-​logħob ma jipprovdilkomx biss opportunità biex tieħdu pjaċir flimkien. Ir-​riċerka turi li meta l-​missirijiet jilagħbu mat-​tfal żgħar tagħhom, huma jinkuraġġuhom biex ikunu iktar avventurużi u qalbenin.

Il-​logħob bejn missier u iben għandu funzjoni saħansitra iktar importanti. “Huwa permezz tal-​logħob,” jgħid ir-​riċerkatur Michel Fize, “li tifel jikkomunika l-​aħjar maʼ missieru.” Waqt il-​logħob, missier jistaʼ jesprimi l-​affezzjoni lejn ibnu kemm bil-​kliem kif ukoll bl-​azzjoni. Meta jagħmel dan, hu jgħallem lil ibnu kif jesprimi l-​affezzjoni wkoll. “Meta ibni kien għadu żgħir,” jgħid André, missier li jgħix il-​Ġermanja, “spiss konna nilagħbu flimkien. Kont inħaddnu miegħi, u hu tgħallem jesprimi mħabbtu lejja.”

Ħin ieħor meta missier jistaʼ jsaħħaħ ir-​rabtiet taʼ mħabba maʼ ibnu hu qabel l-​irqad. Regolarment aqralu xi storja, u isimgħu jesprimi l-​ferħ u t-​tħassib tiegħu dwar il-​ġurnata. Jekk tagħmel dan, se tagħmilhielu iktar faċli biex ikompli jiftaħ qalbu miegħek hekk kif jikber.

Ibqaʼ Sus Wara Dak li t-​Tnejn Tħobbu Tagħmlu

Xi subien adoloxxenti għandhom mnejn ikunu indifferenti meta missierhom jipprova jikkomunika magħhom. Jekk ibnek ikun jidher li qed jevita l-​mistoqsijiet tiegħek, tikkonkludix li ma jrid ebda konversazzjoni. Forsi jkun iktar lest li jiftaħ qalbu miegħek jekk tadatta l-​mod kif tikkomunika miegħu.

Jacques, missier li jgħix fi Franza, kultant kien isibha diffiċli biex jikkomunika maʼ ibnu, Jérôme. Imma minflok ma sforza lil ibnu biex jitkellem, hu adatta l-​metodu tiegħu—kien jilgħab il-​futbol miegħu. “Wara l-​eżerċizzju fiżiku tagħna,” jgħid Jacques, “konna noqogħdu bilqiegħda fuq il-​ħaxix u nistrieħu ftit. Ibni spiss kien jiftaħ qalbu dak il-​ħin. Is-​sempliċi fatt li konna flimkien u, naħseb jien, il-​fatt li kien jaf li setaʼ jqattaʼ xi ħin waħdu miegħi, għenu biex tiżviluppa rabta speċjali bejnietna.”

Xi ngħidu jekk ibnek ma jħobbux l-​isports? André jiftakar b’għożża s-​sigħat li qattaʼ jħares lejn il-​kwiekeb maʼ ibnu. “Fl-​arja kiesħa tal-​lejl konna narmaw id-​dekċers,” jgħid André. “Imbagħad konna nitgeżwru biex nisħnu u, b’tazza te f’idejna, inħarsu lejn is-​sema billejl. Konna nitkellmu dwar il-​Wieħed li ħalaq il-​kwiekeb. Konna nitkellmu dwar kwistjonijiet persunali. Konna nitkellmu kważi dwar kollox.”—Isaija 40:25, 26.

Xi ngħidu jekk int ma tiħux pjaċir tagħmel xi affarijiet li jinteressaw lil ibnek? F’dan il-​każ, forsi trid tqattaʼ xi ħin tagħmel xi affarijiet li ma tiħux pjaċir tagħmilhom. (Filippin 2:4) “Jien kont ferm iktar interessat fl-​isports milli kien ibni Vaughan,” jgħid Ian, li jgħix fl-​Afrika t’Isfel. “Hu kien iħobb l-​ajruplani u l-​kompjuters. Għalhekk, bdejt ninteressa ruħi f’dawk l-​affarijiet ukoll, billi kont nieħdu għal wirjiet tal-​ajruplani u konna nilagħbu logħba fuq il-​kompjuter li fiha tkun qisek qed issuq ajruplan. Inħoss li peress li konna nieħdu sehem flimkien f’attivitajiet pjaċevoli, Vaughan kien iħossu iktar komdu jitkellem miegħi.”

Ibnilu l-​Fiduċja Fih Innifsu

“Ara, pa, ara!” It-​tifel ċkejken tiegħek qatt qallek xi ħaġa bħal din meta tgħallem jagħmel xi ħaġa ġdida? Jekk issa sar adoloxxent, għadu jurik li jrid l-​approvazzjoni tiegħek? Forsi le. Imma żgur li jeħtieġha biex jikber u jsir adult bilanċjat.

Innota l-​eżempju li ħalla Alla Ġeħova nnifsu meta ttratta maʼ wieħed minn uliedu. Meta Ġesù kien wasal biex jibda fażi speċjali taʼ ħajtu fuq l-​art, Alla esprima pubblikament l-​affezzjoni tiegħu lejh, billi qal: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:17; 5:48) Huwa minnu li int għandek l-​obbligu li tiddixxiplina u tgħallem lil ibnek. (Efesin 6:4) Imma tfittex ukoll opportunitajiet biex tesprimi l-​approvazzjoni tiegħek għall-​affarijiet tajbin li jgħid u jagħmel?

Xi rġiel isibuha taʼ sfida biex jesprimu l-​approvazzjoni u l-​affezzjoni. Għandhom mnejn trabbew f’familji li fihom il-​ġenituri tagħhom kienu jenfasizzaw l-​iżbalji minflok is-​suċċessi. Jekk dan hu minnu fil-​każ tiegħek, se jkollok bżonn tagħmel sforz kontinwu biex tibni l-​fiduċja taʼ ibnek fih innifsu. Kif tistaʼ tagħmlu dan? Luca, ikkwotat qabel, jaħdem regolarment maʼ ibnu Manuel, li għandu 15-​il sena, hekk kif jagħmlu l-​faċendi fid-​dar. “Kultant,” jgħid Luca, “lil Manuel ngħidlu biex jibda biċċa xogħol waħdu u li se ngħinu jekk ikollu bżonni. Ġeneralment, ilesti x-​xogħol waħdu. Is-​suċċessi tiegħu jagħtuh sodisfazzjon u jkabbrulu l-​fiduċja fih innifsu. Meta jirnexxi, infaħħru. Meta ma jmurx tajjeb daqskemm xtaq, jien xorta ngħidlu li napprezza l-​isforz tiegħu.”

Tistaʼ wkoll tkabbar il-​fiduċja taʼ ibnek fih innifsu billi tgħinu jilħaq miri akbar f’ħajtu. Iżda, xi ngħidu jekk ibnek idum iktar milli tixtieq biex jilħaq il-​miri? Jew xi ngħidu jekk il-​miri tiegħu, għalkemm mhux ħżiena, ikunu differenti minn dawk li kont tagħżel int għalih? F’dan il-​każ, forsi jkollok bżonn tirrivedi dak li tistenna minnu. Jacques, ikkwotat qabel, jgħid: “Nipprova ngħin lil ibni jagħmel miri li jistaʼ jilħaqhom. Imma nipprova wkoll inkun ċert li huma l-​miri tiegħu, mhux tiegħi. Imbagħad infakkar lil nnifsi li għandu bżonn jirsisti biex jilħaq il-​miri tiegħu bil-​pass tiegħu stess.” Jekk tagħti widen għall-​opinjonijiet taʼ ibnek, tfaħħru għal dak li jagħmel sew, u tinkuraġġih biex jegħleb il-​fallimenti tiegħu, tkun qed tgħinu jilħaq il-​miri tiegħu.

Realistikament, ir-​relazzjoni tagħkom se jkollha l-​problemi u l-​isfidi tagħha. Imma fl-​aħħar mill-​aħħar, ibnek x’aktarx li se jkun irid jibqaʼ qribek. Wara kollox, min ma jixtieqx li jibqaʼ qrib xi ħadd li jgħinu jirnexxi?

[Nota taʼ taħt]

a Waqt li dan l-​artiklu jiffoka fuq ir-​rabta unika bejn il-​missirijiet u l-​ulied subien, il-​prinċipji diskussi japplikaw ukoll għar-​relazzjoni bejn il-​missirijiet u l-​ulied bniet.