Iservi t’Eżempju Tajjeb Għalik jew taʼ Twissija?
“L-Alla taʼ Ġakobb . . . jgħallimna dwar triqatu, u aħna nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.”—IS. 2:3.
1, 2. B’liema modi tistaʼ tibbenefika mill-eżempji tal-Bibbja?
ŻGUR li int konvint li tistaʼ tibbenefika minn dak li hemm miktub fil-Bibbja! Ġo fiha ssib eżempji taʼ rġiel u nisa leali li ħajjithom u l-kwalitajiet tagħhom tixtieq timita. (Ebr. 11:32-34) Madanakollu, x’aktarx li qrajt ukoll dwar eżempji taʼ twissija—irġiel u nisa li l-għemejjel jew l-attitudnijiet tagħhom trid tevita.
2 Infatti, xi individwi msemmijin fil-Bibbja jispikkaw kemm bħala eżempji tajbin taʼ x’għandna nagħmlu kif ukoll taʼ twissijiet taʼ x’għandna nwarrbu. Aħseb dwar David, ragħaj umli u mbagħad sultan setgħan. Fih issib eżempju tajjeb taʼ wieħed li ħabb il-verità u fada f’Ġeħova. Iżda, David kien ħati taʼ dnubiet serji, bħal dawk li involvew lil Bat-seba, Urija, u ċensiment li sar b’nuqqas t’għaqal. Imma ejja niffokaw fuq ibnu, Salamun, li kien sultan kif ukoll kittieb tal-Bibbja. L-ewwel se naraw żewġ modi kif serva t’eżempju tajjeb.
“L-Għerf taʼ Salamun”
3. Għala nistgħu ngħidu li Salamun kien t’eżempju tajjeb għalina?
3 Salamun Akbar, Ġesù Kristu, tkellem b’mod favorevoli dwar is-Sultan Salamun, u poġġieh quddiemna bħala eżempju tajjeb. Ġesù qal lil xi Lhud li ddubitaw: “Is-sultana tan-nofsinhar tiġi mqajma fil-ġudizzju maʼ din il-ġenerazzjoni u tikkundannaha; għax ġiet minn truf l-art biex tismaʼ l-għerf taʼ Salamun, imma, ara, xi ħadd akbar minn Salamun qiegħed hawn.” (Mt. 12:42) Iva, Salamun kien famuż għall-għerf tiegħu u ħeġġiġna nkunu għorrief ukoll.
4, 5. Salamun kif kiseb l-għerf, imma kif inhu differenti l-mod kif niksbu l-għerf aħna?
4 Meta Salamun beda jsaltan, Alla deherlu f’ħolma u stiednu jitlob dak li ried. Konxju tal-esperjenza limitata tiegħu, Salamun talab għall-għerf. (Aqra l-1 Slaten 3:5-9.) Alla ħa pjaċir li s-sultan talab għall-għerf minflok għar-rikkezzi u l-glorja, u għalhekk ta lil Salamun “qalb għarfa u li tifhem”—kif ukoll prosperità. (1 Slat. 3:10-14) Bħalma semma Ġesù, l-għerf taʼ Salamun tant kien jispikka li s-sultana taʼ Xeba semgħet dwaru u vvjaġġat fit-tul biex tiltaqaʼ maʼ Salamun u tismaʼ għerfu.—1 Slat. 10:1, 4-9.
5 Illum, ma nistennewx li nirċievu l-għerf b’mod mirakoluż. Salamun qal li “Ġeħova jagħti l-għerf,” imma kiteb li għandna nistinkaw biex niksbu din il-kwalità divina: ‘Agħti widen għall-għerf, u mejjel qalbek għad-dixxerniment.’ Fi qbil maʼ dan, hu uża espressjonijiet bħal ‘sejjaħ,’ ‘ibqaʼ fittex,’ u ‘ibqaʼ ħaffer’ għall-għerf. (Prov. 2:1-6) Jidher ċar li nistgħu niksbu l-għerf.
6. B’liema modi nistgħu nuru li qed nibbenefikaw mill-eżempju tajjeb taʼ Salamun fejn jidħol l-għerf?
6 Ikun tajjeb li tistaqsi, ‘Qed nieħu bis-serjetà l-eżempju taʼ Salamun dwar li ngħożż l-għerf divin?’ Inċertezzi ekonomiċi ġiegħlu lil ħafna jkunu moħħhom fl-impjieg u fil-finanzi tagħhom, kif ukoll influwenzaw deċiżjonijiet dwar it-tip u l-ammont t’edukazzjoni li wieħed għandu jieħu. Xi ngħidu dwarek u l-familja tiegħek? Juru l-għażliet tagħkom li qed tgħożżu u tfittxu l-għerf divin? Jekk taġġustaw il-mod kif taħsbu jew il-miri tagħkom, tkunu tistgħu tiksbu iktar għerf? Fil-verità, li tiksbu u tapplikaw l-għerf hu għall-ġid dejjiemi tagħkom. Salamun kiteb: “Imbagħad tifhem is-sewwa u l-ġustizzja u dak li hu rett, kulma għandek tagħmel biex timxi tajjeb.”—Prov. 2:9.
Paċi Meta l-Qima Vera Ġiet l-Ewwel
7. Kif ġara li Alla kellu tempju grandjuż?
7 Kmieni fil-ħakma tiegħu, Salamun ħa passi biex jibni tempju meraviljuż biex jieħu post it-tabernaklu, li kien ilu jintuża minn żmien Mosè. (1 Slat. 6:1) Aħna nsejħulu t-tempju taʼ Salamun, imma ma kinitx l-idea tiegħu jew il-mod kif jagħmel isem għalih bħala arkitett jew benefattur għani. Fil-fatt, kien David li l-ewwel ħareġ bl-idea li jibni tempju, u kien Alla li ta lil David il-pjanijiet dettaljati għat-tempju u t-tagħmir tiegħu. U David ikkontribwixxa bil-kbir għall-ħlas tax-xogħol. (2 Sam. 7:2, 12, 13; 1 Kron. 22:14-16) Imma kienet ir-responsabbiltà taʼ Salamun li jlesti l-bini tat-tempju, li ħa sebaʼ snin u nofs.—1 Slat. 6:37, 38; 7:51.
8, 9. (a) Salamun serva taʼ liema eżempju tajjeb f’li nipperseveraw f’għemejjel tajbin? (b) X’ġara meta Salamun poġġa l-qima vera fl-ewwel post?
8 B’hekk, Salamun serva t’eżempju tajjeb għalina f’li nipperseveraw f’għemejjel tajbin u f’li nżommu l-iktar affarijiet importanti fl-ewwel post. Meta tlesta t-tempju u tpoġġiet fih l-arka tal-patt, Salamun offra talba pubblika. Parti minn din it-talba lil Ġeħova kienet: “[Jalla] għajnejk ikunu miftuħin fuq din id-dar lejl u nhar, fuq il-post li dwaru int għedt, ‘Ismi se jkun hemmhekk,’ biex tismaʼ t-talba li biha l-qaddej tiegħek jitlob lejn dan il-post.” (1 Slat. 8:6, 29) L-Iżraelin u l-barranin setgħu jitolbu lejn dan it-tempju, li nbena biex iġib unur lill-isem t’Alla.—1 Slat. 8:30, 41-43, 60.
9 X’ġara meta Salamun poġġa l-qima vera fl-ewwel post? Wara li ċċelebraw id-dedikazzjoni tat-tempju, in-nies kienu qed “jithennew u jħossuhom ferħanin f’qalbhom minħabba t-tjubija kollha li Ġeħova wera mal-qaddej tiegħu David u mal-poplu tiegħu Israel.” (1 Slat. 8:65, 66) Infatti, paċi u prosperità rimarkevoli kkaratterizzaw il-ħakma t’40 sena taʼ Salamun. (Aqra l-1 Slaten 4:20, 21, 25.) Salm 72 jgħidilna dan u jagħtina dehen dwar il-barkiet li se ngawdu taħt il-ħakma taʼ Salamun Akbar, Ġesù Kristu.—Salm 72:6-8, 16.
L-Eżempju taʼ Salamun Fih Twissija
10. Liema żball serju għamel Salamun?
10 Imma għala nistgħu ngħidu li l-ħajja taʼ Salamun isservi wkoll t’eżempju taʼ twissija? Forsi l-ewwel ħaġa li tiġik f’moħħok hi n-nisa u l-konkubini barranin tiegħu. Naqraw: “Ġara li meta Salamun xjaħ, in-nisa tiegħu dawrulu qalbu biex imur wara allat oħrajn; u qalbu ma baqgħetx sħiħa maʼ Ġeħova.” (1 Slat. 11:1-6) Mingħajr ebda dubju, int determinat li qatt ma timita l-iżball banali tiegħu. Imma hi din l-unika twissija li nsibu f’ħajjet Salamun? Ikkunsidra xi dettalji taʼ ħajtu li faċilment jintesew u li jistgħu jkunu taʼ twissija għalina.
11. X’nistgħu nikkonkludu dwar l-ewwel żwieġ taʼ Salamun?
11 Salamun ħakem għal 40 sena. (2 Kron. 9:30) Għaldaqstant, x’tistaʼ tikkonkludi mill-1 Slaten 14:21? (Aqra.) Skont dan il-vers, malli miet Salamun, ibnu Reħobogħam sar sultan meta kellu 41 sena. Ommu kienet “Nagħma l-Għammonija.” Dan ifisser li qabel ma Salamun sar sultan, iżżewweġ mara barranija minn ġens għadu li qeda allat foloz. (Mħ. 10:6; 2 Sam. 10:6) Kienet tqimhom hi? Anke jekk xi darba kienet tqimhom, jistaʼ jkun li ma baqgħetx taqdi l-idoli u setgħet saret aduratriċi vera, bħalma għamlu Raħab u Rut. (Rut 1:16; 4:13-17; Mt. 1:5, 6) Xorta waħda, Salamun x’aktarx spiċċa biex kellu kunjati u qraba Għammonin li ma qdewx lil Ġeħova.
12, 13. Liema żball serju għamel Salamun fil-bidu tal-ħakma tiegħu, u kif setaʼ rraġuna?
12 U l-affarijiet tabilħaqq marru għall-agħar wara li sar sultan. Salamun għamel “rabta taż-żwieġ mal-Fargħun is-sultan taʼ l-Eġittu, u ħa lil bint il-Fargħun u ġabha fil-Belt taʼ David.” (1 Slat. 3:1) Imitat din il-mara Eġizzjana lil Rut billi saret aduratriċi taʼ Ġeħova? Il-Bibbja ma tgħidx hekk. Minflok, maż-żmien Salamun bena dar għaliha (u forsi għall-qaddejja Eġizzjani tagħha) barra l-Belt taʼ David. Għala? L-Iskrittura tgħid li għamel hekk għax ma kienx xieraq li aduratriċi falza tgħix ħdejn l-arka tal-patt.—2 Kron. 8:11.
13 Salamun setaʼ ra vantaġġi politiċi li jiġu milli jiżżewweġ prinċipessa Eġizzjana, iżda dan ma kienx skuża. Ħafna żmien qabel, Alla kien ipprojbixxa ż-żwieġ maʼ Kangħanin pagani, u anke semma ċerti popli b’isimhom. (Eżo. 34:11-16) Irraġuna Salamun li l-Eġittu ma kienx wieħed mill-popli msemmijin? Anke jekk irraġuna b’dan il-mod, kien Alla se jaċċetta l-iskuża? Attwalment, b’dak li għamel wera li injora l-periklu ċar li kien semma Ġeħova—li Iżraeli jiġi mdawwar mill-qima vera għal dik falza.—Aqra Dewteronomju 7:1-4.
14. Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nieħdu bis-serjetà l-eżempju taʼ Salamun li jservi taʼ twissija?
14 Se nħallu l-eżempju taʼ Salamun iservi taʼ twissija għalina? Oħt għandha mnejn tipprova tiġġustifika għala għamlet rabta romantika li tinjora l-kmand t’Alla biex tiżżewweġ “biss fil-Mulej.” (1 Kor. 7:39) Jew għandna mnejn inġibu l-iskużi fuq affarijiet oħra. Pereżempju, xi wħud jistgħu jġibu skużi biex jieħdu sehem fi sports jew jingħaqdu fi klabbijiet fl-iskola meta dan mhux meħtieġ. Jew xi ħadd jistaʼ jġib l-iskużi biex ma jħallasx it-taxxi fuq il-flus kollha li qalaʼ jew jigdeb meta mistoqsi dwar xi ħaġa li għamel u li tistaʼ tkun imbarazzanti. Il-punt hu li Salamun bilfors li uża raġunar imperfett biex idur maʼ dak li kkmanda Alla, u aħna nistgħu naqgħu fl-istess nassa.
15. Ġeħova kif wera ħniena meta ttratta maʼ Salamun, imma x’għandna niftakru dwar dan?
15 Huwa interessanti li wara li l-Bibbja ssemmi ż-żwieġ taʼ Salamun maʼ dik il-prinċipessa barranija, tirrakkonta li Alla laqaʼ t-talba tiegħu għall-għerf, u wkoll tah ir-rikkezzi. (1 Slat. 3:10-13) Salamun kien injora l-istruzzjonijiet t’Alla, imma m’hemm l-ebda indikazzjoni li Ġeħova minnufih ċaħdu bħala s-sultan jew li ddixxiplinah b’mod sod. Dan jaqbel mal-fatt li Alla jaf li aħna bnedmin imperfetti, magħmulin mit-trab. (Salm 103:10, 13, 14) Iżda ftakar: L-azzjonijiet tagħna jistaʼ jkollhom konsegwenzi issa jew forsi mal-medda taż-żmien.
Ħafna Nisa!
16. X’kien qed jinjora Salamun billi ħa ħafna nisa?
16 Fl-Għanja taʼ Salamun, is-sultan b’ammirazzjoni qal li ċerta tfajla kienet isbaħ minn 60 sultana u 80 konkubina. (Għan. 6:1, 8-10) Dan setaʼ kien in-numru taʼ nisa u konkubini li kellu f’dak iż-żmien. Anke jekk il-maġġoranza minn dawn in-nisa jew kollha kienu aduraturi veri, Salamun xorta ma kienx qed jobdi l-kmand t’Alla. Alla kien qal permezz taʼ Mosè li s-sultan t’Iżrael “m’għandux ikollu ħafna nisa, sabiex qalbu ma titwarrabx minni.” (Dt. 17:17) Imma għal darb’oħra, Ġeħova ma qabadx u ċaħad lil Salamun. Infatti, Alla xorta bierku billi użah biex jikkomponi l-ktieb Bibliku l-Għanja taʼ Salamun.
17. Liema realtà m’għandniex ninjoraw?
17 Ifisser dan li Salamun setaʼ ma jobdix lil Alla u ma jbatix il-konsegwenzi ħżiena jew li aħna nistgħu nagħmlu l-istess? Le. Minflok, juri li Alla hu paċenzjuż ferm. Però, il-fatt li wieħed mill-poplu t’Alla jistaʼ jinjora d-direzzjoni Tiegħu u ma jbati l-ebda konsegwenza negattiva fil-pront ma jfissirx li fl-aħħar mill-aħħar mhux se jkun hemm xi riżultat taʼ niket. Ftakar f’dak li kiteb Salamun: “Peress li s-sentenza kontra l-għemil ħażin damet ma twettqet, qalb ulied il-bnedmin saret iktar determinata li tagħmel il-ħażin.” Hu żied: “Jien naf ukoll li dawk li jibżgħu mill-Alla l-veru se jaħbtilhom tajjeb, talli kellhom il-biżaʼ tiegħu.”—Ekk. 8:11, 12.
18. Il-każ taʼ Salamun kif wera l-verità li nsibu f’Galatin 6:7?
18 B’sogħba, Salamun ma tax kas din il-verità. Iva, kien għamel ħafna ġid u kien ilu jgawdi barkiet divini. Imma mal-medda taż-żmien, għamel żball wara l-ieħor. Ħadha drawwa li ma jobdix il-kmandi taʼ Ġeħova. Kemm hu minnu dak li l-appostlu Pawlu ġie mnebbaħ jikteb: “Titqarrqux: Alla ma jidħaq bih ħadd. Għax dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad”! (Gal. 6:7) Maż-żmien, Salamun ħasad frott taʼ niket talli injora d-direzzjoni t’Alla. Naqraw: “Is-Sultan Salamun ħabb ħafna nisa barranin flimkien maʼ bint il-Fargħun, nisa Mowabin, Għammonin, Edomin, Sidonin, u Ħittin.” (1 Slat. 11:1) Ħafna minn dawn x’aktarx baqgħu jqimu allat foloz, u dan influwenza lil Salamun. Żvija u tilef l-approvazzjoni tal-Alla paċenzjuż tagħna.—Aqra l-1 Slaten 11:4-8.
Tgħallem mill-Eżempju Tiegħu —Tajjeb u Ħażin
19. Għala tistaʼ tgħid li l-Bibbja fiha ħafna eżempji tajbin?
19 Ġeħova b’qalb tajba nebbaħ lil Pawlu biex jikteb: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.” (Rum. 15:4) Dawn l-affarijiet miktubin jinvolvu ħafna eżempji tajbin, nisa u rġiel taʼ fidi li tispikka. Pawlu setaʼ jgħid: “U x’ngħid iktar? Għax qatt ma nispiċċa kieku kelli nkompli nirrakkonta dwar Gidegħon, Barak, Sansun, Ġefta, David kif ukoll Samwel u l-profeti l-oħrajn, li permezz tal-fidi għelbu saltniet fil-ġlied, wettqu l-ġustizzja, kisbu l-wegħdi, . . . minn dgħajfin intgħamlu qawwijin.” (Ebr. 11:32-34) Aħna nistgħu u għandna nibbenefikaw mill-eżempji tajbin misjubin fl-Iskrittura billi nsegwu jew nimitaw dak li hemm f’dawn ir-rakkonti Bibliċi mill-aħjar.
20, 21. Għala int determinat li tibbenefika mill-eżempji taʼ twissija misjubin fil-Kelma t’Alla?
20 Madanakollu, ċerti rakkonti tal-Bibbja jinkludu eżempji taʼ twissija. Nistgħu nsibu wħud minnhom fil-ħajjiet taʼ nisa u rġiel li Ġeħova xi darba jew oħra aċċetta u uża bħala l-qaddejja tiegħu. Hekk kif naqraw il-Bibbja, nistgħu naraw fejn u kif xi wħud mill-poplu t’Alla żvijaw, u b’hekk saru eżempji taʼ twissija. Nistgħu nitgħallmu li xi wħud bil-mod il-mod żviluppaw attitudnijiet jew tendenzi ħżiena, li eventwalment wasslu għal konsegwenzi taʼ niket. Kif nistgħu nisiltu tagħlimiet minn rakkonti bħal dawn? Għandna mnejn inkunu rridu nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal: ‘Dan kif żviluppa? Tistaʼ tendenza bħal din tiżviluppa fil-każ tiegħi? Jien x’nistaʼ nagħmel biex nevita dan u minflok nibbenefika minn dan l-eżempju taʼ twissija?’
21 Żgur li għandna nikkunsidraw dawn l-eżempji bis-serjetà, għax Pawlu ġie mnebbaħ jikteb: “Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-tmiem tas-sistemi.”—1 Kor. 10:11.
X’Tgħallimt?
• Għala tistaʼ ssib kemm eżempji tajbin u kemm eżempji taʼ twissija fil-Bibbja?
• Salamun għala għamel żball wara l-ieħor?
• Kif tistaʼ tibbenefika mill-eżempju taʼ twissija taʼ Salamun?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 9]
Salamun applika l-għerf mogħti minn Alla
[Stampi f’paġna 12]
Qiegħed int tibbenefika mill-eżempju taʼ twissija li involva lil Salamun?