Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Bibbja Tbassru l-Futur?

Il-Bibbja Tbassru l-Futur?

Tgħallem mill-​Kelma t’Alla

Dan l-​artiklu jikkunsidra mistoqsijiet li forsi ġieli qajjimt u juri fejn tistaʼ ssib it-​tweġibiet fil-​Bibbja tiegħek. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-​tweġibiet miegħek.

1. Huma speċifiċi l-​profeziji tal-​Bibbja?

Huwa biss Alla li Jistaʼ Kollox li jistaʼ jara bil-​quddiem il-​futur fid-​dettall. (Għamos 3:7) Pereżempju, sa miż-​żminijiet tal-​bidu, hu bassar il-​wasla taʼ xi ħadd li jissejjaħ il-​Messija, jew Kristu. Il-​Messija kellu jkun dixxendent tar-​raġel leali Abraham. Kellu jkun ħakkiem li kellu jagħmilha possibbli għal bnedmin ubbidjenti li jerġgħu jiksbu l-​barka taʼ ħajja perfetta, ħielsa mill-​mard. (Ġenesi 22:18; Isaija 53:4, 5) Dan il-​Wieħed Imwiegħed kellu jiġi minn Betlehem.—Aqra Mikea 5:2.

Ġesù wera li kien il-​Messija. Iktar minn sebaʼ sekli bil-​quddiem, il-​Bibbja bassret li l-​Messija kellu jitwieled minn verġni u li kellu jkun mistmerr. Kien se jagħti ħajtu minħabba d-​dnubiet taʼ ħafna, u kien se jindifen mal-​għonja. (Isaija 7:14; 53:3, 9, 12) Il-​Bibbja ddikjarat ukoll, ’il fuq minn ħames sekli minn qabel, li hu kellu jidħol Ġerusalemm fuq ħmar u li kellu jiġi tradut għal 30 biċċa tal-​fidda. Kull dettall seħħ.—Aqra Żakkarija 9:9; 11:12.

2. Alla jbassar dati?

’Il fuq minn ħames sekli bil-​quddiem, il-​Bibbja pprofetizzat is-​sena eżatta taʼ meta kellu jidher il-​Messija. Iż-​żmien sakemm wasal tkejjel b’ġimgħat taʼ snin, li jfisser li kull “ġimgħa” kienet twila sebaʼ snin. Kellu jkun hemm sebaʼ ġimgħat kif ukoll 62 ġimgħa bħal dawn, li jammontaw għal 69 ġimgħa taʼ snin. Dan ifisser 483 sena. Din il-​medda taʼ żmien meta bdiet? Skont il-​Bibbja, it-​tul taʼ żmien beda meta l-​qaddej t’Alla, Neħemija, wasal Ġerusalemm u beda jibni l-​belt mill-​ġdid. L-​istorja tal-​Persja tistabbilixxi d-​data bħala s-​sena 455 Q.E.K. a (Neħemija 2:1-​5) Ġesù tgħammed bħala l-​Messija 483 sena wara, fis-​sena 29 E.K., eżatt fil-​ħin.—Aqra Danjel 9:25.

3. Qegħdin jitwettqu issa l-​profeziji tal-​Bibbja?

Ġesù pprofetizza ġrajjiet importanti ħafna għal żmienna. Il-​profezija tiegħu ssemmi l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, li se ġġib serħan mad-​dinja kollha lil nies li jħobbu lil Alla. Is-​Saltna se ġġib tmiem fuq is-​sistema mill-​agħar kollha kemm hi li fiha ngħixu.—Aqra Mattew 24:14, 21, 22.

Il-​profeziji tal-​Bibbja jiddeskrivu fid-​dettall iż-​żmien tal-​konklużjoni tas-​sistema preżenti. Il-​Bibbja ħabbret li b’kuntrast maʼ dak li forsi kien mistenni li jsir fi żmien taʼ progress, in-​nies kienu se jeqirdu l-​art. Niket kaġunat bi gwerer, nuqqas taʼ ikel, terremoti, u epidemiji tal-​mard kellu jiżdied. (Luqa 21:11; Rivelazzjoni 11:18) Il-​livelli morali kellhom jikkrollaw. F’dawn iż-​żminijiet diffiċli, is-​segwaċi taʼ Ġesù kellhom jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla lill-​ġnus kollha.—Aqra Mattew 24:3, 7, 8; 2 Timotju 3:1-​5.

4. Kif se jkun il-​futur tal-​bnedmin?

Alla li Jistaʼ Kollox għandu affarijiet tajbin maħsubin għal bnedmin leali. Ġesù Kristu, il-​Messija, flimkien mal-​magħżulin tiegħu, se jaħkem mis-​sema għal fuq l-​art. Dawn jifformaw il-​gvern tas-​Saltna li se jaħkem għal elf sena. Il-​mejtin se jitqajmu u se jkollhom l-​opportunità li jkunu ġudikati li jistħoqqilhom il-​ħajja taʼ dejjem. Iktar minn hekk, is-​Saltna se tfejjaq lil kull min ikun qed jgħix dak iż-​żmien. Il-​mard u l-​mewt se jkunu spiċċaw.—Aqra Rivelazzjoni 5:10; 20:6, 12; 21:4, 5.

[Nota ta’ taħt]

a Q.E.K. tfisser Qabel l-​Era Komuni jew Qabel Kristu (Q.K.) u E.K. tfisser Era Komuni jew Wara Kristu (W.K.).

Għal iktar informazzjoni, ara paġni 23-​25 u 197-​201 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? muri hawnhekk.