Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Kif Se Jirnexxili Nipprietka?’

‘Kif Se Jirnexxili Nipprietka?’

Madwar id-​dinja kollha għandna eżempji eċċellenti t’aħwa li lealment jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar minkejja li għandhom problemi serji taʼ saħħa. Bħala eżempju ejja nikkunsidraw lil Dalia, li tgħix f’Vilnius, il-​belt kapitali tal-​Litwanja.

Dalia hi oħt li għandha madwar 35 sena. Mit-​twelid, hi sofriet mill-​effetti taʼ puplesija ċerebrali. Din il-​marda ħallietha paralizzata u b’diffikultà serja biex titkellem. Minħabba f’hekk, membri tal-​familja tagħha biss jistgħu jifhmuha sew. Dalia tgħix m’ommha, Galina, li tieħu ħsieb il-​bżonnijiet tagħha. Għalkemm il-​ħajja taʼ Dalia kienet mimlija għawġ u ansjetà, hi għandha ħarsa pożittiva. Kif inhu possibbli dan?

Galina tispjega: “Fl-​1999, ġiet iżżurna kuġinti, Apolonija. Innotajna li Apolonija, li hi waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, kienet taf il-​Bibbja sew, u Dalia bdiet tistaqsiha ħafna mistoqsijiet. Ftit wara, inbeda studju tal-​Bibbja maʼ Dalia. Kultant kont ningħaqad magħhom fl-​istudju biex nispjega l-​kliem taʼ Dalia. Però, innotajt li kulma kienet qed titgħallem kien qed jgħinha verament. Jien ukoll ma domtx ma tlabt studju tal-​Bibbja.”

Hekk kif Dalia bdiet tifhem il-​veritajiet tal-​Bibbja, kien hemm mistoqsija li bdiet thewden fuqha. Fl-​aħħar, esprimiet ruħha u staqsiet lil Apolonija: “Kif jistaʼ xi ħadd bħali—paralizzat—jirnexxilu jipprietka?” (Mt. 28:19, 20) Apolonija bil-​kalma assigurat lil Dalia: “Tibżax. Ġeħova se jgħinek.” U, tabilħaqq, Ġeħova hekk jagħmel.

Allura, Dalia kif tipprietka? B’diversi modi. Aħwa nisa Kristjani jgħinuha tipprepara ittri b’messaġġ mill-​Bibbja. L-​ewwel, Dalia tesprimi ħsibijietha lill-​aħwa. Imbagħad huma jiktbu ittra li jkun fiha dak li tkun esprimiet. Dalia tagħti xhieda wkoll billi tibgħat messaġġi minn fuq il-​mowbajl tagħha. U meta t-​temp ikun sabiħ, membri tal-​kongregazzjoni joħorġuha sabiex titkellem maʼ nies li jiltaqgħu magħhom f’ġonna lokali u fit-​toroq.

Dalia u ommha komplew jagħmlu progress spiritwali. It-​tnejn iddedikaw ruħhom lil Ġeħova u tgħammdu f’Novembru tal-​2004. F’Settembru tal-​2008, f’Vilnius ġie fformat grupp għal dawk li jitkellmu bil-​Pollakk. Ladarba kien hemm bżonn taʼ iktar pubblikaturi tas-​Saltna, Dalia u ommha ngħaqdu maʼ dan il-​grupp. Dalia tgħid: “Kultant jiġi xahar u ninkwieta għax ma nkunx għadni ħriġt fil-​ministeru. Imma wara li nitlob lil Ġeħova dwar dan, ma jdumx ma jiġi xi ħadd jiftiehem miegħi biex noħorġu fil-​ministeru flimkien.” L-​għażiża oħtna Dalia kif tħossha dwar is-​sitwazzjoni tagħha? Hi tgħid: “Il-​marda pparalizzatli ġismi, imma ma pparalizzatlix moħħi. Jien ferħana ħafna li nistaʼ ngħid lil oħrajn dwar Ġeħova!”