Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nagħmlu l-Ħin tal-Istudju Iktar Pjaċevoli u Produttiv

Nagħmlu l-Ħin tal-Istudju Iktar Pjaċevoli u Produttiv

Kif nistgħu nieħdu iktar pjaċir meta nistudjaw il-​Bibbja? Kif nistgħu nagħmlu l-​istudju tagħna iktar produttiv? Ejja nikkunsidraw fil-​qosor tliet passi importanti li se jgħinuna niksbu l-​iktar benefiċċju mill-​istudju persunali tagħna tal-​Bibbja.

1 ITLOB: L-​ewwel pass li għandna nieħdu hu li nitolbu. (Salm 42:8) Għala? Għax għandna nqisu l-​istudju tal-​Kelma t’Alla bħala parti mill-​qima tagħna. Għalhekk, għandna bżonn nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-​attitudni mentali xierqa u biex jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu. (Lq. 11:13) Barbara, li ilha taqdi bħala missjunarja, tgħid: “Jien dejjem nitlob qabel ma naqra jew nistudja l-​Bibbja. Wara li nitlob, inħoss li Ġeħova hu miegħi u li japprova dak li qed nagħmel.” It-​talb qabel l-​istudju jiftħilna moħħna u qalbna biex naċċettaw bis-​sħiħ l-​abbundanza taʼ ikel spiritwali li jkollna quddiemna.

2 IMMEDITA: Minħabba nuqqas taʼ ħin, xi wħud jikkuntentaw ruħhom biss billi jaqraw il-​Kelma t’Alla fuq fuq. Madankollu, jitilfu l-​benefiċċji li jistgħu jiksbu jekk jistudjaw il-​Bibbja. Carlos, li ilu jaqdi lil Ġeħova iktar minn 50 sena, sar jifhem l-​importanza taʼ li jwarrab il-​ħin biex jimmedita ħalli l-​istudju tiegħu jkun iktar produttiv. Hu jgħid: “Issa meta nistudja, naqra inqas paġni tal-​Bibbja—madwar żewġ paġni kuljum. Imbagħad inkun nistaʼ niddedika iktar ħin biex nimmedita fuq dak li nkun qrajt sabiex nitgħallem lezzjonijiet importanti.” (Salm 77:12) Meta nieħdu l-​ħin biex nimmeditaw, inkabbru l-​għarfien u l-​fehma tagħna dwar ir-​rieda t’Alla.—Kol. 1:9-​11.

3 APPLIKA: Jekk naraw il-​valur prattiku taʼ xi attività, nibbenefikaw iktar minnha. Dan ċertament li hu minnu rigward l-​istudju tal-​Bibbja. “L-​istudju jgħinni negħleb il-​problemi fil-​ħajja taʼ kuljum, u jħejjini biex ngħin lil oħrajn,” jgħid Gabriel, ħu żagħżugħ li għandu rutina regulari taʼ studju tal-​Bibbja. Hu jżid jgħid: “Fil-​ħajja persunali tiegħi nipprova napplika kulma nitgħallem.” (Dt. 11:18; Ġoż. 1:8) Iva, hemm abbundanza taʼ għarfien mingħand Alla li nistgħu nitgħallmu u napplikaw.—Prov. 2:1-​5.

IRRIVEDI: Xi privileġġ għandna li nħaffru fil-​fond fl-​għarfien li pprovda Ġeħova, is-​Sors taʼ kull għerf! (Rum. 11:33) Għalhekk, meta terġaʼ tistudja, agħmel ċert li l-​ewwel titlob lil Ġeħova u tistaqsih biex jagħtik l-​attitudni mentali xierqa u l-​ispirtu qaddis tiegħu. Imbagħad kultant ieqaf biex timmedita fuq dak li taqra. Ukoll, agħmel sforz u fil-​ħajja taʼ kuljum applika dak li titgħallem. Meta tagħmel dawn il-​passi importanti, se ssib li l-​istudju tiegħek tal-​Bibbja jsir pjaċevoli u produttiv ħafna.