Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Art Se Tintemm?

L-Art Se Tintemm?

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .

▪ Xi wħud emmnu li l-​art kellha tintemm fil-​21 t’Ottubru, 2011. Iżda dan ma kienx minnu. B’hekk, dak li bassar Harold Camping, preżentatur fuq ir-​radju fl-​Istati Uniti, ma seħħx. Hu bassar li Jum il-​Ġudizzju kellu jiġi fil-​21 taʼ Mejju, 2011. Hu qal li terremot kbir kellu jheżżeż il-​globu kollu, u ħames xhur wara, jiġifieri, fil-​21 t’Ottubru, l-​art kellha tinqered kompletament.

Madankollu, l-​art qatt ma se tintemm. Il-​Ħallieq tal-​Art mhux se jħalli xi ħaġa bħal din tiġri. Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Int stabbilejt l-​art fis-​sod, biex tibqaʼ wieqfa.”—Salm 119:90.

Iżda, xi qarrejja tal-​Bibbja għandhom mnejn ma jaqblux maʼ dan u jirraġunaw li din il-​pjaneta se tiġi meqruda bin-​nar. Huma jużaw l-​iskrittura tat-​2 Pietru 3:7, 10 biex jappoġġaw ir-​raġunar tagħhom. Din tgħid: “Bl-​istess kelma, is-​smewwiet u l-​art t’issa huma merfugħin għan-​nar u qed jinżammu għal jum il-​ġudizzju u l-​qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla. . . . Iżda l-​jum taʼ Ġeħova se jiġi bħal ħalliel, u f’dan il-​jum is-​smewwiet jgħibu b’ħoss kbir, u l-​elementi tant ikunu jikwu li jdubu, u l-​art u x-​xogħlijiet li fiha jinkixfu.” Għandu dan il-​kliem tal-​appostlu Pietru jittieħed b’mod letterali?

Le m’għandux. Għala le? Għax l-​interpretazzjoni taʼ dawn il-​versi għandha tkun fi qbil kemm mal-​kuntest tal-​ittra taʼ Pietru kif ukoll mal-​kumplament tal-​Bibbja. Aħna nafu li s-​smewwiet, jew l-​univers, huma magħmulin minn biljuni taʼ biljuni taʼ stilel u materja oħra. Ħarsa letterali lejn din l-​iskrittura kieku tkun tfisser li dan il-​kobor kollu jiġi meqrud għax sempliċement f’parti żgħira minnu hemm nies mill-​agħar. Kieku int, teqred kilometri sħaħ taʼ xatt mimli ramel sempliċement għax ramla waħda minnhom ma togħġbokx? Dan ma jagħmilx sens! Għalhekk, lanqas Ġeħova mhu se jeqred l-​univers kollu li ħalaq sempliċement għax seħħet ribelljoni fuq waħda mill-​kreazzjonijiet tiegħu.

Barra minn hekk, raġunar bħal dan imur direttament kontra l-​kliem taʼ Ġesù Kristu, li qal: “Henjin il-​ġwejdin, għax għad jirtu l-​art.” (Mattew 5:5; Salm 37:29) Sejjer missier mimli mħabba jibni dar sabiħa għall-​familja tiegħu biex imbagħad jeqridha bin-​nar? (Salm 115:16) Lanqas biss jgħaddilu minn moħħu li jagħmel xi ħaġa bħal din! Ġeħova mhuwiex biss il-​Ħallieq, imma wkoll Missier mimli mħabba.—Salm 103:13; 1 Ġwanni 4:8.

Pietru juża t-​terminu “art” f’sens figurattiv. Hu rrefera għas-​soċjetà umana—f’dan il-​każ, is-​soċjetà umana mill-​agħar. Taʼ min jinnota li Pietru jagħmel paragun mad-​Dilluvju taʼ żmien Noè. (2 Pietru 3:5, 6) F’din l-​okkażjoni, in-​nies mill-​agħar biss ġew meqrudin; l-​art infisha u l-​bniedem ġust Noè u l-​familja tiegħu salvaw. Bl-​istess mod, meta Pietru uża l-​kelma “smewwiet,” din ukoll ma kinitx letterali. F’dan il-​każ, il-​kelma “smewwiet” tirreferi għat-​tmexxija umana fuq dawk in-​nies li ma jaqdux lil Alla. Għalhekk, in-​nies mill-​agħar li mhux se jindmu se jinqerdu, bħalma se jinqerdu wkoll il-​gvernijiet mill-​agħar kollha. Dawn se jitneħħew u minflokhom se jkun hemm il-​ħakma, jew is-​Saltna, t’Alla fis-​sema.—Danjel 2:44.

Għalhekk, l-​art se tintemm? Le! Dak li se jintemm hu l-​art simbolika, jew is-​soċjetà umana mill-​agħar. L-​art infisha u s-​soċjetà umana futura mmexxija minn Alla se jibqgħu għal dejjem.—Proverbji 2:21, 22.