Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġesù Qagħad Għassa—Imita l-Eżempju Tiegħu

Ġesù Qagħad Għassa—Imita l-Eżempju Tiegħu

“Ibqgħu għassa u itolbu.”​—MT. 26:41.

INT KIF TWIEĠEB?

It-​talb tagħna kif jistaʼ juri li qegħdin għassa?

B’liema modi nistgħu nuru li qegħdin għassa fil-​ministeru tagħna?

Għala hu importanti li noqogħdu għassa meta nkunu għaddejjin minn provi, u kif nistgħu nagħmlu dan?

1, 2. (a) Liema mistoqsijiet jistgħu jqumu dwar l-​eżempju taʼ li Ġesù qagħad għassa? (b) Huwa l-​eżempju perfett taʼ Ġesù t’għajnuna għall-​bnedmin midinbin? Agħti eżempju.

 ĠIELI staqsejt lilek innifsek: ‘Huwa tassew possibbli li toqgħod għassa kif għamel Ġesù? Wara kollox, Ġesù kien perfett! Iktar minn hekk, Ġesù kultant setaʼ jara biċ-​ċar il-​futur—saħansitra eluf taʼ snin fil-​futur! Verament kellu għalfejn joqgħod għassa?’ (Mt. 24:37-​39; Ebr. 4:15) Ejja l-​ewwel inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet ħalli nkunu nistgħu naraw kemm dan is-​suġġett hu importanti u urġenti.

2 Huwa eżempju perfett t’għajnuna għall-​bnedmin midinbin? Iva, għax possibbli li titgħallem minn għalliem tajjeb u l-​eżempju tiegħu. Pereżempju, immaġina raġel li qed jieħu l-​ewwel lezzjoni dwar kif jispara l-​vleġeġ. Ma jistax jispara vleġġa tajjeb biżżejjed biex jolqot it-​targit, imma jieħu iktar lezzjonijiet u jibqaʼ jipprova. Biex jitjieb, jistudja bir-​reqqa l-​eżempju tal-​għalliem tiegħu, li hu arċier espert. L-​istudent jagħti kas kif l-​għalliem joqgħod bilwieqfa, kif ipoġġi jdejh, u kif juża subgħajh fuq il-​korda tal-​qaws. Bil-​mod il-​mod, l-​istudent determinat jitgħallem kemm għandu jagħmel pressjoni fuq il-​korda, kif ir-​riħ jistaʼ jeffettwa l-​vleġġa, u jibqaʼ jħabrek. Billi jimita dak li jara lill-​għalliem jagħmel, eventwalment jimmira l-​vleġeġ tiegħu b’tali mod li jolqtu iktar u iktar viċin iċ-​ċentru tat-​targit. B’mod simili, aħna nibqgħu nipprovaw nitjiebu bħala Kristjani billi nsegwu l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù u nimitaw l-​eżempju perfett tiegħu.

3. (a) Ġesù kif wera li kellu bżonn joqgħod għassa? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 Ġesù tassew kellu bżonn joqgħod għassa? Iva, kellu bżonn. Pereżempju, fl-​aħħar lejl tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art, Ġesù ħeġġeġ lill-​appostli leali tiegħu: “Ibqgħu għassa miegħi.” Hu żied: “Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, sabiex ma tidħlux fit-​tentazzjoni.” (Mt. 26:38, 41) Ġesù dejjem qagħad għassa waqt li kien fuq l-​art. Imma matul is-​sigħat tassew diffiċli qabel il-​mewt tiegħu, hu ried ikun għassa iktar mis-​soltu u jkun qrib kemm jistaʼ jkun taʼ Missieru tas-​sema. Kien jaf li s-​segwaċi tiegħu kellhom joqogħdu għassa bl-​istess mod—mhux biss f’dak iż-​żmien imma wkoll fil-​futur. Ejja nikkunsidraw għala Ġesù jridna noqogħdu għassa. Wara se neżaminaw tliet modi kif nistgħu nimitaw lil Ġesù u noqogħdu għassa fil-​ħajjiet tagħna taʼ kuljum.

GĦALA ĠESÙ JRIDNA NOQOGĦDU GĦASSA

4. Għala għandna bżonn noqogħdu għassa?

4 Fil-​qosor, Ġesù jridna nibqgħu għassa minħabba dak li ma nafux u dak li nafu. Meta Ġesù għex fuq l-​art, kien jaf kollox dwar il-​futur? Le, għax b’umiltà ammetta: “Dak il-​jum u s-​siegħa ma jafhom ħadd, la l-​anġli tas-​smewwiet u lanqas l-​Iben, ħlief il-​Missier.” (Mt. 24:36) F’dak iż-​żmien, Ġesù, “l-​Iben,” ma kienx jaf eżatt meta kien se jiġi t-​tmiem taʼ din id-​dinja mill-​agħar. Xi ngħidu għalina llum? Nafu aħna kollox dwar il-​futur? Dażgur li le! Ma nafux eżatt meta Ġeħova se jibgħat lil Ibnu biex iġib fi tmiem din is-​sistema mill-​agħar. Kieku konna nafu kien ikollna għalfejn noqogħdu għassa? Kif spjega Ġesù, it-​tmiem se jiġi f’daqqa waħda, għal għarrieda; allura dejjem għandna nibqgħu għassa.​—Aqra Mattew 24:43.

5, 6. (a) L-​għarfien tagħna dwar il-​futur u l-​iskopijiet t’Alla kif jgħinuna noqogħdu għassa? (b) L-​għarfien tagħna dwar Satana għala jagħmilna iktar determinati biex noqogħdu għassa?

5 Min-​naħa l-​oħra, Ġesù kien jaf ħafna affarijiet tal-​għaġeb dwar il-​futur—veritajiet li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies madwaru ma kienu jafu xejn affattu dwarhom. L-​għarfien tagħna lanqas jibda maʼ dak taʼ Ġesù, imma grazzi għalih nafu ħafna dwar is-​Saltna t’Alla u dwar dak li se twettaq fil-​futur qarib. Hekk kif inħarsu madwarna, kemm jekk fl-​iskola, kemm fuq ix-​xogħol, u kemm fit-​territorju fejn inwettqu l-​ministeru tagħna, ma narawx aħna li l-​maġġuranza tan-​nies jinsabu fi dlam ċappa dwar dawn il-​veritajiet meraviljużi? Għalhekk, din hi raġuni oħra għala għandna nibqgħu għassa. Bħal Ġesù, irridu dejjem noqogħdu għassa għal opportunitajiet biex naqsmu dak li nafu dwar is-​Saltna t’Alla. Kull opportunità bħal din hi prezzjuża, u ma rridux naħluha. Hemm il-​ħajjiet fin-​nofs!—1 Tim. 4:16.

6 Ġesù kien jaf xi ħaġa oħra li għenitu jibqaʼ għassa. Kien jaf li Satana kien waħħalha f’rasu li jittantah, jippersegwitah, u jiksirlu l-​integrità. Dan l-​għadu mill-​agħar kien dejjem għassa għal “ħin konvenjenti ieħor” biex jgħaddi lil Ġesù minn prova. (Lq. 4:13) Ġesù dejjem qagħad b’sebaʼ għajnejn. Hu ried ikun lest għal kwalunkwe prova, kemm jekk tkun tentazzjoni, oppożizzjoni, jew persekuzzjoni. Ma jistax jingħad l-​istess dwarna? Aħna nafu li Satana xorta għadu “bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” Huwa għalhekk li l-​Kelma t’Alla tħeġġeġ lill-​Kristjani kollha kemm huma: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa.” (1 Pt. 5:8) Iżda, kif nistgħu nagħmlu dan?

KIF IT-​TALB JGĦINNA NOQOGĦDU GĦASSA

7, 8. X’parir ta Ġesù rigward it-​talb, u x’eżempju ħalla?

7 Il-​Bibbja tagħmel konnessjoni importanti bejn li nibqgħu mqajmin, jew, għassa spiritwalment u t-​talb. (Kol. 4:2; 1 Pt. 4:7) Ftit wara li Ġesù staqsa lis-​segwaċi tiegħu biex jibqgħu għassa miegħu, hu qal: “Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, sabiex ma tidħlux fit-​tentazzjoni.” (Mt. 26:41) Ried ifisser hu li kellhom jitolbu biss matul is-​sitwazzjoni tassew diffiċli li kienu fiha dak il-​ħin? Le, il-​parir tiegħu hu prinċipju li għandna ngħixu fi qbil miegħu kuljum.

8 Ġesù ta eżempju prim tat-​talb. Għandek mnejn tiftakar li darba qattaʼ lejl sħiħ jitlob lil Missieru. Ejja nipprovaw inġibu x-​xena quddiem għajnejna. (Aqra Luqa 6:12, 13.) Hija r-​rebbiegħa, u x’aktarx Ġesù qiegħed viċin il-​belt taʼ Kafarnahum. Wara nżul ix-​xemx, Ġesù jitlaʼ fuq waħda mill-​muntanji li jagħtu fuq il-​Baħar tal-​Galilija. Hekk kif jibda dieħel il-​lejl, forsi jara d-​dwal tal-​lampi taż-​żejt inemnmu f’Kafarnahum u fi rħula oħra fil-​viċin. Imma meta Ġesù jitkellem maʼ Ġeħova, hu jiffoka fuq it-​talba tiegħu u ma jħalli xejn itellfu. Jgħaddu l-​minuti, u mbagħad is-​sigħat. Bilkemm jagħti kas hekk kif id-​dwal taħtu jintfew wieħed wieħed jew hekk kif il-​qamar jimxi mal-​firxa tas-​smewwiet jew hekk kif l-​annimali li joħorġu billejl ifittxu għall-​ikel qalb is-​siġar żgħar. It-​talba tiegħu x’aktarx tikkonċerna d-​deċiżjoni kbira li hemm quddiemu—dik li jagħżel it-​12-​il appostlu tiegħu. Nistgħu nimmaġinaw lil Ġesù medhi f’li jgħid lil Missieru dak kollu li ħaseb u li inkwetah dwar kull dixxiplu hekk kif bil-​ħeġġa talab għall-​gwida u l-​għerf.

9. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù meta talab il-​lejl kollu?

9 X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù? Li għandna nqattgħu sigħat sħaħ fit-​talb? Le, għax b’qalb tajba hu rrikonoxxa dwar is-​segwaċi tiegħu: “Naturalment, l-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.” (Mt. 26:41) Minkejja dan, aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù. Pereżempju, infittxu għall-​parir taʼ Missierna tas-​sema qabel ma nieħdu kwalunkwe deċiżjoni li tistaʼ teffettwa spiritwalment lilna, lill-​familja tagħna, jew lil sħabna fit-​twemmin? Jinvolvi t-​talb tagħna t-​tħassib li għandna dwar ħutna fil-​fidi? Nitolbu mill-​qalb, jew dejjem naqbdu l-​istess kantaliena? Ukoll, innota li għal Ġesù kienet l-​għaxqa tiegħu jitkellem b’mod intimu u fil-​privat maʼ Missieru. Fil-​ħajja mgħaġġla tal-​lum, huwa faċli wisq biex insiru tant medhijin fil-​pass tal-​ħajja li ninsew dak li hu l-​iktar importanti. Jekk nagħmlu ħafna ħin għal talb fil-​fond u intimu se nkunu iktar imqajmin spiritwalment. (Mt. 6:6, 7) Se nersqu eqreb lejn Ġeħova, ħerqanin li nsaħħu r-​relazzjoni tagħna miegħu u li nevitaw li nagħmlu kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ddgħajjifha.—Salm 25:14.

KIF NOQOGĦDU GĦASSA FIX-XOGĦOL TAL-IPPRITKAR

10. Liema eżempju jurina kif Ġesù qagħad attent għal opportunitajiet biex jagħti xhieda?

10 Ġesù qagħad għassa fix-​xogħol li Ġeħova inkarigah jagħmel. Jistaʼ jkun hemm xi xogħlijiet fejn il-​ħaddiem jistaʼ jħalli moħħu jiġġerra ’l hawn u ’l hemm mingħajr konsegwenzi serji. Imma ħafna impjiegi jitolbu li l-​ħaddiem jibqaʼ ffokat sew u moħħu hemm, u l-​ministeru Kristjan żgur li hu taʼ dan it-​tip. Ġesù dejjem kien attent f’xogħlu u qagħad għassa għal opportunitajiet biex jaqsam l-​aħbar tajba. Pereżempju, meta hu u d-​dixxipli tiegħu waslu fil-​belt taʼ Sikar wara nofstanhar twil taʼ mixi, id-​dixxipli marru jixtru l-​ikel. Ġesù baqaʼ ħdejn il-​bir tal-​belt biex jistrieħ, imma baqaʼ għassa u ra opportunità biex jagħti xhieda. Mara Samaritana ġiet biex ittellaʼ l-​ilma. Ġesù setaʼ għażel li jieħu nagħsa. Setaʼ ħaseb dwar raġunijiet biex jevita konversazzjoni. Madanakollu, hu beda jitkellem, involva lill-​mara fil-​konversazzjoni, u ta xhieda qawwija li effettwat il-​ħajjiet taʼ ħafna wħud f’dik il-​belt. (Ġw. 4:4-​26, 39-​42) Nistgħu aħna nimitaw iktar l-​eżempju taʼ Ġesù, forsi billi noqogħdu iktar għassa għal opportunitajiet biex naqsmu l-​aħbar tajba man-​nies li niltaqgħu magħhom fil-​ħajja taʼ kuljum?

11, 12. (a) Ġesù kif wieġeb għal dawk li pprovaw jaljenawh minn xogħlu? (b) Liema bilanċ wera Ġesù fejn jidħol il-​ministeru tiegħu?

11 Xi kultant, individwi b’intenzjonijiet tajbin ipprovaw jaljenaw lil Ġesù minn xogħlu. F’Kafarnahum, il-​folol tant intmessetilhom qalbhom bil-​mirakli taʼ fejqan taʼ Ġesù li riedu jżommuh hemmhekk magħhom. Nistgħu nifhmuh dan. Imma l-​inkarigu speċjali taʼ Ġesù kien li jipprietka ‘lin-​nagħaġ mitlufin kollha taʼ dar Israel,’ mhux biss lil dawk f’belt waħda. (Mt. 15:24) Allura qal lil dawn in-​nies: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Lq. 4:40-​44) Jidher ċar li l-​ħajja taʼ Ġesù kienet tiffoka fuq il-​ministeru tiegħu. Ma ħalla xejn ifixklu.

12 Kien Ġesù tant medhi f’xogħlu li ma kienx bilanċjat, forsi billi ma jħallix il-​ħin biex igawdi affarijiet oħra fil-​ħajja? Kellu tant x’jagħmel fil-​ministeru tiegħu li ma kienx jaf x’kellhom bżonn in-​nies? Le, Ġesù ħalla eżempju perfett taʼ bilanċ. Hu gawda l-​ħajja u kien jieħu pjaċir maʼ ħbiebu. Kellu mogħdrija għall-​familji u wera empatija profonda għall-​bżonnijiet u l-​problemi tagħhom, u bil-​libertà wera l-​affezzjoni tiegħu għat-​tfal.—Aqra Marku 10:13-​16.

13. Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù u noqogħdu għassa u nkunu bilanċjati fil-​ministeru?

13 Hekk kif nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù u noqogħdu għassa, kif nistgħu nistinkaw għal bilanċ simili? Aħna ma nħallux lil din id-​dinja taljenana minn xogħolna. Anke ħbieb u qraba b’intenzjonijiet tajbin jistgħu jħeġġuna nnaqqsu l-​pass fil-​ministeru tagħna jew infittxu dak li huma jqisu li hu ħajja normali. Imma jekk nimitaw lil Ġesù, aħna nqisu l-​ministeru tagħna bħallikieku kien ikel. (Ġw. 4:34) Ix-​xogħol tagħna jsostnina spiritwalment u nitgħaxxqu nagħmluh. Iżda qatt ma rridu nkunu estremisti billi nuru attitudni li aħna ġusti f’għajnejna stess jew ma nħallux lilna nfusna ngawdu affarijiet oħra. Bħal Ġesù, irridu nkunu qaddejja ferħanin u bilanċjati tal-​“Alla l-​hieni.”—1 Tim. 1:11.

KIF NOQOGĦDU GĦASSA FI ŻMINIJIET TAʼ PROVI

14. Meta ngħaddu minn provi, liema tendenza għandna nevitaw, u għala?

14 Bħalma rajna, xi ftit mill-​pariri l-​iktar urġenti taʼ Ġesù biex noqogħdu għassa ġew meta kien għaddej minn provi ibsin. (Aqra Marku 14:37.) Meta aħna nħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjonijiet diffiċli jkollna bżonn niftakru fl-​eżempju tiegħu iktar minn qatt qabel. Meta jkunu għaddejjin mill-​provi ħafna nies għandhom it-​tendenza jinsew verità vitali, waħda tant importanti li l-​ktieb tal-​Proverbji jsemmiha darbtejn: “Hemm triq li tidher retta għal bniedem, imma mbagħad tmiemha hu l-​mewt.” (Prov. 14:12; 16:25) Jekk nistrieħu fuq il-​ħsib tagħna stess, speċjalment meta niffaċċjaw problemi serji, x’aktarx li se nipperikolaw lilna nfusna u lil dawk li nħobbu.

15. Liema tentazzjoni għandu mnejn iħabbat wiċċu magħha kap tal-​familja matul żminijiet ekonomiċi diffiċli?

15 Pereżempju, kap tal-​familja għandu mnejn jiffaċċja ħafna pressjoni biex jipprovdi materjalment “għal tiegħu.” (1 Tim. 5:8) Forsi jiġi mħajjar jaċċetta xogħol li jġiegħlu jitlef il-​laqgħat Kristjani, iżommu milli jieħu t-​tmexxija fil-​qima tal-​familja, jew milli jipparteċipa fil-​ministeru. Jekk jagħmel biss dak li hu jaħseb li hu tajjeb, jistaʼ jidher għaqli li jaċċetta x-​xogħol. Però, dan jistaʼ jwassal għal mard jew mewt spiritwali. Kemm ikun aħjar li jsegwi l-​parir fi Proverbji 3:5, 6! Salamun qal: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-​mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.”

16. (a) Liema eżempju ħalla Ġesù dwar li jafda fl-​għerf taʼ Ġeħova minflok f’tiegħu? (b) Ħafna kapijiet tal-​familja kif qed jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù u jafdaw f’Ġeħova matul żminijiet ibsin?

16 Meta Ġesù kien għaddej minn prova, b’determinazzjoni rrifjuta li jistrieħ fuq il-​fehma tiegħu stess. Aħseb naqra dwar dan! L-​iktar raġel għaref li qatt għex fuq din l-​art għażel li ma jistrieħx fuq l-​għerf tiegħu stess. Pereżempju, meta Satana ttantah, Ġesù darba wara l-​oħra wieġeb bil-​frażi: “Hu miktub.” (Mt. 4:4, 7, 10) Hu straħ fuq l-​għerf taʼ Missieru biex jitqabad kontra t-​tentazzjoni, u b’hekk wera l-​umiltà li Satana jistmerr u li m’għandu lanqas traċċa minnha. Nagħmlu l-​istess aħna? Kap tal-​familja li joqgħod għassa kif għamel Ġesù jħalli l-​Kelma t’Alla tiggwidah, speċjalment fi żminijiet taʼ prova. Madwar id-​dinja, eluf taʼ kapijiet tal-​familja qed jagħmlu preċiż hekk. B’mod sod qed ipoġġu s-​Saltna t’Alla u l-​qima pura l-​ewwel f’ħajjithom, saħansitra qabel tħassib materjali. B’hekk qed jieħdu ħsieb lill-​familji tagħhom bl-​aħjar mod. Min-​naħa tiegħu, Ġeħova jbierek l-​isforzi tagħhom biex jipprovdu għall-​bżonnijiet materjali tal-​familji tagħhom, sewwa sew kif wiegħed.—Mt. 6:33.

17. Xi jqanqlek timita lil Ġesù u toqgħod għassa?

17 Mingħajr ebda dubju, Ġesù tana l-​aqwa eżempju dwar li noqogħdu għassa. L-​eżempju tiegħu hu prattiku, taʼ ġid, u saħansitra jsalva l-​ħajjiet. Tinsiex, Satana hu ħerqan biex ibennek f’raqda spiritwali—jiġifieri jrid idgħajjiflek il-​fidi, itelliflek iż-​żelu fil-​qima lil Ġeħova, u jiksirlek l-​integrità. (1 Tess. 5:6) Tpaxxihx! Ibqaʼ għassa kif għamel Ġesù—għassa fit-​talb, fil-​ministeru, u meta tħabbat wiċċek mal-​provi. Billi tagħmel dan, int se tgawdi ħajja hienja, sodisfaċenti, u mimlija tifsir saħansitra issa hekk kif tara t-​tmiem taʼ din is-​sistema riesaq. Jekk toqgħod għassa, Ġesù se jsibek attent u bieżel taqdi lil Alla meta jiġi biex jeqred din id-​dinja mill-​agħar. Kemm se jitgħaxxaq Ġeħova meta jippremjak għal-​lealtà tiegħek!—Riv. 16:15.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 6]

Ġesù pprietka lill-​mara ħdejn il-​bir. Liema opportunitajiet tagħmel int biex tipprietka kuljum?

[Stampa f’paġna 7]

Meta tieħu ħsieb il-​benesseri spiritwali tal-​familja tiegħek turi li qiegħed għassa