Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Ibqgħu fil-Kelma Tiegħi’

‘Ibqgħu fil-Kelma Tiegħi’

“Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.”—ĠWANNI 8:31, 32.

Xi Tfisser: Il-​“kelma” taʼ Ġesù tfisser it-​tagħlim tiegħu, li ġie minn sors iktar għoli. “Il-​Missier li bagħatni, hu stess ordnali x’għandi ngħid u x’għandi nitkellem,” qal Ġesù. (Ġwanni 12:49) F’talba lil Missieru tas-​sema, Alla Ġeħova, Ġesù qal: “Kelmtek hi l-​verità.” Hu spiss ikkwota l-​Kelma t’Alla biex jappoġġa t-​tagħlim tiegħu. (Ġwanni 17:17; Mattew 4:4, 7, 10) Il-​Kristjani veri, mela, ‘jibqgħu fil-​kelma tiegħu,’ jiġifieri, jaċċettaw il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, bħala “verità” u l-​ogħla awtorità għat-​twemmin u l-​prattiki tagħhom.

Din il-​Karatteristika fil-​Kristjani tal-​Bidu: Il-​kittieb Kristjan li l-​iktar kiteb kotba tal-​Bibbja, l-​appostlu Pawlu, kellu l-​istess rispett għall-​Kelma t’Alla bħal Ġesù. Hu kiteb: “L-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa.” (2 Timotju 3:16) L-​irġiel li nħatru biex jgħallmu lil Kristjani sħabhom kellhom “iżommu sod mal-​Kelma t’Alla li hi żgura u taʼ min jafdaha.” (Titu 1:7, 9, The Amplified Bible) Il-​Kristjani tal-​bidu kienu mwissijin biex jiċħdu “filosofija u qerq fieragħ skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin, skond l-​affarijiet elementari tad-​dinja u mhux skond Kristu.”—Kolossin 2:8.

Min Għandu Din il-​Karatteristika Llum? Skont il-​kostituzzjoni tal-​Vatikan (Dogmatic Constitution on Divine Revelation), adottata fl-​1965 u kwotata fil-​ktieb Il-​Katekiżmu tal-​Knisja Kattolika: “Il-​Knisja [Kattolika] . . . ma tiksibx iċ-​ċertezza tagħha dwar kull ma ġie rrivelat mill-​Iskrittura Mqaddsa biss. Għalhekk kemm it-​Tradizzjoni u kemm l-​Iskrittura Mqaddsa għandhom jiġu milqugħin u miqjuma bl-​istess sentiment taʼ tjieba u taʼ qima.” Artiklu fir-​rivista2201 Maclean’s ikkwota ministru tar-​reliġjon f’Toronto, il-​Kanada, li staqsiet: “Għala għandna bżonn taʼ leħen ‘rivoluzzjonarju’ minn żewġ millennji ilu biex jiggwidana? Għandna ideat meraviljużi tagħna stess li qed jiddgħajfu l-​ħin kollu peress li aħna mistennijin li nġibuhom fi qbil maʼ Ġesù u l-​Iskrittura.”

Enċiklopedija minnhom (New Catholic Encyclopedia) tistqarr dan dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova: “Huma jqisu l-​Bibbja bħala l-​uniku sors tagħhom taʼ twemmin u regoli taʼ kondotta.” Dan l-​aħħar, raġel fil-​Kanada interrompa waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova hekk kif kienet qed tintroduċi lilha nfisha. “Naf min int,” qalilha waqt li pponta lejn il-​Bibbja, “mill-​firma tiegħek.”